Artikolu 17
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali li jindividwaw reati kriminali ambjentali, jinvestigawhom, jibdew proċedimenti fil-konfront tagħhom jew jiddeċiedu dwarhom ikollhom ammont biżżejjed ta’ persunal kwalifikat u biżżejjed riżorsi finanzjarji, tekniċi u teknoloġiċi għat-twettiq effettiv tal-funzjonijiet tagħhom relatati mal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom, filwaqt li jqisu t-tradizzjonijiet kostituzzjonali u l-istruttura tas-sistema legali tagħhom, kif ukoll ċirkostanzi nazzjonali oħra, jivvalutaw il-ħtieġa li jżidu l-livell ta’ speċjalizzazzjoni ta’ dawk l-awtoritajiet fil-qasam tal-liġi kriminali ambjentali, f’konformità mal-liġi nazzjonali.