5. L-operaturi tan-networks mobbli għandhom jippubblikaw offerta ta’ referenza li tqis il-linji gwida tal-BEREC imsemmija fil-paragrafu 8, u għandhom jagħmluha disponibbli lill-impriża li titlob l-aċċess għar-roaming bl-ingrossa. L-operaturi tan-networks mobbli għandhom jipprovdu abbozz ta’ ftehim tar-roaming bl-ingrossa lill-impriża li titlob l-aċċess, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, dwar dan l-aċċess fi żmien xahar mill-wasla inizjali tat-talba tal-operatur tan-networks mobbli. L-aċċess għar-roaming bl-ingrossa għandu jingħata fi żmien raġonevoli li ma jaqbiżx it-tliet xhur mill-konklużjoni tal-ftehim tar-roaming bl-ingrossa. L-operaturi tan-networks mobbli li jirċievu talba tal-aċċess għar-roaming bl-ingrossa u l-impriżi li jitolbu l-aċċess għandhom jinnegozjaw in bona fede.