+ANNESS IV IT-TAGĦRIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 5(1)

ANNESS IV IT-TAGĦRIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 5(1)

ANNESS IV

IT-TAGĦRIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 5(1)

(IT-TAGĦRIF GĦAR-RAPPORT TA' VALUTAZZJONI TAL-IMPATT FUQ L-AMBJENT)

1. Id-deskrizzjoni tal-proġett, inklużi b'mod partikolari:

(a) deskrizzjoni tal-post tal-proġett;

(b) deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi tal-proġett kollu inkluż, fejn rilevanti, ix-xogħlijiet ta' twaqqigħ meħtieġa, u r-rekwiżiti tal-użu tal-art matul il-fażijiet tal-kostruzzjoni u operattivi;

(c) deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tal-fażi operattiva tal-proġett (b'mod partikolari kull proċess ta' produzzjoni), pereżempju, id-domanda għall-enerġija u l-enerġija użata, in-natura u l-kwantità tal-materjali, l-enerġija u r-riżorsi naturali (inkluż l-ilma, l-art, il-ħamrija u l-bijodiversità) użati;

(d) stima, skont it-tip u l-kwantità, tar-residwi u emissjonijiet mistennija (it-tniġġis tal-ilma, tal-arja, tal-ħamrija u tas-sottoswol, l-istorbju, il-vibrazzjoni, id-dawl, is-sħana, ir-radjazzjoni, eċċ.) u l-kwantitajiet u t-tipi ta' skart prodott matul il-fażi ta' kostruzzjoni u dik operattiva.

2. Deskrizzjoni tal-alternattivi raġonevoli (eż. f'termini ta' disinn tal-proġett, teknoloġija, lok, daqs u skala) eżaminati mill-iżviluppatur, li huma rilevanti għall-proġett propost u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, u indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali għall-għażla li tkun saret, inkluż tqabbil tal-effetti fuq l-ambjent.

3. Deskrizzjoni tal-aspetti rilevanti tal-istat attwali tal-ambjent (xenarju bażi) u deskrizzjoni fil-qosor ta' kif dawn mistennija jevolvu jekk ma jsirx il-proġett, sa fejn il-bidliet naturali mix-xenarju bażi jistgħu jiġu valutati bi sforz raġonevoli abbażi tad-disponibbiltà tal-informazzjoni ambjentali u tal-għarfien xjentifiku.

4. Deskrizzjoni tal-fatturi speċifikati fl-Artikolu 3(1) li x'aktarx jiġu affettwati b'mod sinifikattiv mill-proġett: il-popolazzjoni, is-saħħa tal-bniedem, il-bijodiversità (pereżempju l-fawna u l-flora), l-art (pereżempju t-teħid tal-art), il-ħamrija (pereżempju l-materja organika, l-erożjoni, il-kompattazzjoni, l-impermeabilizzazjoni), l-ilma (pereżempju l-bidliet idromorfoloġiċi, il-kwantità u l-kwalità), il-klima (pereżempju l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, impatti rilevanti għall-adattament), l-assi materjali, il-wirt kulturali, inklużi l-aspetti arkitettoniċi u arkeoloġiċi u l-pajsaġġ.

5. Deskrizzjoni tal-effetti sinifikattivi li l-proġett x'aktarx ikollu fuq l-ambjent li jirriżultaw minn, inter alia:

(a) il-kostruzzjoni u l-eżistenza tal-proġett, inklużi, fejn rilevanti, ix-xogħlijiet ta' twaqqigħ;

(b) l-użu tar-riżorsi naturali, b'mod partikolari l-art, il-ħamrija, l-ilma u l-bijodiversità, b'mod li kemm jista' jkun titqies id-disponibbiltà sostenibbli ta' dawn ir-riżorsi;

(c) l-emissjoni ta' sustanzi li jniġġsu, l-istorbju, il-vibrazzjoni, id-dawl, is-sħana, ir-radjazzjoni, il-ħolqien ta' elementi ta' fastidju u r-rimi u l-irkupru tal-iskart;

(d) ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem, il-wirt kulturali jew l-ambjent (pereżempju minħabba inċidenti jew diżastri);

(e) il-kumulazzjoni tal-effetti ma' proġetti oħra eżisteni u/jew approvati, tenut kont ta' kwalunkwe problema ambjentali eżistenti relatata ma' żoni ta' importanza ambjentali partikolari li x'aktarx jiġu affettwati jew mal-użu tar-riżorsi naturali;

(f) l-impatt tal-proġett fuq il-klima (pereżempju n-natura u l-volum tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra) u l-vulnerabbiltà tal-proġett għat-tibdil fil-klima;

(g) it-teknoloġiji u s-sustanzi użati.

Id-deskrizzjoni tal-effetti sinifikattivi li x'aktarx ikun hemm fuq il-fatturi msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha tkopri l-effetti diretti u kwalunkwe effett indirett, sekondarju, kumulattiv, transkonfinali, għal żmien qasir, medju jew twil, permanenti u temporanju, pożittiv u negattiv tal-proġett. Din id-deskrizzjoni għandha tqis l-objettivi tal-protezzjoni tal-ambjent stabbiliti fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri li huma rilevanti għall-proġett.

6. Deskrizzjoni tal-metodi tat-tbassir jew evidenza użati biex jiġu identifikati u valutati l-effetti sinifikattivi fuq l-ambjent, inklużi d-dettalji tad-diffikultajiet (pereżempju nuqqasijiet tekniċi jew nuqqas ta' għarfien) li jqumu meta jkun qed jinġabar it-tagħrif meħtieġ u l-inċertezzi ewlenin involuti.

7. Deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jevitaw, jipprevjenu, inaqqsu jew, jekk possibbli, jikkontrobilanċjaw kull effett ħażin sinifikattiv li jiġi identifikat fuq l-ambjent, u fejn ikun xieraq, ta' kwalunkwe arranġament propost għall-monitoraġġ (pereżempju t-tħejjija ta' analiżi wara li jkun sar il-proġett). Dik id-deskrizzjoni għandha tispjega sa fejn l-effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent ikunu qed jiġu evitati, prevenuti, imnaqqsa jew kontrobilanċjati, u għandha tkopri kemm il-fażi tal-kostruzzjoni kif ukoll dik operattiva.

8. Deskrizzjoni tal-effetti sinifikattivi ħżiena tal-proġett li huma previsti fuq l-ambjent u li ġejjin mill-vulnerabbiltà tal-proġett għar-riskji ta' inċidenti kbar u/jew diżastri li huma rilevanti għall-proġett. Għal dan l-iskop jista' jintuża tagħrif rilevanti u disponibbli li jkun miksub mill-valutazzjonijiet tar-riskju b'mod konformi mal-leġislazzjoni tal-Unjoni bħad-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 14 ) jew id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom ( 15 ) jew valutazzjonijiet rilevanti mwettqa b'mod konformi mal-leġislazzjoni nazzjonali, bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva jiġu soddisfatti. Fejn ikun xieraq, din id-deskrizzjoni għandha tinkludi miżuri li huma mistennija li jipprevjenu jew itaffu l-effetti sinifikattivi ħżiena ta' tali avvenimenti fuq l-ambjent u d-dettalji tal-livell ta' tħejjija u tar-reazzjoni proposta għal tali emerġenzi.

9. Sommarju mhux tekniku tal-informazzjoni provvduta taħt il-punti 1 sa 8.

10. Lista ta' referenzi li tipprovdi s-sorsi użati għad-deskrizzjonijiet u għall-valutazzjonijiet li huma inklużi fir-rapport.

▼B

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 15.05.2014 00:00:00 -Doknr: CELEX:32011L0092
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.