1. Il-fornituri tar-roaming jistgħu japplikaw f’konformità ma’ dan l-Artikolu u mal-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 7a dwar il-politika ta’ użu ġust għall-konsum tas-servizzi tar-roaming bl-imnut regolati pprovduti fil-livell tal-prezz bl-imnut domestiku applikabbli, biex jipprevjenu l-użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi tar-roaming bl-imnut regolati mill-klijenti tar-roaming, bħall-użu ta’ dawn is-servizzi minn klijenti tar-roaming fi Stat Membru għajr dak tal-fornitur domestiku tagħhom għal skopijiet għajr dawk tal-ivvjaġġar perjodiku.
Kwalunkwe politika ta’ użu ġust għandha tagħti l-possibbiltà lill-klijenti tal-fornitur tar-roaming li jikkonsmaw volumi ta’ servizzi tar-roaming bl-imnut regolati, bil-prezz bl-imnut domestiku applikabbli, li jkunu konsistenti mal-pjanijiet ta’ tariffar rispettivi tagħhom.