+ANNESS III

ANNESS III




ANNESS III

Kapaċità bidirezzjonali permanenti

1. Għall-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Anness, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista' taġixxi bħala l-awtorità kompetenti jekk l-Istat Membru jiddeċiedi hekk.

2. Sabiex issir operattiva jew tittejjeb il-kapaċità bidirezzjonali fuq interkonnessjoni jew sabiex tinkiseb jew tiġi estiża eżenzjoni minn dak l-obbligu, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni fuq iż-żewġ naħat tal-interkonnessjoni għandhom jippreżentaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom (“l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati”) u lill-awtoritajiet regolatorji tagħhom (“l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati”) wara konsultazzjoni mal-operaturi kollha tas-sistema ta' trasmissjoni potenzjalment ikkonċernati:

(a) 

proposta sabiex issir operattiva kapaċità fiżika permanenti biex jiġi ttrasportat il-gass fiż-żewġ direzzjonijiet għal kapaċità bidirezzjonali permanenti li tikkonċerna d-direzzjoni opposta (“kapaċità fiżika ta' fluss fid-direzzjoni opposta”); jew

(b) 

talba għal eżenzjoni mill-obbligu li ssir operattiva kapaċità bidirezzjonali.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jagħmlu ħilithom biex jippreżentaw proposta konġunta jew talba għal eżenzjoni. Fil-każ ta' proposta biex ssir operattiva kapaċità bidirezzjonali, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jistgħu jagħmlu proposta motivata għal allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż. Tali preżentazzjoni għandha ssir sa mhux aktar tard mill-1 ta' Diċembru 2018 għall-interkonnessjonijiet kollha li jkunu jeżistu fl-1 ta' Novembru 2017, u wara li titlesta l-fażi tal-istudju tal-fattibbiltà iżda qabel il-bidu tal-fażi tad-disinn tekniku dettaljat għal interkonnessjonijiet ġodda.

3. Malli jirċievu l-proposta jew it-talba għal eżenzjoni, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jikkonsultaw mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti u, fejn dawn ma jkunux l-awtoritajiet kompetenti, lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tal-Istat Membru li jista', skont il-valutazzjoni tar-riskju, jibbenefika mill-kapaċità ta' fluss fid-direzzjoni opposta, lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni dwar il-proposta jew it-talba għal eżenzjoni. L-awtoritajiet ikkonsultati jistgħu jagħtu opinjoni fi żmien erba' xhur minn meta jirċievu t-talba għall-konsultazzjoni.

4. Fi żmien sitt xhur minn meta jirċievu l-proposta konġunta, skont l-Artikolu 5(6) u (7), l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati għandhom jieħdu deċiżjonijiet koordinati, wara li jikkonsultaw l-promoturi tal-proġetti kkonċernati, dwar l-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż ta' investiment li għandhom jiġġarrbu minn kull operatur tas-sistema ta' trasmissjoni tal-proġett. Fejn l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati ma jkunux laħqu ftehim sa dik l-iskadenza, huma għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mingħajr dewmien.

5. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju, l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 5(5) ta' dan ir-Regolament, l-opinjonijiet li jirċievu wara l-konsultazzjoni skont il-punt 3 ta' dan l-Anness u b'kunsiderazzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u l-kontribut għas-suq intern tal-gass, jieħdu deċiżjoni koordinata. Dik id-deċiżjoni koordinata għandha tittieħed fi żmien xahrejn. Il-perijodu ta' xahrejn għandu jibda jgħodd wara l-perijodu ta' erba' xhur allokat għall-opinjonijiet imsemmija fil-punt 3 ta' dan l-Anness, sakemm l-opinjonijiet kollha ma jkunux ġew riċevuti qabel, jew wara l-perijodu ta' sitt xhur imsemmi fil-punt 4 ta' dan l-Anness għall-awtoritajiet regolatorji kkonċernati biex jadottaw deċiżjoni koordinata. Id-deċiżjoni koordinata għandha:

(a) 

taċċetta l-proposta għal kapaċità bidirezzjonali. Tali deċiżjoni għandu jkun fiha analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, skeda taż-żmien għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti għall-użu sussegwenti tagħha u għandha tkun akkumpanjata mid-deċiżjoni koordinata dwar l-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż imsemmija fil-punt 4 u għandha titħejja mill-awtoritajiet regolatorji kkonċernati;

(b) 

tagħti jew testendi eżenzjoni temporanja għal perijodu massimu ta' erba' snin jekk l-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji inkluża fid-deċiżjoni turi li l-kapaċità ta' fluss fid-direzzjoni opposta ma żżid is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-ebda Stat Membru rilevanti jew jekk l-ispejjeż ta' investiment jaqbżu b'mod sinifikanti l-benefiċċji prospettivi għas-sigurtà tal-provvista tal-gass; jew

(c) 

tirrikjedi lill-operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni jemendaw u jippreżentaw mill-ġdid il-proposta jew it-talba għal eżenzjoni tagħhom f'perijodu massimu ta' erba' xhur.

6. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jippreżentaw mingħajr dewmien id-deċiżjoni koordinata lill-awtoritajiet kompetenti u lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jkunu taw opinjoni f'konformità mal-punt 3, lill-awtoritajiet regolatorji kkonċernati, lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni u jinkludu l-opinjonijiet li jkunu rċevew wara l-konsultazzjoni skont il-punt 3.

7. Fi żmien xahrejn minn meta jirċievu d-deċiżjoni koordinata, l-awtoritajiet kompetenti msemmijin fil-punt 6 jistgħu jippreżentaw l-oġġezzjonijiet tagħhom għad-deċiżjoni koordinata u jippreżentawhom lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati li jadottawhom, lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni. L-oġġezzjonijiet għandhom ikunu limitati għal fatti u valutazzjoni, b'mod partikolari allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż li ma kinitx soġġetta għal konsultazzjoni skont il-punt 3.

8. Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi d-deċiżjoni koordinata skont il-punt 6, l-Aġenzija għandha tagħti opinjoni dwar l-elementi tad-deċiżjoni koordinata filwaqt li tieħu inkonsiderazzjoni kwalunkwe oġġezzjoni possibbli u tippreżenta l-opinjoni lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati kollha u lill-awtoritajiet kompetenti msemmijin fil-punt 6 u lill-Kummissjoni.

9. Fi żmien erba' xhur minn meta tirċievi l-opinjoni maħruġa mill-Aġenzija skont il-punt 8, il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni li titlob modifiki għad-deċiżjoni koordinata. Kwalunkwe tali deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tittieħed abbażi tal-kriterji stipulati fil-punt 5, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet ikkonċernati u l-opinjoni tal-Aġenzija. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jikkonformaw mat-talba tal-Kummissjoni billi jemendaw id-deċiżjoni tagħhom fi żmien erba' ġimgħat.

Fil-każ li l-Kummissjoni ma taġixxix fil-perijodu ta' erba' xhur imsemmi hawn fuq, għandu jitqies li hija ma qajmet l-ebda oġġezzjoni għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

10. Jekk l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati ma jkunx jistgħu jadottaw deċiżjoni koordinata sal-iskadenza stabbilita fil-punt 5 jew jekk l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati ma jkunux jistgħu jilħqu qbil dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż sal-iskadenza stabbilita fil-punt 4, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-jum ta' wara l-iskadenza. Fi żmien erba' xhur minn meta tirċievi dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni possibbli mal-Aġenzija, għandha tadotta deċiżjoni li tkopri l-elementi kollha ta' deċiżjoni koordinata elenkati fil-punt 5 bl-eċċezzjoni ta' allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż u għandha tippreżenta dik id-deċiżjoni lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati u lill-Aġenzija.

11. Jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni skont il-punt 10 ta' dan l-Anness tirrikjedi kapaċità bidirezzjonali, l-Aġenzija għandha tadotta deċiżjoni li tkopri l-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż f'konformità mal-Artikolu 5(7) ta' dan ir-Regolament fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Qabel tieħu tali deċiżjoni, l-Aġenzija għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet regolatorji kkonċernati u mal-operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni. Il-perijodu ta' tliet xhur jista' jiġi estiż b'perijodu addizzjonali ta' xahrejn fejn l-Aġenzija jkollha titlob informazzjoni addizzjonali. Il-perijodu addizzjonali għandu jibda fil-jum wara r-riċezzjoni tal-informazzjoni kompluta.

12. Il-Kummissjoni, l-Aġenzija, l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni għandhom iżommu l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

13. L-eżenzjonijiet mill-obbligu li ssir operattiva kapaċità bidirezzjonali mogħtija taħt ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 għandhom jibqgħu validi sakemm il-Kummissjoni jew l-Istat Membru kkonċernat l-ieħor ma jitlobx reviżjoni jew sakemm ma jiskadix il-perijodu ta' żmien tagħhom.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 22.06.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32017R1938
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.