L-utenti finali għandu jkollhom id-dritt itemmu l-kuntratt tagħhom bla ma jġarrbu spejjeż ulterjuri meta jiġu avżati b’modifiki fil-kondizzjonijiet kuntrattwali li jipproponi l-fornitur tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament għajr is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali u indipendenti min-numri ħlief jekk il-modifiki proposti jkunu esklużivament għall-benefiċċju tal-utent finali, ikunu ta’ natura purament amministrattiva u ma jkollhom ebda effett negattiv fuq l-utent finali jew ikunu imposti mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali.
Il-fornituri għandhom javżaw lill-utenti finali bi kwalunkwe bidla fil-kondizzjonijiet kuntrattwali, mill-anqas xahar bil-quddiem, u għandhom simultanjament jinfurmawhom bid-dritt tagħhom li jistgħu jtemmu l-kuntratt tagħhom bla ma jġarrbu spejjeż ulterjuri jekk ma jaċċettawx il-kondizzjonijiet il-ġodda. Id-dritt li jiġi terminat il-kuntratt għandu jkun eżerċitabbli fi żmien xahar wara n-notifika. L-Istati Membri jistgħu jestendu dak il-perijodu b’mhux aktar minn tliet xhur. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-notifika tkun saret b’mod ċar u li jinftiehem b’mezz li jservi għal żmien twil.