Fejn l-ispiża netta tiġi kondiviża skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni amministrat mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew korp indipendenti mill-benefiċjarji taħt is-superviżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali. Tista’ tiġi ffinanzjata biss l-ispiża netta, kif determinata skont l-Artikolu 89, tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 84 sa 87.
Il-mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni għandu jirrispetta l-prinċipji ta’ trasparenza, l-anqas distorsjoni tas-suq, nondiskriminazzjoni u proporzjonalità, skont il-prinċipji stabbiliti fil-Parti B tal-Anness VII. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jitolbux kontribuzzjonijiet mingħand impriżi li l-fatturat nazzjonali tagħhom ikun inqas minn limitu stabbilit.
Kwalunkwe imposta relatata mal-kondiviżjoni tal-ispiża ta’ obbligi ta’ servizz universali għandha tiġi diżaggregata u identifikata separatament għal kull impriża. Tali imposti ma għandhomx jiġu imposti jew jinġabru minn impriżi li ma jipprovdux servizzi fit-territorju tal-Istat Membru li jkun stabbilixxa l-mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni.