L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippermettu l-forniment tal-aċċess permezz ta’ RLANs għal netwerk pubbliku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll l-użu tal-ispektrum armonizzat tar-radju għal dak il-forniment, soġġett biss għall-kondizzjonijiet applikabbli tal-awtorizzazzjoni ġenerali relatata mal-użu tal-ispektrum tar-radju kif imsemmi fl-Artikolu 46(1).
Fejn dak il-forniment ma jkunx parti minn attività ekonomika jew ikun anċillari għal attività ekonomika jew għal servizz pubbliku li ma jiddependix fuq it-twassil tas-sinjali f’dawk in-netwerks, kwalunkwe impriża, awtorità pubblika jew utent finali li jipprovdi tali aċċess ma għandux ikun soġġett għal xi awtorizzazzjoni ġenerali għall-forniment tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi skont l-Artikolu 12, għal xi obbligi fir-rigward tad-drittijiet tal-utenti finali skont it-Titolu II tal-Parti III, jew għal obbligi ta’ interkonnessjoni tan-netwerks tagħhom skont l-Artikolu 61(1).