7. L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-pubbliku, f’konformità mad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), u lill-awtoritajiet kompetenti, li, minħabba r-responsabbiltajiet tagħhom fil-qasam tat-tniġġis tal-arja u l-kwalità tal-arja, x’iktarx li jkunu kkonċernati mill-implimentazzjoni tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja u l-pjanijiet direzzjonali dwar il-kwalità tal-arja, dwar l-abbozzi ta’ pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja u l-abbozzi ta’ pjanijiet direzzjonali dwar il-kwalità tal-arja u dwar kwalunkwe aġġornament sinifikanti tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja u l-pjanijiet direzzjonali dwar il-kwalità tal-arja qabel ma jiġu ffinalizzati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku, meta jiġi kkonsultat, ikollu aċċess għall-abbozz tal-pjan dwar il-kwalità tal-arja jew l-abbozz tal-pjan direzzjonali dwar il-kwalità tal-arja li jkun fih l-informazzjoni minima meħtieġa skont l-Anness VIII ta’ din id-Direttiva u, meta jkun possibbli, sommarju mhux tekniku tal-informazzjoni msemmija f’dan is-subparagrafu.
L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-aġġornament tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja u l-pjanijiet direzzjonali dwar il-kwalità tal-arja. Meta jkunu qed jitħejjew il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja u l-pjanijiet direzzjonali dwar il-kwalità tal-arja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati li l-attivitajiet tagħhom jikkontribwixxu għas-sitwazzjoni ta’ qbiż jiġu mħeġġa jipproponu miżuri li jkunu kapaċi jieħdu biex jgħinu biex jintemmu l-qabżiet u li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, bħall-organizzazzjonijiet tal-ambjent u tas-saħħa, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-popolazzjoni sensittiva u l-gruppi vulnerabbli, korpi rilevanti oħra tal-kura tas-saħħa, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, u l-federazzjonijiet industrijali rilevanti jiġu mħeġġa jieħdu sehem f’dawk il-konsultazzjonijiet.