|
3.
|
Elementi ambjentali tas-sistema ta’ ġestjoni Dan il-punt jispeċifika l-elementi u l-proċeduri li bihom il-fabbrikant ikun jista’ juri li l-prodott jikkonforma mar-rekwiżiti tal-miżura implimentattiva applikabbli.
3.1. Il-Politika tal-Prestazzjoni Ambjentali tal-Prodott
Il-fabbrikant għandu jkun jista’ juri l-konformità mar-rekwiżiti tal-miżura implimentattiva applikabbli. Għandu wkoll ikun jista’ jipprovdi qafas biex ikunu jistgħu jsiru jew jiġu riveduti oġġettivi u indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodott sabiex il-prestazzjoni ambjentali totali tal-prodott tkun tista’ titjieb.
Il-miżuri kollha li jkunu adottati mill-fabbrikant biex itejbu l-wirja ambjentali ġenerali u jwaqqfu profil ekoloġiku ta’ prodott, jekk ikun meħtieġ mill-miżura implimentattiva, mid-disinn u l-manifattura, iridu jiġu dokumentati b’mod sistematiku u ordnat fil-forma ta’ proċeduri u struzzjonijiet bil-miktub.
Dawn il-proċeduri u struzzjonijiet jrid ikollhom, b’mod partikolari, deskrizzjoni adegwata ta’:
(a)
il-lista tad-dokumenti li għandha tkun ippreparata biex turi l-konformità tal-prodott, u jekk ikun relevanti, li għandhom ikunu disponibbli;
(b)
l-oġġettivi u l-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodott u l-istruttura tal-organizzazzjoni, ir-responsabbiltajiet, is-setgħat tal-amministraturi u l-allokazzjoni tar-riżorsi f’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni u l-manutenzjoni tagħhom;
(c)
il-kontrolli u t-testijiet li għandhom isiru wara l-manifattura biex jivverifikaw il-prestazzjoni tal-prodott kontra l-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali;
(d)
proċeduri biex jikkontrollaw id-dokumentazzjoni meħtieġa u biex jiżguraw li din tinżamm aġġornata; u
(e)
il-metodu biex jivverifika l-implimentazzjoni u l-effiċjenza tal-elementi ambjentali tas-sistema ta’ ġestjoni.
3.2. Ippjanar
Il-fabbrikant għandu jistabbilixxi u jżomm:
(a)
il-proċeduri għall-istabbiliment tal-profil ekoloġiku tal-prodott;
(b)
oġġettivi u indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodott, li jikkunsidraw il-possibiltajiet teknoloġiċi u jqisu r-rekwiżiti tekniċi u ekonomiċi;
(c)
programm biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
3.3. Implimentazzjoni u Dokumentazzjoni
3.3.1. Id-dokumentazzjoni li tikkonċerna s-sistema ta’ ġestjoni għandha, b’mod partikolari, tikkonforma ma’ dawn li ġejjin:
(a)
ir-responsabbiltajiet u l-awtoritajiet għandhom ikunu definiti u dokumentati sabiex jiżguraw prestazzjoni ambjentali tal-prodott effettiva u jsir rapport dwar l-operat tiegħu għall-analiżi u t-titjib;
(b)
id-dokumenti għandhom ikunu stabbiliti u jindikaw il-kontroll tad-disinn u l-mezzi tekniċi għall-verifika implimentati u l-proċessi u l-miżuri sistematiċi li ġew użati meta l-prodott kien qed jiġi ddisinjat; u
(c)
il-fabbrikant għandu jistabbilixxi u jżomm aġġornata informazzjoni li tiddeskrivi l-elementi ambjentali ċentrali tas-sistema ta’ ġestjoni u l-proċeduri għall-kontroll tad-dokumenti kollha meħtieġa.
3.3.2. Id-dokumentazzjoni li tikkonċerna l-prodott għandha tinkludi, b’mod partikolari:
(a)
deskrizzjoni ġenerali tal-prodott u tal-użu maħsub tiegħu;
(b)
ir-riżultati ta’ studji ta’ stima ambjentali rilevanti li jkunu saru mill-fabbrikant, u/jew ir-referenzi għal-letteratura ta’ stima ambjentali jew studji tal-każijiet li ntużaw mill-fabbrikant għall-valutazzjoni, id-dokumentazzjoni u d-deċiżjoni dwar is-soluzzjonijiet tad-disinn tal-prodott;
(c)
il-profil ekoloġiku, jekk hu meħtieġ mill-miżura implimentattiva;
(d)
dokumenti li jiddeskrivu r-riżultati tal-kejl li sar tar-rekwiżiti tal-ekodisinn inklużi dettalji tal-konformità tal-qisien kif huma mqabbla mar-rekwiżiti għall-ekodisinn stabbiliti mill-miżura implimentattiva applikabbli;
(e)
il-fabbrikant għandhu jistabbilixxi speċifikazzjonijiet li jindikaw, b’mod partikolari, liema standards ikunu ġew applikati; fejn l-istandards imsemmija fl-Artikolu 10 mhumiex applikati jew fejn ma jkoprux b’mod totali r-rekwiżiti tal-miżura implimentattiva relevanti, il-metodi li ġew użati biex il-konformità tkun żgurata; u
(f)
kopja tal-informazzjoni li tikkonċerna l-aspetti ambjentali tal-prodott li hija provduta skont ir-rekwiżiti speċifikati fl-Anness I, Parti 2.
3.4. Kontrolli u azzjoni korrettiva
3.4.1. Il-fabbrikant għandu:
(a)
jieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżgura li l- prodott jkun manifatturat b’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tad-disinn u mar-rekwiżiti tal-miżura implimentattiva li japplikaw għalih;
(b)
jistabbilixxi u jżomm aġġornati l-proċeduri biex in-nuqqas ta’ konformità tkun investigata u tingħata risposta, u jimplimenta tibdil fil-proċeduri dokumentati li jirriżultaw minn azzjoni korrettiva; u
(c)
iwettaq, mill-inqas kull tliet snin, verifika interna sħiħa tas-sistema ta’ ġestjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-elementi ambjentali tagħha.
|