Il-Kummissjoni għandha ttejjeb kontinwament is-servizzi ta’ informazzjoni tagħha, b’mod partikolari s-sit elettroniku li ġie stabbilit bħala portal Ewropew għall-effiċjenza fl-enerġija fil-bini indirizzat għaċ-ċittadini, il-professjonisti u l-awtoritajiet, biex jassisti lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni. L-informazzjoni murija fuq dak is-sit elettroniku tista’ tinkludi links għal-liġi rilevanti tal-Unjoni, regoli nazzjonali, reġjonali u lokali, links għas-siti elettroniċi EUROPA li juru l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, links għall-istrumenti finanzjarji disponibbli, kif ukoll eżempji tal-aħjar prattika fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluż fir-rigward tal-punti uniċi ta’ servizz stabbiliti skont l-Artikolu 18 ta’ din id-Direttiva. Fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
7
), il-Fond Soċjali għall-Klima, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Kummissjoni għandha tkompli u tintensifika aktar is-servizzi ta’ informazzjoni tagħha bil-għan li tiffaċilita l-użu tal-fondi disponibbli billi tipprovdi assistenza u informazzjoni, inkluż, f’kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment, permezz tal-faċilità Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali, lill-partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, dwar il-possibbiltajiet ta’ finanzjament, b’kont meħud tal-aħħar tibdil fil-qafas regolatorju.