1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiċċekkjaw permezz ta' teħid tal-kampjuni li l-kontenut ta' kubrit fil-karburanti użati jkun konformi mal-Artikoli 3 sa 7. It-teħid tal-kampjuni għandu jibda fid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-limitu rilevanti għall-kontenut massimu ta' kubrit fil-karburant. Dan għandu jsir perjodikament b'suffiċjenza ta' frekwenza u kwantitajiet b'mod li l-kampjuni u l-kwantitajiet ikunu rappreżentattivi tal-karburant eżaminat, u fil-każ ta' karburant għal użu marittimu, tal-karburant li jkun qiegħed jintuża mill-bastimenti waqt li jkunu f'żoni tal-baħar jew f'portijiet rilevanti. Il-kampjuni għandhom jiġu analizzati mingħajr dewmien żejjed.