Fejn l-Istati Membri jagħtu drittijiet individwali tal-użu għall-ispektrum tar-radju li għalihom ġew stabbiliti kondizzjonijiet armonizzati permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni teknika skont id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE biex ikun possibbli l-użu ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ta’ broadband bla fili (“servizzi ta’ broadband bla fili”) għal perijodu limitat, huma għandhom jiżguraw prevedibbiltà regolatorja għad-detenturi tad-drittijiet għal mill-inqas 20 sena fir-rigward tal-kondizzjonijiet ta’ investiment f’infrastruttura li tiddependi fuq l-użu ta’ tali spektrum tar-radju, b’kont meħud tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dan l-Artikolu huwa soġġett, fejn rilevanti, għal kwalunkwe modifika tal-kondizzjonijiet marbuta ma’ dawk id-drittijiet għall-użu skont l-Artikolu 18.
F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali drittijiet ikunu validi għal perijodu ta’ mill-inqas 15-il sena u jinkludu, fejn meħtieġ għall-konformità mal-ewwel subparagrafu, estensjoni adegwata tiegħu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli l-kriterji ġenerali għal estensjoni tad-durata tad-drittijiet ta’ użu, b’mod trasparenti, għall-partijiet interessati kollha qabel ma jagħtu drittijiet ta’ użu, bħala parti mill-kondizzjonijiet stipulati taħt l-Artikolu 55(3) u (6). Tali kriterji ġenerali għandhom jikkonċernaw:
(a)
il-ħtieġa li jiġi żgurat l-użu effettiv u effiċjenti tal-ispektrum tar-radju kkonċernat, l-għanijiet segwiti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 45(2), jew il-ħtieġa li jiġu sodisfatti għanijiet ta’ interess ġenerali relatati mas-sikurezza tal-ħajja, l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew id-difiża; u
(b)
il-ħtieġa li tiġi żgurata kompetizzjoni mingħajr distorsjoni.
Mhux aktar tard minn sentejn qabel jiskadi l-perijodu ta’ żmien inizjali ta’ dritt individwali ta’ użu, l-awtorità kompetenti għandha twettaq valutazzjoni oġġettiva u li tħares ’il quddiem tal-kriterji ġenerali stipulati għal estensjoni tad-durata ta’ dak id-dritt tal-użu fid-dawl tal-punt (c) tal-Artikolu 45(2). Dment li l-awtorità kompetenti ma bdietx azzjoni ta’ infurzar għan-nonkonformità mal-kondizzjonijiet tad-drittijiet ta’ użu skont l-Artikolu 30, hija għandha tagħti estensjoni tad-durata tad-dritt tal-użu ħlief jekk tikkonkludi li tali estensjoni ma tkunx tikkonforma mal-kriterji ġenerali stabbiliti fil-punt (a) jew (b) tat-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.
Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika d-detentur tad-dritt dwar jekk għandhiex tingħata l-estensjoni tad-durata tad-dritt tal-użu jew le.
Jekk ma tistax tingħata tali estensjoni, l-awtorità kompetenti għandha tapplika l-Artikolu 48 għall-għoti ta’ drittijiet ta’ użu għal dik il-banda speċifika tal-ispektrum tar-radju.
Kwalunkwe miżura taħt dan il-paragrafu għandha tkun proporzjonata, nondiskriminatorja, trasparenti u motivata.
B’deroga mill-Artikolu 23, il-partijiet interessati għandu jkollhom l-opportunità li jikkummentaw dwar kwalunkwe abbozz ta’ miżura skont it-tielet u r-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għal perijodu ta’ mill-inqas tliet xhur.
Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 19 u 30.
Meta jistabbilixxu t-tariffi għad-dritt ta’ użu, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-mekkaniżmu previst taħt dan il-paragrafu.