+Artikolu 2 Definizzjonijiet

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“politika ambjentali” tfisser l-intenzjonijiet u d-direzzjoni globali ta’ organizzazzjoni marbuta mal-prestazzjoni ambjentali tagħha kif imfissra b’mod formali mill-maniġment fi skala għolja, inkluża l-konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi applikabbli, rilevanti għall-ambjent u wkoll impenn għal titjib kontinwu tal-prestazzjoni ambjentali. Din tipprovdi qafas għall-azzjoni u għat-tfassil ta’ objettivi u miri ambjentali;

(2) 

“prestazzjoni ambjentali” tfisser ir-riżultati li jistgħu jitkejlu tal-ġestjoni ta’ organizzazzjoni tal-aspetti ambjentali tagħha;

(3) 

“konformità ġuridika” tfisser implimentazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti ġuridiċi applikabbli, inkluż il-kondizzjonijiet għall-permessi, fir-rigward tal-ambjent;

(4) 

“aspett ambjentali” tfisser element tal-attivitajiet, il-prodotti jew is-servizzi ta’ organizzazzjoni li għandu jew li jista’ jkollu impatt fuq l-ambjent;

(5) 

“aspett ambjentali sinifikattiv” tfisser aspett ambjentali li għandu jew li jista’ jkollu impatt ambjentali sinifikattiv;

(6) 

“aspett ambjentali dirett” tfisser aspett ambjentali assoċjat ma’ attivitajiet, prodotti u servizzi tal-organizzazzjoni nnifisha li fuqhom hija għandha kontroll dirett tal-ġestjoni;

(7) 

“aspett ambjentali indirett” tfisser aspett ambjentali li jista’ jirriżulta mill-interazzjoni ta’ organizzazzjoni ma’ partijiet terzi u li jista’ jiġi influwenzat sa livell raġonevoli mill-organizzazzjoni;

(8) 

“impatt ambjentali” tfisser kwalunkwe bidla fl-ambjent, kemm jekk ta’ ħsara kif ukoll jekk benefiċjali, li tirriżulta kompletament jew parzjalment mill-attivitajiet, il-prodotti jew is-servizzi ta’ organizzazzjoni;

(9) 

“reviżjoni ambjentali” tfisser analiżi komprensiva inizjali tal-aspetti ambjentali, l-impatti ambjentali u l-prestazzjoni ambjentali relatati mal-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi ta’organizzazzjoni;

(10) 

“programm ambjentali” tfisser deskrizzjoni tal-miżuri, ir-responsabbiltajiet u l-mezzi meħuda jew previsti sabiex jinkisbu l-objettivi u l-miri ambjentali u l-iskadenzi għall-ksib tal-objettivi u l-miri ambjentali;

(11) 

“objettiv ambjentali” tfisser mira ambjentali globali, li tirriżulta mill-politika ambjentali, li organizzazzjoni tiffissa għaliha nnifisha li tikseb, u li hija kkwantifikata fejn prattikabbli;

(12) 

“mira ambjentali” tfisser rekwiżit dettaljat ta’ prestazzjoni, li jirriżulta mill-objettivi ambjentali, applikabbli għal organizzazzjoni jew għal partijiet minnha, u li jeħtieġ li jiġi stabbilit u milħuq sabiex jinkisbu dawk l-objettivi;

(13) 

“sistema ta’ ġestjoni ambjentali” tfisser il-parti tas-sistema ta’ ġestjoni globali li tinkludi l-istruttura organizzattiva, l-attivitajiet ta’ ppjanar, ir-responsabbiltajiet, il-prassi, il-proċeduri, il-proċessi u r-riżorsi għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-ksib, ir-reviżjoni u ż-żamma tal-politika ambjentali u l-ġestjoni tal-aspetti ambjentali;

(14) 

“l-aqwa prassi ta’ ġestjoni ambjentali” tfisser l-aktar sistema effettiva ta’ ġestjoni ambjentali li tista’ tiġi implimentata minn organizzazzjonijiet f’settur rilevanti u li tista’ tirriżulta fl-aqwa prestazzjoni ambjentali f’kondizzjonijiet ekonomiċi u tekniċi partikolari;

(15) 

“bidla sostanzjali” tfisser kwalunkwe bidla fl-operat, l-istruttura, l-amministrazzjoni, il-proċessi, l-attivitajiet, il-prodotti jew is-servizzi ta’ organizzazzjoni li jkollhom jew jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq is-sistema ta’ ġestjoni tal-ambjent tal-organizzazzjoni, l-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem;

(16) 

“verifika ambjentali interna” tfisser evalwazzjoni sistematika, dokumentata, perjodika u oġġettiva tal-prestazzjoni ambjentali ta’ organizzazzjoni, is-sistema u l-proċessi ta’ ġestjoni mfasslin biex iħarsu l-ambjent;

(17) 

“awditur” tfisser individwu jew grupp ta’ individwi, li jappartjeni għal organizzazzjoni nnifisha jew persuna fiżika jew ġuridika minn barra l-organizzazzjoni, li taġixxi f’isem dik l-organizzazzjoni, li twettaq valutazzjoni, b’mod partikolari, tas-sistema ta’ ġestjoni ambjentali fis-seħħ u li tiddetermina l-konformità mal-politika ambjentali u l-programm tal-organizzazzjoni, inkluża l-konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi applikabbli relatati mal- ambjent;

(18) 

“dikjarazzjoni ambjentali” tfisser l-informazzjoni komprensiva għall-pubbliku u partijiet interessati oħrajn rigward:

(a) 

l-istruttura u l-attivitajiet ta’ organizzazzjoni;

(b) 

il-politika ambjentali u s-sistema ta’ ġestjoni ambjentali tagħha;

(c) 

l-aspetti u l-impatti ambjentali tagħha;

(d) 

il-programm, l-objettivi u l-miri ambjentali tagħha;

(e) 

il-prestazzjoni ambjentali u l-konformità ma’ obbligi ġuridiċi applikabbli relatati mal-ambjent kif stipulat fl-Anness IV;

(19) 

“dikjarazzjoni ambjentali aġġornata” tfisser l-informazzjoni komprensiva għall-pubbliku u partijiet interessati oħra li fiha aġġornamenti tad-dikjarazzjoni ambjentali li ġiet ivvalidata l-aħħar, fir-rigward tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni u l-konformità tagħha mal-obbligi ġuridiċi applikabbli relatati mal-ambjent kif stipulat fl-Anness IV;

(20) 

“verifikatur ambjentali” tfisser

(a) 

korp ta’ valutazzjoni tal-konformità kif definit fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew kwalunkwe assoċjazzjoni jew grupp li jkun kiseb l-akkreditazzjoni skont dan ir-Regolament; jew

(b) 

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jew kwalunkwe assoċjazzjoni jew grupp ta’ persuni bħal dawn li tkun kisbet liċenzja biex tagħmel verifika u validazzjoni skont dan ir-Regolament;

(21) 

“organizzazzjoni” tfisser kumpannija, korporazzjoni, ditta, intrapriża, awtorità jew istituzzjoni, li tinsab ġewwa jew barra l-Komunità, jew parti jew kombinazzjoni minnha, kemm jekk inkorporata kif ukoll jekk le, pubblika jew privata li jkollha l-funzjonijiet u amministrazzjoni tagħha stess;

(22) 

“sit” tfisser lokalità ġeografika distinta taħt il-kontroll tal-ġestjoni ta’ organizzazzjoni li tkopri l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi, inklużi l-infrastruttura, it-tagħmir u l-materjali kollha; sit huwa l-iżgħar entità li għandha tiġi kkunsidrata għar-reġistrazzjoni;

(23) 

“cluster” tfisser grupp ta’ organizzazzjonijiet indipendenti relatati ma’ xulxin permezz ta’ prossimità ġeografika jew attivitajiet ta’ negozju li konġuntament jimplimentaw sistema ta’ ġestjoni ambjentali;

(24) 

“verifika” tfisser il-proċess ta’ valutazzjoni tal-konformità mwettaq minn verifikatur ambjentali biex jintwera jekk ir-reviżjoni ambjentali, il-politika ambjentali, is-sistema ta’ ġestjoni ambjentali u l- verifika ambjentali interna ta’ organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(25) 

“validazzjoni” tfisser il-konferma mill-verifikatur ambjentali li jkun wettaq il-verifika, li l-informazzjoni u d-data fid-dikjarazzjoni ambjentali ta’ organizzazzjoni u l-aġġornament ambjentali tagħha jkunu affidabbli, kredibbli u korretti u li din id-data, ir-reviżjoni ambjentali, il-politika ambjentali, is-sistema ta’ ġestjoni ambjentali, u l-verifika ambjentali interna jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(26) 

“awtoritajiet ta’ infurzar” tfisser l-awtoritajiet kompetenti rilevanti kif identifikati mill-Istati Membri biex jidentifikaw, jipprevjenu u jinvestigaw ksur tar-rekwiżiti ġuridiċi applikabbli relatati mal-ambjent, u fejn meħtieġ, jieħdu azzjoni ta’ infurzar;

(27) 

“indikatur ta’ prestazzjoni ambjentali” tfisser espressjoni speċifika li tippermetti l-kejl tal-prestazzjoni ambjentali ta’ organizzazzjoni;

(28) 

“organizzazzjonijiet żgħar” tfisser:

(a) 

intrapriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju ( 1 ); jew

(b) 

awtoritajiet lokali li jiggvernaw inqas minn 10 000 abitant jew awtoritajiet pubbliċi oħra li jimpjegaw inqas minn 250 persuna u li jkollhom baġit annwali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun, jew total annwali tal-karta tal-bilanċ li ma jaqbiżx EUR 43 miljun, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(i) 

gvern jew amministrazzjoni pubblika oħra, jew korpi pubbliċi konsultattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali;

(ii) 

persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jwettqu funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skont il-liġi nazzjonali, inklużi dmiritjiet, attivitajiet jew servizzi speċifiċi relatati mal-ambjent; u

(iii) 

persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom responsabbiltajiet jew funzjonijiet pubbliċi, jew li jipprovdu servizzi pubbliċi, relatati mal-ambjent taħt il-kontroll ta’ korp jew persuna msemmija fil-punt (b).

(29) 

“reġistrazzjoni korporattiva” tfisser reġistrazzjoni unika tas-siti kollha jew ta’ xi wħud mis-siti ta’ organizzazzjoni b’siti li jinsabu fi Stat Membru wieħed jew aktar jew f’pajjiżi terzi;

(30) 

“Korp ta’ Akkreditazzjoni” tfisser korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni maħtur skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 li huwa responsabbli għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tal-verifikaturi ambjentali.

(31) 

“Korp ta’ Liċenzjar” tfisser korp maħtur b’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 li huwa responsabbli għall-ħruġ ta’ liċenzji lil, u għas-sorveljanza ta, l-verifikaturi ambjentali.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 12.07.2023 00:00:00 -Doknr: CELEX:32009R1221
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.