1. Il-verifikatur għandu jkun indipendenti mill-kumpanija jew mill-operatur ta’ bastiment u għandu jwettaq l-attivitajiet meħtieġa skont dan ir-Regolament fl-interess pubbliku. Għal dak l-iskop u sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess potenzjali, la l-verifikatur u lanqas xi parti minn entità ġuridika li jkun jagħmel parti minnha ma għandhom ikunu kumpanija, operatur ta’ bastiment jew sid ta’ kumpanija. Barra minn hekk, il-verifikatur ma għandux ikun proprjetà ta’ kumpanija, operatur ta’ bastiment jew sid ta’ kumpanija, u lanqas ma għandu jkollu relazzjonijiet ma’ kumpanija li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu.