|
+Artikolu 2 Definizzjonijiet |
Artikolu 2 DefinizzjonijietArtikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“klijent” tfisser klijent bl-ingrossa jew klijent finali tal-elettriku;
(2)
“klijent bl-ingrossa” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tixtri l-elettriku bil-għan li terġa' tbiegħu ġewwa jew barra mis-sistema fejn dik il-persuna tkun stabbilita;
(3)
“klijent finali” tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-użu personali;
(4)
“klijent domestiku” tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-konsum tal-klijent stess fid-dar, esklużi attivitajiet kummerċjali jew professjonali;
(5)
“klijent mhux domestiku” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tixtri l-elettriku li ma jkunx għall-użu domestiku tagħha stess, inklużi produtturi, klijenti industrijali, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, negozji u klijenti bl-ingrossa;
(6)
“mikrointrapriża” tfisser intrapriża li timpjega inqas minn 10 persuni u li t-total tal-fatturat annwali u/jew tal-karta tal-bilanċ tagħha ma jaqbiżx EUR 2 miljun;
(7)
“intrapriża żgħira” tfisser intrapriża li timpjega inqas minn 50 persuna u li t-total tal-fatturat annwali u/jew tal-karta tal-bilanċ tagħha ma jaqbiżx EUR 10 miljun;
(8)
“klijent attiv” tfisser klijent finali, jew grupp ta’ klijenti finali li jaġixxu konġuntement, li jikkunsmaw jew li jaħżnu l-elettriku ġġenerat fil-binjiet tagħhom li jinsab f’konfini limitati jew elettriku awtoġġenerat jew kondiviż fi ħdan bini ieħor, jew li jbigħu elettriku awtoġġenerat jew li jipparteċipaw fi skemi ta’ flessibbiltà jew ta’ effiċjenza fl-enerġija, dment li dawk l-attivitajiet ma jikkostitwux l-attività kummerċjali jew professjonali primarja tagħhom;
(9)
“swieq tal-elettriku” tfisser swieq tal-elettriku inklużi swieq b'bejgħ dirett (“over-the-counter”) u l-iskambji tal-enerġija elettrika, swieq għall-kummerċ ta' enerġija, ta' kapaċità kif ukoll servizzi ta' bbilanċjar u servizzi anċillari f'kull perijodu ta' żmien, inklużi s-swieq bil-quddiem, bil-ġurnata 'l quddiem u dawk fl-istess ġurnata;
(10)
“parteċipant tas-suq” tfisser parteċipant tas-suq kif definit fil-punt 25 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943;
(10a)
“kondiviżjoni tal-enerġija” tfisser l-awtokonsum minn klijenti attivi tal-enerġija rinnovabbli jew:
(a)
iġġenerata jew maħżuna mhux fuq is-sit jew fuq siti bejniethom minn faċilità li huma s-sidien tagħha, li għandhom ftehim ta’ lokazzjoni fuqha jew li jikru kompletament jew parzjalment; jew
(b)
li d-dritt għaliha ġie ttrasferit lilhom minn klijent attiv ieħor bi ħlas jew mingħajr ħlas;
(11)
“komunità tal-enerġija taċ-ċittadin” tfisser entità legali li:
(a)
hija bbażata fuq parteċipazzjoni volontarja u miftuħa u li hija effetivament ikkontrollata minn membri jew azzjonisti li huma persuni fiżiċi, awtoritajiet lokali, inklużi muniċipalitajiet, jew intrapriżi żgħar,
(b)
għandha bħala skop primarju tagħha li tipprovdi benefiċċji komunitarji ambjentali, ekonomiċi jew soċjali lill-membri jew azzjonisti tagħha jew liż-żoni lokali fejn topera pjuttost milli tiġġenera profitti finanzjarji, u
(c)
tista' tkun involuta fil-ġenerazzjoni, inkluża dik minn sorsi rinnovabbli, fid-distribuzzjoni, fil-provvista, fil-konsum, fl-aggregazzjoni, fil-ħżin tal-enerġija, fis-servizzi ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fis-servizzi ta' ċċarġjar għall-vetturi elettriċi jew tipprovdi servizzi oħra tal-enerġija lill-membri jew lill-azzjonisti tagħha;
(12)
“provvista” tfisser il-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, ta' elettriku lill-klijenti;
(13)
“kuntratt għall-provvista tal-elettriku” tfisser kuntratt għall-provvista ta' elettriku, iżda ma tinkludix derivattivi tal-elettriku;
(14)
“derivattiva tal-elettriku” tfisser strument finanzjarju speċifikat fil-punt 5, 6, jew 7 fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), fejn dak l-istrument jirrelata mal-elettriku;
(15)
“kuntratt dwar prezz dinamiku tal-elettriku” tfisser kuntratt għall-provvista tal-elettriku bejn fornitur u klijent finali li jirrifletti l-varjazzjoni fil-prezz fis-swieq spot, inkluż fis-swieq tal-ġurnata bil-quddiem u dawk fl-istess ġurnata, f'intervalli li tal-anqas ikunu ugwali għall-frekwenza ta' tpaċija tas-suq;
(15a)
“kuntratt għall-provvista tal-elettriku għal terminu fiss bi prezz fiss” tfisser kuntratt għall-provvista tal-elettriku bejn fornitur u klijent finali li jiggarantixxi li t-termini u il-kundizzjonijiet kuntrattwali, inkluż il-prezz, jibqgħu l-istess għad-durata tal-kuntratt, filwaqt li jista’, fi prezz fiss, jinkludi element flessibbli, pereżempju, varjazzjonijiet fil-prezz fis-sigħat ta’ quċċata u barra s-sigħat ta’ quċċata, u fejn bidliet fil-kont li jirriżulta jistgħu jirriżultaw biss minn elementi li ma jkunux iddeterminati mill-fornituri, bħal taxxi u imposti;
(16)
“tariffa għat-tmiem tal-kuntratt” tfisser imposta jew penali li l-fornituri jew il-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni jimponu fuq il-klijenti talli jitterminaw kuntratt għall-provvista tal-elettriku jew kuntratt dwar servizz;
(17)
“tariffa marbuta mal-bdil” tfisser imposta jew penali għall-bdil tal-fornituri jew tal-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni, inklużi tariffi għat-terminazzjoni tal-kuntratt, li hija imposta direttament jew indirettament fuq il-klijenti mill-fornituri,mill-parteċipanti fis-suq involuti fl-aggregazzjoni jew mill-operaturi tas-sistema;
(18)
“aggregazzjoni” tfisser funzjoni mwettqa minn persuna fiżika jew ġuridika li tgħaqqad flimkien tagħbijiet multipli ta' klijenti jew l-elettriku ġġenerat minn diversi klijenti għall-bejgħ, ix-xiri jew il-bejgħ bl-irkant fi kwalunkwe suq tal-elettriku;
(19)
“aggregatur indipendenti” tfisser parteċipant fis-suq impenjat fl-aggregazzjoni li mhuwiex affiljat mal-fornitur tal-klijent;
(20)
“rispons tad-domanda” tfisser il-bidla fit-tagħbija tal-elettriku mill-klijenti finali mix-xejriet ta' konsum normali jew attwali tagħhom b'rispons għas-sinjali tas-suq, inkluż b'rispons għall-prezzijiet tal-elettriku varjabbli skont il-ħin jew ħlasijiet ta' inċentiv, jew b'rispons għall-aċċettazzjoni tal-offerta tal-klijent finali li jbigħ it-tnaqqis jew iż-żieda tad-domanda bi prezz f'suq organizzat kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 ( 2 ) sew jekk waħidhom jew permezz tal-aggregazzjoni;
(21)
“informazzjoni dwar il-kontijiet” tfisser l-informazzjoni pprovduta f'kont finali tal-klijenti finali, minbarra talba għall-ħlas;
(22)
“miter konvenzjonali” tfisser miter analogu jew elettroniku li ma għandu la l-kapaċità li jittrażmetti u lanqas li jirċievi d-data;
(23)
“sistema ta' kejl intelliġenti” tfisser sistema elettronika li hija kapaċi li tkejjel l-elettriku li jingħata fil-grilja jew l-elettriku kkonsmat mill-grilja, li tipprovdi aktar informazzjoni minn miter konvenzjonali, u li hija kapaċi tittrasmetti u tirċievi data għall-finijiet ta' informazzjoni, monitoraġġ u kontroll, permezz ta' xi forma ta' komunikazzjoni elettronika;
(24)
“interoperabbiltà” tfisser, fil-kuntest tal-kejl intelliġenti, il-kapaċità li żewġ netwerks, sistemi, apparati, applikazzjonijiet jew komponenti tal-enerġija jew tal-komunikazzjoni, jew aktar, li jiskambjaw u jużaw informazzjoni sabiex iwettqu funzjonijiet meħtieġa;
(24a)
“fornitur tal-aħħar istanza” tfisser fornitur li huwa deżinjat biex jieħu f’idejh il-provvista tal-elettriku lil klijenti ta’ fornitur li ma għadux jopera;
(24b)
“faqar enerġetiku” tfisser faqar enerġetiku kif definit fl-Artikolu 2, punt (52), tad-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 );
(24c)
“ftehim ta’ konnessjoni flessibbli” tfisser sett ta’ kundizzjonijiet miftiehma għall-konnessjoni tal-kapaċità elettrika mal-grilja li jinkludi kundizzjonijiet biex tiġi limitata u kkontrollata l-injezzjoni tal-elettriku fin-network ta’ trażmissjoni jew fin-network ta’ distribuzzjoni u l-irtirar tal-elettriku minnhom;
(25)
“perjodu ta' saldu tal-iżbilanċ” tfisser perjodu ta' saldu tal-iżbilanċ kif definit fil-punt (15) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943;
(26)
“kważi f'ħin reali” tfisser, fil-kuntest tal-kejl intelliġenti, perijodu ta' żmien qasir, is-soltu f'termini ta' sekondi jew sal-perjodu ta' saldu tal-iżbilanċ fis-suq nazzjonali;
(27)
“l-aqwa tekniki disponibbli” tfisser, fil-kuntest tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà f'ambjent ta' kejl intelliġenti, it-tekniki l-aktar effettivi, avvanzati u prattikament adatti biex tiġi pprovduta, fil-prinċipju, il-bażi għall-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà;
(28)
“distribuzzjoni” tfisser it-trasport tal-elettriku fuq sistemi ta' distribuzzjoni ta' vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jitwassal lill-klijenti, iżda mhux inkluża l-provvista;
(29)
“operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun responsabbli li tħaddem, li tiżgura l-manutenzjoni ta', u jekk ikun meħtieġ li tiżviluppa, is-sistema ta' distribuzzjoni f'żona partikolari u, fejn applikabbli, l-interkonnessjonijiet tagħha ma' sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema li tlaħħaq ma' domandi raġonevoli għad-distribuzzjoni tal-elettriku;
(30)
“effiċjenza fl-użu tal-enerġija” tfisser il-proporzjon tal-'output' tal-prestazzjoni, servizz, prodotti jew enerġija, għall-'input' tal-enerġija;
(31)
“enerġija minn sorsi rinnovabbli” jew “enerġija rinnovabbli” tfisser enerġija minn sorsi rinnovabbli jew enerġija rinnovabbli kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;
(32)
“ġenerazzjoni distribwita” tfisser installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni konnessi mas-sistema tad-distribuzzjoni;
(33)
“punt tal-iċċarġjar” tfisser interfaċċa li kapaċi tiċċarġja vettura elettrika waħda f'darba partikolari jew tissostitwixxi l-batterija ta' vettura elettrika waħda f'darba partikolari;
(34)
“trażmissjoni” tfisser it-trasport tal-elettriku fuq is-sistema ta' vultaġġ għoli ħafna u s-sistema interkonnessa ta' vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jitwassal lill-klijenti finali jew lid-distributuri, iżda ma jinkludix il-provvista;
(35)
“operatur ta' sistema tat-trażmissjoni” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li hija responsabbli li tħaddem, li tiżgura l-manutenzjoni ta', u jekk ikun meħtieġ li tiżviluppa, is-sistema tat-trażmissjoni f'żona partikolari u, meta jkun applikabbli, l-interkonnessjonijiet tagħha ma' sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema biex tlaħħaq ma' domandi raġonevoli għat-trażmissjoni tal-elettriku;
(36)
“utent tas-sistema” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tforni lil, jew li tkun fornuta minn, sistema tat-trażmissjoni jew sistema ta' distribuzzjoni;
(37)
“ġenerazzjoni” tfisser il-produzzjoni tal-elettriku;
(38)
“produttur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tiġġenera l-elettriku;
(39)
“interkonnettur” tfisser it-tagħmir użat biex jorbot b'konnessjoni s-sistemi tal-elettriku;
(40)
“sistema interkonnessa” tfisser numru ta' sistemi ta' trażmissjoni u sistemi ta' distribuzzjoni konnessi flimkien permezz ta' interkonnettur wieħed jew aktar;
(41)
“linja diretta” tfisser jew linja tal-elettriku li torbot b'konnessjoni ta' sit iżolat ta' ġenerazzjoni ma' klijent iżolat jew linja tal-elettriku li torbot b'konnessjoni produttur u impriża ta' forniment tal-elettriku biex dawn ifornu direttament lill-bini tagħhom stess, lil sussidjarji tagħhom u lil klijenti;
(42)
“sistema iżolata żgħira” tfisser kwalunkwe sistema li kellha konsum ta' inqas minn 3 000 GWh fis-sena 1996, fejn inqas minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta' interkonnessjoni ma' sistemi oħra;
(43)
“sistema konnessa żgħira” tfisser kwalunkwe sistema li kellha konsum ta' anqas minn 3 000 GWh fis-sena 1996, fejn aktar minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta' interkonnessjoni ma' sistemi oħra;
(44)
“konġestjoni” tfisser konġestjoni kif definita fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943;
(45)
“ibbilanċjar” tfisser ibbilanċjar kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943;
(46)
“enerġija ta' bbilanċjar” tfisser enerġija ta' bbilanċjar kif definita fil-punt (11) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943;
(47)
“parti inkarigata mill-ibbilanċjar” tfisser parti inkarigata mill-ibbilanċjar kif definita fil-punt (14) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943;
(48)
“servizz anċillari” tfisser servizz meħtieġ għat-tħaddim ta' sistema tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni inklużi servizzi anċillari ta' bilanċjar u mhux tal-frekwenza, iżda li ma jinkludux l-immaniġġjar tal-konġestjoni;
(49)
“servizz anċillari mhux tal-frekwenza” tfisser servizz użat minn operatur ta' sistema tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni għall-kontroll tal-vultaġġ f'qagħda statika, injezzjonijiet ta' kurrenti reattivi mgħaġġla, inerzja għall-istabbiltà tal-grilja lokali, kurrent ta' ċirkwit kort, kapaċità ta' startjar minn mitfi totali u kapaċità ta' operat ta' netwerk iżolat;
(50)
“ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali” tfisser ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali stabbilit skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2019/943;
(51)
“komponenti tan-netwerk integrati b'mod sħiħ” tfisser komponenti tan-netwerk li huma integrati fis-sistemi ta' trażmissjoni jew distribuzzjoni, inklużi faċilitajiet ta' ħżin, u l-iskop waħdieni tal-użu tagħhom huwa li tiġi żgurata l-operazzjoni sikura u affidabbli tas-sistema ta' trażmissjoni jew distribuzzjoni, u mhux għall-ibbilanċjar jew għall-ġestjoni tal-konġestjoni;
(52)
“impriża tal-elettriku integrata” tfisser impriża integrata vertikalment jew impriża integrata orizzontalment;
(53)
“impriża integrata vertikalment” tfisser impriża tal-elettriku jew grupp ta' impriżi tal-elettriku fejn l-istess persuna jew l-istess persuni huma intitolati, direttament jew indirettament, li jeżerċitaw kontroll, u fejn l-impriża jew il-grupp ta' impriżi jwettqu mill-inqas waħda mill-funzjonijiet ta' trażmissjoni jew distribuzzjoni, u mill-inqas waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew provvista;
(54)
“impriża integrata orizzontalment” tfisser impriża tal-elettriku li twettaq għall-inqas waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni għall-bejgħ, jew it-trażmissjoni, jew id-distribuzzjoni, jew il-provvista, u attività oħra li ma tinvolvix l-elettriku;
(55)
“impriża relatata” tfisser impriża affiljata kif definita fil-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), u impriżi tal-istess azzjonisti;
(56)
“kontroll” tfisser drittijiet, kuntratti jew mezzi oħra li, jew separatament jew flimkien u filwaqt li jitqiesu kunsiderazzjonijiet ta' fatt u ta' dritt involuti, jagħtu l-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq impriża, b'mod partikolari permezz ta':
(a)
id-dritt tas-sjieda jew id-dritt li jintużaw l-assi kollha ta' impriża, jew parti minnhom;
(b)
drittijiet jew kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-organi ta' impriża;
(57)
“impriża tal-elettriku” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li twettaq mill-inqas waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: ġenerazzjoni, trażmissjoni, distribuzzjoni, aggregazzjoni, rispons tad-domanda, ħżin tal-enerġija, provvista jew xiri tal-elettriku, u li tkun responsabbli għall-kompiti kummerċjali, tekniċi jew tal-manutenzjoni relatati ma' dawk il-funzjonijiet, iżda li ma tinkludix klijenti finali;
(58)
“sigurtà” tfisser kemm is-sigurtà tal-provvista u l-forniment tal-elettriku, kif ukoll is-sikurezza teknika;
(59)
“ħżin tal-enerġija” tfisser, fis-sistema tal-elettriku, il-posponiment tal-użu finali tal-elettriku għal mument aktar tard minn meta kien iġġenerat, jew il-konverżjoni tal-enerġija elettrika f'forma ta' enerġija li tista' tiġi maħżuna, il-ħżin ta' tali enerġija u l-użu sussegwenti ta' tali enerġija jew ir-rikonverżjoni sussegwenti ta' tali enerġija f'enerġija elettrika jew f'użu bħala trasportatur ieħor tal-enerġija.
(60)
“faċilità tal-ħżin tal-enerġija” tfisser, fis-sistema tal-elettriku, faċilità fejn iseħħ il-ħżin tal-enerġija. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|