Fil-każ tas-swieq transnazzjonali identifikati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ikkonċernati għandhom konġuntement iwettqu analiżi tas-suq, waqt li jieħdu kont bis-sħiħ tal-linji gwida SMP u jiddeċiedu b’mod miftiehem dwar kwalunkwe impożizzjoni, manutenzjoni, emenda jew irtirar tal-obbligi regolatorji msemmija fl-Artikolu 67(4). L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’mod konġunt l-abbozz ta’ miżuri tagħhom rigward l-analiżi tas-suq u kwalunkwe obbligu regolatorju skont l-Artikoli 32 u 33.
Żewġ awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew iktar jistgħu wkoll jinnotifikaw b’mod konġunt l-abbozz ta’ miżuri tagħhom rigward l-analiżi tas-suq u kwalunkwe obbligu regolatorju fin-nuqqas ta’ swieq transnazzjonali, meta jqisu li l-kondizzjonijiet tas-suq fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom ikunu omoġenji biżżejjed.