1. Ir-riċevituri ta' finanzjament mill-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta' dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni, b'mod partikolari meta jippromwovu l-proġetti u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku. Għal dan l-għan, ir-riċevituri għandhom jużaw il-logo tal-Programm LIFE, li jidher fl-Anness III. L-oġġetti dewwiema kollha miksuba fil-qafas tal-Programm LIFE għandu jkollhom il-logo tal-Programm LIFE ħlief f'każijiet speċifikati mill-Kummissjoni. Meta l-użu tal-logo tal-Programm LIFE ma jkunx fattibbli, il-Programm LIFE għandu jissemma fl-attivitajiet kollha ta' komunikazzjoni, inkluż fuq avviżieri f'postijiet strateġiċi viżibbli għall-pubbliku.