Fejn l-Istati Membri jistabbilixxu li, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, il-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 84(1) ma jkunux affordabbli, għaliex il-konsumaturi bi dħul baxx jew bi bżonnijiet soċjali speċjali ma jkunux jistgħu jiksbu aċċess għal tali servizzi, huma għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw l-affordabbiltà għal tali konsumaturi ta’ servizz ta’ aċċess adegwat għall-internet broadband u servizzi ta’ komunikazzjonijiet bil-vuċi minn tal-anqas f’post fiss.
Għal dak l-għan, l-Istati Membri jistgħu jiżguraw li jingħata appoġġ lil tali konsumaturi għal finijiet ta’ komunikazzjoni jew jeżiġu li l-fornituri ta’ dawk is-servizzi joffru lil dawk il-konsumaturi għażliet alternattivi jew pakketti ta’ tariffi li jkunu differenti minn dawk ipprovduti taħt kondizzjonijiet kummerċjali normali, jew it-tnejn. Għal dak l-iskop, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li dawk il-fornituri japplikaw tariffi komuni, inkluż medjar ġeografiku fit-territorju kollu.
F’ċirkostanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari fejn l-impożizzjoni ta’ obbligi taħt it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fuq il-fornituri kollha tirriżulta f’piż amministrattiv jew finanzjarju eċċessiv ippruvat għall-fornituri jew għall-Istat Membru, Stat Membru jista’, eċċezzjonalment, jiddeċiedi li jimponi l-obbligu li jiġu offruti dawk l-għażliet tariffarji jew pakketti speċifiċi fuq impriżi deżinjati biss. L-Artikolu 86 għandu japplika għal tali deżinjazzjonijiet mutatis mutandis. Fejn Stat Membru jiddeżinja impriżi, għandu jiżgura li l-konsumaturi kollha li jkollhom qligħ baxx jew bżonnijiet soċjali speċjali jgawdu minn għażla ta’ impriżi li joffru alternattivi tariffarji li jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom, ħlief jekk ikun impossibbli tali għażla tkun żgurata jew jekk dan ikun joħloq piż organizzattiv jew finanzjarju addizzjonali li jkun eċċessiv.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi intitolati għal tali għażliet -alternattivi jew pakketti ta’ tariffi jkollhom dritt li jikkonkludu kuntratt jew ma’ fornitur tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 84(1), jew ma’ impriża deżinjata f’konformità ma’ dan il-paragrafu, u li n-numru tagħhom jibqa’ disponibbli għalihom għal perijodu adegwat u li jkun evitat il-qtugħ mhux ġustifikat tas-servizz.