|
+ANNESS VI |
ANNESS VI
ANNESS VI IR-REKWIŻITI MINIMI GĦALL-VJEĠĠI 1. Sabiex issir distinzjoni bejn l-EEE u l-WEEE, fejn detentur ta’ oġġett jiddikjara li għandu l-intenzjoni li jġorr jew li qiegħed iġorr EEE użat iżda li mhux WEEE, L-Istati Membri għandhom jesiġu li d-detentur ikollu disponibbli dan li ġej biex isostni d-dikjarazzjoni:
(a)
kopja tal-fattura u tal-kuntratt relatati mal-bejgħ u/jew mat-trasferiment tas-sjieda tal-EEE li jiddikjaraw li t-tagħmir huwa maħsub għal użu mill-ġdid dirett u li huwa kompletament funzjonali;
(b)
evidenza tal-valutazzjoni jew l-ittestjar f'forma ta’ kopja tar-reġistri (ċertifikat tal-ittestjar, prova tal-funzjonalità) fuq kull oġġett fil-konsenja u protokoll li jkun fih it-tagħrif kollu tar-reġistri skont il-punt 3;
(c)
dikjarazzjoni li tkun saret mid-detentur li jorganizza t-trasport tal-EEE li l-ebda materjal jew tagħmir fil-konsenja mhuwa skart kif iddefinit bl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE; u
(d)
protezzjoni adatta kontra ħsara waqt it-trasportazzjoni, it-tagħbija u l-ħatt b'mod partikolari permezz ta’ imballaġġ suffiċjenti u arranġament adatt tat-tagħbija. 2. B'deroga, il-punt 1(a) u (b) u l-punt 3 ma japplikawx meta jkun iddokumentat bi provi konklużivi li l-vjeġġ ikun qiegħed isir fil-qafas ta’ ftehim ta’ trasferiment minn negozju għal ieħor u li:
(a)
l-EEE jintbagħat lura lill-produttur jew lil parti terza li jaġixxu f'ismu bħala difettuż għat-tiswija taħt garanzija bl-intenzjoni tal-użu mill-ġdid; jew
(b)
l-EEE għal użu professjonali użat jintbagħat lill-produttur jew lil parti terza li jaġixxu f'ismu jew faċilita' ta’ parti terza f'pajjiżi li għalihom tapplika d-Deċiżjoni C(2001)107/Finali tal-Kunsill OECD rigward ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni C(92)39/Finali dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru, għall-manutenzjoni jew it-tiswija skont kuntratt validu bl-intenzjoni tal-użu mill-ġdid; jew
(c)
l-EEE għal użu professjonali difettuż użat, bħal apparat mediku jew il-partijiet tiegħu, jintbagħat lill-produttur jew lil parti terza li jaġixxu f'ismu għall-analiżi tal-kawża prinċipali skont kuntratt validu, f'każijiet fejn tali analiżi tista' titwettaq biss mill-produttur jew partijiet terzi li jaġixxu f'ismu. 3. Sabiex jintwera li l-oġġetti li qegħdin jinġarru jikkonstitwixxu EEE użat u mhux WEEE, l-Istati Membri għandhom jesiġu li jitwettqu l-passi li ġejjin għall-ittestjar u ż-żamma ta’ reġistri għal EEE: Stadju 1: Ittestjar
(a)
Il-funzjonalità għandha tiġi ttestjata u l-preżenza ta’ sustanzi perikolużi għandha tiġi vvalutata. It-testijiet li għandhom jitwettqu jiddependu mit-tip ta’ EEE. Għall-parti l-kbira tal-EEE test ta’ funzjonalità tal-funzjonijiet ewlenin huwa suffiċjenti.
(b)
Ir-riżultati tal-evalwazzjoni u l-ittestjar għandhom jiġu rreġistrati. Stadju 2: Reġistru
(a)
Ir-reġistru għandu jitwaħħal b'mod sikur iżda mhux permanenti jew fuq EEE stess (jekk dan ma jkunx ippakkjat) jew fuq l-imballaġġ sabiex ikun jista' jinqara mingħajr ma jinfetaħ l-imballaġġ tat-tagħmir.
(b)
Ir-reġistru għandu jinkludi t-tagħrif li ġej:
—
isem l-oġġett (isem it-tagħmir jekk elenkat fl-Anness II jew l-Anness IV, skont il-każ, u l-kategorija elenkata fl-Anness I jew l-Anness III, skont il-każ),
—
In-numru tal-identifikazzjoni tal-oġġett (Nru tat-tip) fejn applikabbli,
—
is-sena tal-produzzjoni (jekk disponibbli),
—
l-isem u l-indirizz tal-kumpanija responsabbli għall-evidenza tal-funzjonalità,
—
ir-riżultati tat-testijiet kif deskritti fl-istadju 1 (inkluża d-data tat-test tal-funzjonalità),
—
it-tip ta’ testijiet imwettqa.
4. Minbarra d-dokumentazzjoni mitluba fil-punti 1, 2 u 3, kull tagħbija (eż. kontenitur tal-ġarr, trakk) ta’ EEE użat għandha tkun akkumpanjata minn:
(a)
dokument tat-trasport rilevanti, eż. CMR jew waybill;
(b)
dikjarazzjoni tal-persuna responsabbli għaliha. 5. Fin-nuqqas ta’ prova li oġġett huwa tagħmir EEE użat u mhux WEEE permezz tad- dokumentazzjoni xierqa meħtieġa taħt il-punti 1, 2, 3 u 4 u fin-nuqqas ta’ protezzjoni xierqa kontra ħsara matul it-trasportazzjoni, it-tagħbija u l-ħatt b'mod partikolari permezz tal-imballaġġ suffiċjenti u arranġament adatt tat-tagħbija, li huma l-obbligi tad-detentur li jirranġa t-trasport, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jikkunsidraw li oġġett huwa WEEE u jippreżumu li t-tagħbija hija konsenja illegali. F'dawn iċ-ċirkostanzi t-tagħbija tiġi ttrattata skont l-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|