+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-metan huwa t-tieni biss wara d-diossidu tal-karbonju (CO2) fil-kontribut ġenerali tiegħu għat-tibdil fil-klima u huwa responsabbli għal madwar terz tat-tisħin attwali. L-ammont tal-metan fl-atmosfera globalment żdied drastikament matul l-aħħar għaxar snin.

(2)

Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), maħluq fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), ippubblika fis-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tiegħu s-sejba li sal-2030 huwa meħtieġ tnaqqis profond fl-emissjonijiet antropoġeniċi tal-metan biex it-tisħin globali jkun limitat għal 1,5 oC. Dak ir-rapport juri li għalkemm il-metan għandu medja ta’ żmien ta’ residenza atmosferika iqsar mis-CO2, minn 10 snin sa 12-il sena mqabbla ma’ mijiet ta’ snin, l-effett serra tiegħu huwa aktar minn 80 darba aktar sinifikanti minn dak tas-CO2 fuq perjodu ta’ 20 sena. B’mod partikolari, skont l-IPCC, filwaqt li l-metan għandu potenzjal ta’ tisħin globali ta’ 29,8 darbiet aktar mis-CO2 fuq perjodu ta’ 100 sena, huwa 82,5 darbiet aktar qawwi fuq perjodu ta’ 20 sena.

(3)

Mir-rapport tal-2020 dwar il-kwalita’ tal-Arja fl-Ewropa tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent jidher li l-metan huwa gass prekursur għall--ożonu troposferiku u jikkontribwixxi għat-tniġġis tal-arja. L-indirizzar tal-emissjonijiet tal-metan mhux biss jindirizza l-ambjent u l-klima iżda jtejjeb ukoll il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(4)

Skont stimi reċenti mill-Programm tan-NU għall-Ambjent (UNEP) u mill-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa (CCAC), it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan b’45 % sal-2030, abbażi ta’ miżuri mmirati disponibbli u miżuri addizzjonali f’konformità mal- Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, jista’ jevita tisħin globali ta’ 0,3 oC sal-2045.

(5)

Skont is-servizz tad-data online World Energy Balances tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, l-Unjoni hija l-akbar importatur fid-dinja tal-enerġija fossili, u bħala tali, xprunatur importanti tal-emissjonijiet globali tal-metan.

(6)

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jgħaqqad sett komprensiv ta’ miżuri u inizjattivi ta’ tisħiħ reċiproku mmirati lejn il-kisba tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni indikat li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-gass ser tiġi ffaċilitata, inkluż billi tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-emissjonijiet tal-metan relatati mal-enerġija. F’Ottubru tal-2020, il-Kummissjoni adottat strateġija tal-UE sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan (“l-Istrateġija dwar il-Metan”) li tistabbilixxi miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fl-Unjoni, inkluż fis-settur tal-enerġija, u fil-livell globali. Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi l-mira biex tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 u jistabbilixxi mira vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta’ mill-anqas 55 % mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2030. Mill-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta għal dan ir-Regolament jirriżulta li, skont is-suppożizzjonijiet tal-għażla ta’ politika ppreferuta għall-proposta leġiżlattiva dwar il-metan flimkien mas-suppożizzjonijiet tal-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, 77 % tal-emissjonijiet kollha tal-metan assoċjati maż-żejt, il-gass u l-faħam previsti għall-2030 jistgħu jitnaqqsu b’mod kosteffettiv minn perspettiva soċjali u ambjentali. Dan jikkontribwixxi biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 oC u jippermetti lill-Unjoni tieħu rwol ta’ tmexxija b’mod effettiv fil-ġlieda kontra l-emissjonijiet tal-metan u biex issaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija.

(7)

L-emissjonijiet tal-metan huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miri tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-gassijiet serra għall-2030, stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119 u l-miri nazzjonali vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Madankollu, bħalissa ma hemm l-ebda qafas legali tal-Unjoni li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet antropoġeniċi tal-metan fis-settur tal-enerġija. Barra minn hekk, filwaqt li d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) tkopri l-emissjonijiet tal-metan mir-raffinar taż-żejt minerali u tal-gass, din ma tkoprix l-emissjonijiet tal-metan minn attivitajiet oħrajn fis-settur tal-enerġija.

(8)

F’dan il-kuntest, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni upstream taż-żejt u tal-gass naturali, fi bjar inattivi, fi bjar magħluqa temporanjament u fi bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti, fil-ġbir u l-ipproċessar tal-gass naturali, fit-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-ħżin taħt l-art tiegħu, kif ukoll fil-faċilitajiet tal-gass naturali likwifikat (LNG). Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll għal minjieri tal-faħam attivi taħt l-art u minjieri tal-faħam tas-superfiċje, u minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa jew abbandunati.

(9)

Ir-regoli għal kejl, monitoraġġ, rappurtar u verifika apreċiżi tal-emissjonijiet tal-metan fis-setturi taż-żejt, tal-gass u tal-faħam, kif ukoll għat-tnaqqis ta’ dawk l-emissjonijiet, inkluż permezz ta’ stħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet (LDAR), u restrizzjonijiet fuq l-ivventjar u l-ivvampjar, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema mill-emissjonijiet tal-metan, jenħtieġ li jiġu indirizzati permezz ta’ qafas legali xieraq tal-Unjoni. Ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jtejbu t-trasparenza fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-enerġija fossili fl-Unjoni u jikkontribwixxu għall-użu usa’ ta’ soluzzjonijiet għall-mitigazzjoni tal-emissjoni tal-metan fid-dinja kollha. Jenħtieġ li jintuża orizzont ta’ żmien ta’ 20 sena u ta’ 100 sena għall-potenzjal ta’ tisħin globali.

(10)

Il-konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament x’aktarx li tkun teħtieġ investimenti minn entitajiet regolati, u jenħtieġ li l-kostijiet assoċjati ma’ investimenti bħal dawn jitqiesu fl-iffissar tat-tariffi, soġġett għal prinċipji ta’ effiċjenza. Jenħtieġ li l-kostijiet meħtieġa ma jirriżultawx f’piż finanzjarju sproporzjonat fuq l-utenti finali u l-konsumaturi.

(11)

Jenħtieġ li kull Stat Membru jaħtar mill-anqas awtorità kompetenti waħda sabiex tivverfika l-konformita’ effettiva mill-operaturi, impriżi, operaturi tal-minjieri u importaturi mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament u jenħtieġ li jinnotifika lill-Kummissjoni dwar tali ħatra u kwalunkwe bidla fiha. Jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet kompetenti jingħataw biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani u jenħtieġ li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament f’konformità mal-kompiti speċifikament attribwiti lilhom. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tistabbilixxi punt ta’ kuntatt. Filwaqt li jqisu l-karattru transfruntier tal-operazzjonijiet tas-settur tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-metan, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti jifformaw flimkien network ta’ awtoritajiet pubbliċi li japplikaw dan ir-Regolament sabiex irawmu kooperazzjoni mill-qrib, bl-arranġamenti meħtieġa għall-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki, u li jippermettu konsultazzjonijiet.

(12)

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel u effettiva ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) li jipprovdi għarfien espert tekniku mfassal apposta għat-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi, inkluż riformi li jippromwovu t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija. Dak l-appoġġ tekniku jista’, pereżempju, jinvolvi t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, l-armonizzazzjoni tal-oqfsa leġiżlattivi u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki rilevanti.

(13)

Sabiex jiżguraw it-twettiq tal-kompiti tal-awtoritjiat kompetenti, jenħtieġ li l-operaturi, l-impriżi, l-operaturi tal-minjieri u l-importaturi jipprovdu lil dawk l-awtoritajiet bl-assistenza kollha meħtieġa. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-operaturi, l-impriżi, l-operaturi tal-minjieri u l-importaturi jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa identifikati mill-awtoritajiet kompetenti fil-perjodu determinat mill-awtoritajiet kompetenti jew kwalunkwe perjodu ieħor miftiehem mal-awtoritajiet kompetenti.

(14)

Jenħtieġ li wieħed mill-mekkaniżmi ewlieni disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti jkun l-ispezzjonijiet, inkluż l-eżami tad-dokumentazzjoni u r-rekords, il-kejl tal-emissjonijiet u l-kontrolli fuq il-post. Jenħtieġ li l-ispezzjonijiet isiru regolarment, abbażi ta’ evalwazzjoni tar-riskji, bħar-riskji ambjentali, assoċjati ma’ kull sit, imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jqisu l-mekkaniżmi ta’ kontroll stabbiliti u l-aħjar prattiki disponibbli għalihom Barra minn hekk, jenħtieġ li jitwettqu spezzjonijiet sabiex jiġu investigati lmenti u okkorrenzi sostanzjati ta’ nuqqas ta’ konformità u sabiex jiġi żgurat li t-tiswijiet jew is-sostituzzjonijiet tal-komponenti u l-miżuri ta’ mitigazzjoni jitwettqu f’konformità ma’ dan ir-Regolament, kif ukoll sabiex tiġi ċċekkjata regolarment il-konformità tal-importaturi ma’ dan ir-Regolament. Meta l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw ksur serju ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li joħorġu avviż ta’ azzjonijiet ta’ rimedju li għandhom jittieħdu mill-operatur, mill-impriża, mill-operatur tal-minjieri jew mill-importatur. Alternattivament, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiddeċiedu li jagħtu struzzjonijiet lill-operatur, lill-impriża, lill-operatur tal-minjieri jew lill-importatur biex jissottometti għall-approvazzjoni tagħhom sett ta’ azzjonijiet ta’ rimedju biex jindirizzaw il-ksur. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jżommu rekords tal-ispezzjonijiet, u jenħtieġ li l-informazzjoni rilevanti ssir disponibbli għall-pubbliku f’konformità mad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(15)

Sabiex tiġi ddeterminata s-serjetà ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw il-ħsara ambjentali u l-impatt fuq is-sikurezza u s-saħħa tal-bniedem, kif ukoll il-probabbiltà li l-ksur jaffettwa, b’mod sinifikanti, l-affidabbiltà u r-robustezza tad-data fil-qafas tal-obbligi ta’ monitoraġġ u rappurtar skont dan ir-Regolament.

(16)

Fid-dawl tal-prossimità ta’ xi sorsi ta’ emissjonijiet tal-metan għal żoni urbani jew residenzjali u l-impatt tagħhom fuq is-saħħa, l-ambjent u l-klima, jenħtieġ li persuni fiżiċi jew ġuridiċi jkunu jistgħu jippreżentaw ilmenti debitament sostanzjati lill-awtoritajiet kompetenti rigward ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament. F’dak il-kuntest jenħtieġ li jkun possibbli li jintuża l-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika biex jospita informazzjoni rilevanti, kif magħmula disponibbli mill-Istati Membri, b’mod partikolari d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti, il-passi l-aktar importanti tal-proċedura tal-ilmenti, kif ukoll id-drittijiet u r-regoli bażiċi li għandhom jiġu segwiti. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti iżommu informati lill-ilmentaturi dwar il-proċedura u d-deċiżjonijiet meħuda u jenħtieġ li l-ilmentaturi jirċievu deċiżjoni finali fi żmien raġonevoli wara l-preżentazzjoni tal-ilment.

(17)

Qafas ta’ verifika robust jtejjeb il-kredibbiltà tad-data rapportata. Barra minn hekk, il-livell ta’ dettall u l-kumplessità teknika tal-kejl tal-emissjoni tal-metan jeħtieġu verifika xierqa tad-data dwar l-emissjoni tal-metan rapportata mill-operaturi, mill-impriżi, mill-operaturi tal-minjieri u mill-importaturi. Filwaqt li l-awtoverifika hija possibbli, il-verifika minn parti terza tiżgura indipendenza u trasparenza akbar. Barra minn hekk, tippermetti sett armonizzat ta’ kompetenzi u livell ta’ għarfien espert li jista’ ma jkunx disponibbli għall-entitajiet pubbliċi kollha. Jenħtieġ li l-verifikaturi jiġu akkreditati minn korpi ta’ akkreditazzjoni f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jew inkella awtorizzati b’mod paragunabbli mar-Regolament (KE) Nru 765/2008. Għalhekk jenħtieġ li l-verifikaturi indipendenti jiżguraw li r-rapporti dwar l-emissjonijiet mħejjija mill-operaturi, mill-impriżi, mill-operaturi tal-minjieri u mill-importaturi jkunu preċiżi u f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-attivitajiet ta’ verifika jenħtieġ li jkunu allinjati mal-istandards u l-metodoloġiji Ewropej jew internazzjonali oħra rilevanti għall-verifikaturi u jenħtieġ li jqisu kif xieraq in-natura tal-attivitajiet ivverifikati. Jenħtieġ li l-verifikaturi jirrieżaminaw id-data fir-rapporti dwar l-emissjonijiet biex jivvalutaw l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-akkuratezza tad-data. Sabiex tiġi żgurata l-akkuratezza tad-data, jenħtieġ li fejn rilevanti, il-verifikaturi jwettqu kontrolli fuq il-post b’avviż minn qabel kif ukoll għal għarrieda. Jenħtieġ li l-verifikaturi jkunu separati mill-awtoritajiet kompetenti u jenħtieġ li jkunu indipendenti mill-operaturi, mill-impriżi, mill-operaturi tal-minjieri u mill-importaturi, li jenħtieġ li jipprovduhom l-assistenza kollha meħtieġa sabiex jippermettu jew jiffaċilitaw l-attivitajiet ta’ verifika, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għas-siti u l-preżentazzjoni ta’ dokumentazzjoni jew rekords.

(18)

Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċitar tas-setgħat tagħhom skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li il-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-verifikaturi jikkunsidraw l-informazzjoni magħmula disponibbli b’mod internazzjonali, pereżempju mill-Osservatorju Internazzjonali tal-Emissjonijiet tal-Metan (IMEO), b’mod partikolari fir-rigward tal-metodoloġiji għall-aggregazzjoni u l-analiżi tad-data u l-verifika tal-metodoloġiji u tal-proċessi statistiċi użati mill-operaturi, mill-impriżi, mill-operaturi tal-minjieri u mill-importaturi sabiex jikkwantifikaw id-data fir-rapporti tagħhom dwar l-emissjonijiet. Il-kriterji ta’ referenza f’dak ir-rigward jistgħu jinkludu l-qafas ta’ rappurtar tas-Sħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass (OGMP), dokumenti ta’ gwida teknika u mudelli ta’ rappurtar.

(19)

L-IMEO ġie stabbilit f’Ottubru tal-2020 mill-Unjoni fi sħubija mal-UNEP, is-CCAC u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, u ġie ppreżentat fis-Summit tal-G20 f’Ottubru tal-2021. L-IMEO ingħata l-kompitu li jiġbor, jirrikonċilja, jivverifika u jippubblika data dwar l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-metan fuq livell globali. L-IMEO jista’ jkollu rwol fl-identifikazzjoni tas-superemittenti permezz ta’ sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ twissija.

(20)

Bħala parti għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) (10) u l-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-UNFCCC (11) (il-“Ftehim ta’ Pariġi”), l-Unjoni hija meħtieġa tipprovdi kull sena rapport ta’ inventarju tal-emissjonijiet antropoġeniċi tal-gassijiet serra li jikkostitwixxi aggregat tal-inventarji nazzjonali tal-Istati Membri dwar il-gassijiet serra, imħejji bl-użu ta’ metodoloġiji ta’ prattika tajba aċċettati mill-IPCC.

(21)

Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) jirrikjedi li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni data dwar l-inventarju tal-gassijiet serra u l-projezzjonijiet nazzjonali tagħhom. Skont dak ir-Regolament, ir-rappurtar għandu jsir bl-użu tal-linji gwida tal-UNFCCC għar-rappurtar, u ta’ spiss ikun ibbażat fuq fatturi ta’ emissjoni prestabbiliti minflok fuq kejl dirett fil-livell tas-sors, li jimplika inċertezzi dwar l-oriġini, il-frekwenza u d-daqs tal-emissjonijiet.

(22)

Id-data tal-pajjiżi rapportata skont id-dispożizzjonijiet ta’ rappurtar tal-UNFCCC tiġi ppreżentata lis-segretarjat tal-UNFCCC skont gradi differenti ta’ rappurtar, f’konformità mal-linji gwida tal-IPCC. F’dak il-kuntest, l-IPCC ġeneralment jissuġġerixxi l-użu ta’ metodi ta’ grad ogħla għal dawk is-sorsi ta’ emissjonijiet li għandhom influwenza sinifikanti fuq l-inventarju totali ta’ gassijiet serra ta’ pajjiż f’termini ta’ livell assolut, xejra jew inċertezza.

(23)

Grad jirrappreżenta livell ta’ kumplessità metodoloġika. Hemm tliet gradi disponibbli. Il-metodi tal-grad 1 tipikament jużaw il-fatturi ta’ emissjoni prestabbiliti tal-IPCC u jeħtieġu d-data tal-attività l-aktar bażika, u l-anqas diżaggregata. Gradi ogħla normalment jużaw metodi aktar elaborati u fatturi ta’ emissjoni speċifiċi għas-sors, għat-teknoloġija, għar-reġjun jew għall-pajjiż, li spiss ikunu bbażati fuq il-kejl, u normalment jeħtieġu aktar data tal-attività diżaggregata ħafna. B’mod speċifiku, il-grad 2 jeħtieġ li jintużaw fatturi tal-emissjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, minflok dawk prestabbiliti, filwaqt li l-grad 3 jeħtieġ data jew kejl għal kull impjant u jinkludi l-applikazzjoni ta’ valutazzjoni axxendenti rigoruża skont it-tip ta’ sors fil-livell ta’ faċilità individwali. L-IPCC iddikjara fl-Irfinar tiegħu tal-2019 tal-linji gwida tal-IPCC tal-2006 għall-inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra li l-progress mill-grad 1 għall-grad 3 jirrappreżenta żieda fiċ-ċertezza tal-kejl tal-emissjonijiet relatati mal-metan.

(24)

L-Istati Membri għandhom prattiki differenti fir-rigward tal-livell tal-grad li fih jirrappurtaw l-emissjonijiet tagħhom tal-metan relatati mal-enerġija lis-segretarjat tal-UNFCCC. Ir-rappurtar fil-grad 2 għal sorsi kbar ta’ emissjonijiet huwa konformi mal-linji gwida tal-IPCC għar-rappurtar peress li l-grad 2 huwa meqjus bħala metodu ta’ grad ogħla. Ir-rappurtar fil-grad 1, l-aktar livell baxx, għadu komuni ħafna f’diversi Stati Membri għall-emissjonijiet tal-metan mill-faħam, mill-gass u miż-żejt. B’riżultat ta’ dan, il-metodoloġiji ta’ stima u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-metan relatati mal-enerġija jvarjaw bejn l-Istati Membri.

(25)

Bħalissa, inizjattivi volontarji mmexxija mill-industrija jibqgħu l-linja ta’ azzjoni ewlenija għall-kwantifikazzjoni u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan f’ħafna pajjiżi. Inizjattiva ewlenija mmexxija mill-industrija fis-settur tal-enerġija hija l-OGMP, inizjattiva volontarja dwar il-kejl u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-metan, maħluqa fl-2014 mill-UNEP u s-CCAC, li l-Kummissjoni hija rappreżentata fil-bord tagħha. L-OGMP tiffoka fuq l-istabbiliment tal-aħjar prattiki sabiex tittejjeb id-disponibbiltà ta’ informazzjoni globali dwar il-kwantifikazzjoni u l-ġestjoni tal-emissjoni tal-metan u sabiex jiġu xprunati azzjonijiet ta’ mitigazzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan. Il-ħidma tal-OGMP dwar l-iżvilupp ta’ standards u metodoloġiji tinvolvi l-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u n-negozju. Sal-lum, aktar minn 115-il kumpanija, b’assi f’aktar minn 60 pajjiż f’ħames kontinenti, li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-produzzjoni dinjija taż-żejt u tal-gass u aktar minn 70 % tal-flussi tal-LNG saru membri tal-OGMP 2.0 tal-UNEP. Il-qafas OGMP 2.0 huwa l-aħħar iterazzjoni ta’ standard dinamiku tal-emissjonijiet tal-metan u jista’ jipprovdi bażi xierqa għall-istandards tal-emissjonijiet tal-metan, abbażi ta’ standards xjentifiċi sodi.

(26)

F’dak l-isfond, huwa meħtieġ li jittejbu l-kejl tal-emissjonijiet tal-metan u l-kwalità tad-data rappurtata, inkluż dwar is-sorsi ewlenin tal-emissjonijiet tal-metan assoċjati mal-enerġija prodotta u kkonsmata fl-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ data fil-livell tas-sors u l-kwantifikazzjoni robusta tal-emissjonijiet tal-metan, u b’hekk tiżdied l-affidabbiltà tar-rappurtar kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni għal miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni.

(27)

Sabiex il-kwantifikazzjoni u r-rappurtar ikunu effettivi, jenħtieġ li l-operaturi u l-impriżi jkunu meħtieġa jikkwantifikaw u jirrappurtaw l-emissjonijiet tal-metan skont is-sors, u li jagħmlu d-data aggregata disponibbli għall-Istati Membri sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jtejbu l-akkuratezza tal-inventarji u r-rapporti tagħhom. Barra minn hekk, hija meħtieġa verifika effettiva tad-data rrappurtata. Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv fuq l-operaturi u l-impriżi, jenħtieġ li dawn jirrappurtaw fuq bażi annwali.

(28)

Dan ir-Regolament li jibni fuq il-partijiet rilevanti tal-qafas OGMP 2.0, jikkontribwixxi għal ġbir ta’ data affidabbli u robusta li tifforma bażi suffiċjenti għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-metan u fejn ikun meħtieġ, jipprevedi azzjoni addizzjonali sabiex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet tal-metan.

(29)

Il-qafas OGMP 2.0 għandu ħames livelli ta’ rappurtar. Ir-rappurtar fil-livell tas-sors jibda fil-livell 3, li huwa meqjus komparabbli mal-grad 3 tal-UNFCCC. Dan jippermetti l-użu ta’ fatturi ġeneriċi ta’ emissjoni. Ir-rappurtar tal-livell 4 tal-OGMP 2.0 jirrikjedi kejl dirett tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors u jippermetti l-użu ta’ fatturi speċifiċi ta’ emissjoni. Ir-rappurtar tal-livell 5 tal-OGMP 2.0 jirrikjedi kejl komplementari fil-livell tas-sit minbarra l-kwantifikazzjonijiet tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors. Barra minn hekk, il-qafas OGMP 2.0 jirrikjedi li l-kumpaniji jirrappurtaw kejl dirett tal-emissjonijiet tal-metan fi żmien 3 snin minn meta jissieħbu fl-OGMP 2.0 għall-assi operattivi u fi żmien 5 snin għall-assi mhux operattivi. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-iskadenzi li fihom l-operaturi u l-impriżi għandhom jissottomettu r-rapporti meħtieġa skont dan ir-Regolament, filwaqt li jibnu fuq l-approċċ meħud mill-OGMP 2.0 fir-rigward tar-rappurtar fil-livell tas-sors u filwaqt li jitqies li għadd kbir ta’ kumpaniji tal-Unjoni diġà ngħaqdu mal-OGMP 2.0. Minbarra l-kwantifikazzjoni fil-livell tas-sors, il-kwantifikazzjoni fil-livell tas-sit tippermetti valutazzjoni, verifika u rikonċiljazzjoni tal-istimi fil-livell tas-sors aggregati skont is-sit, u b’hekk tipprovdi fiduċja mtejba fl-emissjonijiet rapportati. Simili għall-qafas tal-OGMP 2.0, jenħtieġ li jkun rikjest kejl fil-livell tas-sit għar-rikonċiljazzjoni tal-kwantifikazzjoni fil-livell tas-sors.

(30)

Skont id-data mill-inventarju tal-gassijiet serra tal-Unjoni, li huwa bbażat fuq inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra rrappurtati f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999, aktar minn nofs l-emissjonijiet diretti kollha tal-metan fis-settur tal-enerġija huma dovuti għar-rilaxx mhux intenzjonat tal-metan fl-atmosfera. Fil-każ taż-żejt u l-gass, tali emissjonijiet mhux intenzjonati tal-metan jirrappreżentaw l-akbar sehem tal-emissjonijiet tal-metan.

(31)

It-tnixxijiet mhux intenzjonati tal-metan fl-atmosfera jistgħu jseħħu matul it-tħaffir u l-estrazzjoni kif ukoll matul l-ipproċessar, il-ħżin, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni lill-konsumaturi tal-użu aħħari. Tali tnixxijiet jistgħu jseħħu wkoll fi bjar inattivi, bjar magħluqa temporanjament jew bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti. Xi emissjonijiet tal-metan jistgħu jirriżultaw minn imperfezzjonijiet f’komponenti tekniċi bħal ġonot, flanġi u valvi, jew mit-tkagħbir bl-użu normali tagħhom, jew minn komponenti danneġġati, pereżempju fil-każ ta’ aċċidenti. Il-korrużjoni tista’ tikkawża wkoll tnixxijiet mill-ħitan tat-tagħmir taħt pressjoni.

(32)

Sabiex jitnaqqsu dawk l-emissjonijiet tal-metan, jenħtieġ li l-operaturi jieħdu l-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni xierqa sabiex jimminimizzaw l-emissjonijiet tal-metan fl-operazzjonijiet tagħhom.

(33)

B’mod aktar speċifiku, l-emissjonijiet tal-metan minn tnixxijiet jitnaqqsu l-aktar b’mod komuni permezz ta’ stħarriġ LDAR, imwettaq sabiex l-ewwel jiġu identifikati t-tnixxijiet u mbagħad sabiex jissewwew it-tnixxijiet jew issir is-sostituzzjoni tal-komponenti li qed inixxu. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi jwettqu stħarriġ perjodiku LDAR, inkluż ta’ komponenti li jivventjaw il-metan, biex jivverifikaw tagħmir li ma jiffunzjonax sew.

(34)

Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġi stabbilit approċċ armonizzat sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi kollha fl-Unjoni. Jenħtieġ li dan l-approċċ jinkludi rekwiżiti minimi għall-istħarriġ LDAR, filwaqt li jħalli grad adegwat ta’ flessibbiltà lill-Istati Membri u lill-operaturi. Dik il-flessibbiltà hija essenzjali biex tippermetti l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ komponenti ġodda, teknoloġiji ġodda LDAR u metodi ġodda ta’ detezzjoni, u b’hekk tipprevjeni, għad-detriment tal-protezzjoni ambjentali, l-intrappolament tat-teknoloġija. Teknoloġiji ġodda LDAR u metodi ta’ detezzjoni ġodda jkomplu jiġu żviluppati u jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu l-innovazzjoni f’dan is-settur, sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati l-komponenti, it-teknoloġiji LDAR u l-metodi ta’ detezzjoni bl-inqas emissjonijiet, li huma wkoll preċiżi u kosteffettivi,.

(35)

Jenħtieġ li l-obbligi rigward l-istħarriġ LDAR jirriflettu prattiki tajbin. Jenħtieġ li l-istħarriġ LDAR ikun primarjament immirat biex isib u jelimina kemm jista’ jkun malajr it-tnixxijiet bit-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-komponenti li qed inixxu, aktar milli lejn il-kwantifikazzjoni tagħhom, u jenħtieġ li jiġu kkontrollati aktar ta’ spiss dawk iż-żoni b’riskju ogħla ta’ tnixxijiet. Jenħtieġ li d-determinazzjoni tal-frekwenza tal-istħarriġ LDAR u d-deċiżjoni ta’ tiswija jew sostituzzjoni ta’ komponent tkun iggwidata mhux biss mill-ħtieġa ta’ tiswija jew sostituzzjoni tal-komponenti li minnhom il-metan li jkun qiegħed joħroġ ikun ’il fuq mil-limitu tal-emissjonijiet tal-metan iżda wkoll minn kunsiderazzjonijiet operazzjonali, filwaqt li jitqiesu r-riskji għas-sikurezza. Għalhekk, meta jiġi identifikat riskju ogħla għas-sikurezza jew riskju ogħla ta’ emissjonijiet tal-metan, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jitħallew jirrakkomandaw stħarriġ LDAR aktar frekwenti għall-komponenti rilevanti jew is-sostituzzjoni ta’ komponenti b’teknoloġija li tkun inqas suxxettibbli għat-tnixxijiet. It-tnixxijiet kollha, irrispettivament mid-daqs, jenħtieġ li jiġu mistħarrġa u vverifikati, peress li t-tnixxijiet żgħar jistgħu jiżviluppaw fi tnixxijiet akbar. Jenħtieġ li t-tiswijiet tat-tnixxijiet jiġu segwiti minn konferma li dawn kienu effettivi. Sabiex ikunu jistgħu jintużaw komponenti ġodda jew aktar avvanzati jew teknoloġiji għad-detezzjoni tal-emissjonijiet tal-metan, jenħtieġ li jiġi speċifikat id-daqs ta’ telf tal-metan li fih jew ’il fuq minnu tkun meħtieġa tiswija, filwaqt li l-operaturi jkunu jistgħu jagħżlu l-apparat ta’ detezzjoni. Fejn xieraq, jenħtieġ li jkun possibbli li jintużaw teknoloġiji tad-detezzjoni, bħall-monitoraġġ kontinwu, bħala parti mill-istħarriġ LDAR sakemm dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għat-teknoloġiji avvanzati tad-detezzjoni. L-operaturi bl-aħjar prestazzjoni li jipproduċu jew jipproċessaw żejt jew il-gass naturali jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw frekwenzi differenti tal-istħarriġ LDAR, soġġett għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet f’dan ir-Regolament u l-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti.

(36)

Jenħtieġ li jsiru stħarriġ LDAR, bl-użu ta’ teknoloġiji u tekniki ta’ detezzjoni disponibbli xierqa biex jiġu identifikati tnixxijiet: kemm jista’ jkun qrib ta’ kull sors ta’ emissjoni potenzjali individwali għal komponenti ta’ fuq l-art u komponenti fuq il-livell tal-baħar; fl-interfaċċa bejn l-art u l-atmosfera bħala l-ewwel pass u, jekk tiġi identifikata tnixxija potenzjali, qrib kemm jista’ jkun tas-sors ta’ emissjoni bħala t-tieni pass għall-komponenti ta’ taħt l-art; u bl-applikazzjoni tal-aħjar tekniki ta’ detezzjoni li huma kummerċjalment disponibbli għal komponenti lil hinn mill-kosta taħt il-livell tal-baħar jew taħt qiegħ il-baħar.

(37)

Fir-rigward tal-komponenti ta’ taħt l-art, l-istħarriġ LDAR ġeneralment jitwettqu bl-użu ta’ proċess f’żewġ stadji. L-ewwel stadju jikkonsisti fit-twettiq tal-ewwel detezzjoni tat-tnixxijiet u jiddetermina jekk titħaffirx l-art jew isirx l-iddrilljar ta’ bar-hole jekk il-pipeline ma jkunx direttament aċċessibbli. L-operaturi jħaffru jew jiddrilljaw l-art jekk it-tnixxija tkun fl-ewwel livell limitu tad-detezzjoni tat-tnixxijiet jew ogħla minnu. It-tieni pass jikkonsisti fit-twettiq tat-tieni detezzjoni tat-tnixxijiet u jiddetermina jekk għandhiex tissewwa t-tnixxija. L-operaturi jsewwu t-tnixxija jekk tkun fil-livell tat-tieni limitu tad-detezzjoni tat-tnixxijiet jew ogħla minnu.

(38)

Il-limiti minimi ta’ detezzjoni jservu biex jiżguraw li l-apparati ta’ detezzjoni jkunu sensittivi biżżejjed biex jidentifikaw tnixxijiet kif meħtieġ skont dan ir-Regolament. Dawk il-limiti minimi ta’ detezzjoni kif ukoll it-tekniki ta’ detezzjoni li għandhom jintużaw jenħtieġ li jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu t-tipi differenti ta’ komponenti u l-istħarriġ LDAR, għall-kategoriji kollha ta’ komponenti, flimkien mal-limiti applikabbli għall-ewwel stadju tal-istħarriġ LDAR għall-komponenti taħt l-art.

(39)

Jenħtieġ li t-tiswija jew is-sostituzzjoni ssir immedjatament wara d-detezzjoni ta’ tnixxija fil-livell limitu jew fuqha, speċifikat f’dan ir-Regolament, jew malajr kemm jista’ jkun wara d-detezzjoni. Filwaqt li jista’ jkun meħtieġ li jiġu kkunsidrati aspetti eċċezzjonali ta’ sikurezza, aspetti amministrattivi u tekniċi, jenħtieġ li tiġi pprovduta evidenza li tiġġustifika kwalunkwe dewmien fit-tiswija jew fis-sostituzzjoni. Jenħtieġ li t-tiswijiet jew is-sostituzzjonijiet jużaw l-aqwa teknoloġiji li huma disponibbli fil-kummerċ u li jipprovdu protezzjoni fit-tul kontra tnixxijiet futuri.

(40)

Sistemi konnessi żgħar kif definiti fid-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jistgħu jiffaċċjaw problemi ta’ sigurtà tal-provvista u ta’ stabbiltà tal-grilja fil-każ ta’ għeluq tas-sistema. Għaldaqstant, sabiex jiġu evitati riskji bħal dawn għas-sigurtà tal-provvista, jenħtieġ li x-xogħlijiet ta’ tiswija jew sostituzzjoni jitwettqu matul l-għeluq skedat tas-sistema.

(41)

Minħabba l-effett qawwi tiegħu fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, jenħtieġ li l-ivventjar jiġi pprojbit ħlief fil-każ ta’ emerġenzi jew funzjonament ħażin, jew matul ċerti avvenimenti speċifiċi fejn xi ivventjar ma jkunx jista’ jiġi evitat u jkun strettament meħtieġ. Sabiex jiġi żgurat li l-operaturi ma jużawx tagħmir iddisinjat għall-ivventjar, jenħtieġ li jiġu adottati standards teknoloġiċi li jippermettu l-użu ta’ alternattivi b’emissjonijiet aktar baxxi.

(42)

L-ivvampjar jitqies bħala ivvampjar ta’ rutina meta jitwettaq matul il-produzzjoni normali taż-żejt, tal-gass u tal-faħam, fin-nuqqas ta’ faċilitajiet adegwati jew ġeoloġija li tista’ tiġi adattata għall-injezzjoni mill-ġdid tal-gass prodott, l-użu tiegħu fuq il-post jew id-dispaċċ tiegħu lejn suq. L-ivvampjar ta’ rutina jenħtieġ li jkun ipprojbit. L-ivvampjar jenħtieġ jitħalla meta jkun l-unika alternattiva għall-ivventjar u fejn l-ivventjar ma jkunx ipprojbit. L-eliminazzjoni tal-ivvampjar ta’ rutina żżid ukoll id-disponibbiltà tal-gass naturali għas-swieq tal-gass. L-ivventjar huwa aktar ta’ ħsara għall-ambjent mill-ivvampjar peress li l-gass rilaxxat tipikament fih livelli għolja ta’ metan, filwaqt li l-ivvampjar jossida l-metan f’CO2 li għandu potenzjal aktar baxx ta’ tisħin globali. Għalhekk, fejn ma tkun disponibbli l-ebda għażla oħra, l-ivvampjar jenħtieġ li jiġi ppreferut mill-ivventjar.

(43)

L-użu tal-ivvampjar bħala alternattiva għall-ivventjar jeħtieġ li l-apparati tal-ivvampjar ikunu effiċjenti fil-kombustjoni tal-metan. Minħabba f’hekk, jenħtieġ li jiġi inkluż ukoll rekwiżit tal-effiċjenza tal-kombustjoni għall-każijiet li fihom l-ivvampjar ikun permess u jenħtieġ li jitneħħew gradwalment l-apparati tal-ivvampjar b’effiċjenza tal-qerda u tat-tneħħija mil-livell tad-disinn ta’ inqas minn 99 %. Jenħtieġ li jkun meħtieġ ukoll l-użu ta’ berners pilota li jqabbdu awtomatikament jew b’mod kontinwu, li jqabbdu b’mod aktar affidabbli peress li mhumiex affettwati mir-riħ.

(44)

L-injezzjoni mill-ġdid jew l-użu tal-metan fuq il-post, jew id-dispaċċ tal-metan lejn suq jenħtieġ li dejjem ikunu preferibbli mill-ivventjar jew l-ivvampjar. Jenħtieġ li l-operaturi li jivventjaw jipprovdu evidenza lill-awtoritajiet kompetenti li l-injezzjoni mill-ġdid, l-użu fuq il-post, il-ħżin għall-użu iktar tard, id-dispaċċ tal-metan lejn suq jew l-ivvampjar ma kinux possibbli, u jenħtieġ li l-operaturi li jivvampjaw jipprovdu evidenza lill-awtoritajiet kompetenti li l-injezzjoni mill-ġdid, l-użu fuq il-post, il-ħżin għall-użu iktar tard jew id-dispaċċ tal-metan lejn suq ma kienx possibbli.

(45)

Jenħtieġ li l-operaturi jinnotifikaw avvenimenti kbar ta’ ivventjar u ta’ ivvampjar mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti u ta’ kull sena jissottomettu lil dawk l-awtoritajiet rapporti aktar komprensivi dwar l-avvenimenti kollha ta’ vventjar u ta’ vvampjar. Jenħtieġ li jiżguraw ukoll li t-tagħmir u l-apparati tal-ivventjar u l-ivvampjar jikkonformaw mal-istandards stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni.

(46)

L-emissjonijiet tal-metan minn bjar inattivi, bjar magħluqa temporanjament u dawk magħluqa u abbandunati b’mod permanenti joħolqu riskji għas-saħħa, għas-sikurezza u għall-ambjent. Għalhekk, jenħtieġ li l-obbligi ta’ monitoraġġ, inkluż il-kwantifikazzjoni u, fejn tagħmir ta’ monitoraġġ tal-pressjoni jkun jeżisti, il-monitoraġġ tal-pressjoni, u l-obbligi ta’ rappurtar jibqgħu japplikaw u jenħtieġ li dawk il-bjar u s-siti tal-bjar ikunu magħluqa b’mod permanenti, jiġu rkuprati u rimedjati, kif applikabbli. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom rwol predominanti, b’mod partikolari biex jistabbilixxu inventarji u, fejn l-ebda parti responsabbli ma tkun tista’ tiġi identifikata, jirrapportaw l-emissjonijiet tal-metan u jistabbilixxu pjanijiet ta’ mitigazzjoni fi skadenzi ċari.

(47)

Fil-każ ta’ bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti, jenħtieġ li tiġi pprovduta dokumentazzjoni adegwata li turi li ma hemm l-ebda emissjoni tal-metan għall-bjar kollha li ġew magħluqa u abbandunati b’mod permanenti tul fit-30 sena ta’ qabel u fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew wara u, fejn tali dokumentazzjoni tkun disponibbli, għal bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti aktar minn 30 sena qabel id-data tad- dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Tali dokumentazzjoni jenħtieġ li tinkludi mill-inqas kwantifikazzjoni bbażata fuq il-fattur ta’ emissjoni jew fuq kampjun jew evidenza affidabbli ta’ iżolament permanenti tas-sottosuperfiċje f’konformità ma’ ISO 16530-1:2017, l-istandard internazzjonali applikabbli dwar l-integrità tal-bjar għall-industriji taż-żejt mhux maħdum u tal-gass naturali.

(48)

Meta l-awtoritajiet kompetenti jiġu pprovduti b’evidenza affidabbli ta’ ammonti materjali ta’ emissjonijiet tal-metan f’bir inattiv lil hinn mill-kosta, f’bir magħluq temporanjament jew f’bir magħluq u abbandunat b’mod permanenti, skont il-każ, li jkun ġie kkonfermat minn parti terza indipendenti, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni tal-obbligi għal bjar magħluqa temporanjament fir-rigward ta’ dak il-bir.

(49)

L-għadd ta’ bjar inattivi, bjar magħluqa temporanjament u bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti fit-territorju tal-Istati Membri jvarja b’mod sinifikanti, u xi Stati Membri għandhom għadd ferm kbir ta’ tali bjar fit-territorji tagħhom. Jenħtieġ li t-tali Stati Membri jitħallew japplikaw approċċ aktar gradwali biex jissodisfaw l-obbligi rigward l-istabbiliment ta’ inventarju ta’ dawk il-bjar biex jiżguraw il-proporzjonalità tal-kostijiet u tal-piż amministrattiv assoċjati ma’ dak l-inventarju.

(50)

Peress li l-probabbiltà li tnixxija tal-metan mill-bjar lil hinn mill-kosta tilħaq is-superfiċje jiddependi fuq diversi fatturi u għandu t-tendenza li jonqos skont il-fond tal-ilma u li r-riżorsi meħtieġa għall-istħarriġ u l-intervent fil-bjar lil hinn mill-kosta jiżdiedu hekk kif jiżdiedu l-fond tal-ilma u d-distanza mix-xatt, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati eżenzjonijiet minn ċerti obbligi skont dan ir-Regolament għal bjar lil hinn mill-kosta li jinsabu f’fond akbar tal-ilma, jekk tkun tista’ tiġi pprovduta evidenza robusta li l-impatt fuq il-klima tal-emissjonijiet potenzjali tal-metan minn dawk il-bjar x’aktarx li jkun negliġibbli.

(51)

Id-data tal-inventarju tal-gassijiet serra tal-Unjoni turi li l-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam huma l-akbar sors uniku ta’ emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija tal-Unjoni. Fl-2019, l-emissjonijiet diretti mis-settur tal-faħam kienu jirrappreżentaw 31 % tal-emissjonijiet kollha tal-metan, kważi daqs il-perċentwal tal-emissjonijiet diretti tal-metan miż-żejt u l-gass naturali flimkien, jiġifieri ta’ 33 %.

(52)

Bħalissa, ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni speċifika madwar l-Unjoni kollha li tillimita l-emissjonijiet tal-metan mis-settur tal-faħam, minkejja d-disponibbiltà ta’ firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji ta’ mitigazzjoni. Ma hemm l-ebda standard tal-Unjoni jew internazzjonali ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika speċifiku għall-faħam. Fl-Unjoni, ir-rappurtar tal-emissjonijiet tal-metan mill-industrija tal-faħam huwa parti mir-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-Istati Membri. Id-data mill-minjieri tal-faħam taħt l-art hija inkluża wkoll fir-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

(53)

Studji reċenti juru li l-emissjonijiet tal-metan huma primarjament marbuta ma’ attivitajiet ta’ estrazzjoni taħt l-art, kemm f’minjieri tal-faħam attivi, f’dawk magħluqa kif ukoll f’dawk abbandunati. F’minjieri tal-faħam attivi taħt l-art, il-konċentrazzjoni tal-metan fl-arja hija kkontrollata kontinwament peress li tikkostitwixxi periklu għas-saħħa u għas-sikurezza. Fil-każ ta’ minjieri tal-faħam taħt l-art, il-maġġoranza l-kbira ta’ emissjonijiet tal-metan iseħħu permezz ta’ sistemi ta’ ventilazzjoni u drenaġġ jew tneħħija tal-gass, li jirrappreżentaw iż-żewġ modi ewlenin kif jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet tal-metan fil-passaġġi tal-arja ta’ minjiera tal-faħam.

(54)

Ladarba l-produzzjoni tkun waqfet u minjiera tal-faħam tingħalaq jew tiġi abbandunata, din tkompli tirrilaxxa l-metan, imsejjaħ “metan tal-minjieri abbandunati” (AMM). Tali emissjonijiet tal-metan tipikament iseħħu f’sorsi lokalizzati definiti sew, bħal xaftijiet tal-ventilazzjoni jew ventijiet għat-tnaqqis tal-pressjoni. B’żieda fl-ambizzjoni klimatika u t-trasferiment tal-produzzjoni tal-enerġija għal sorsi tal-enerġija b’użu anqas intensiv tal-karbonju, l-emissjonijiet tal-AMM x’aktarx li ser jiżdiedu fl-Unjoni. Huwa stmat li anke 10 snin wara li tintemm l-estrazzjoni, il-metan minn minjieri tal-faħam mhux mgħarrqa jkompli jiġi rilaxxat f’livelli li jilħqu madwar 40 % ta’ dawk irreġistrati fil-mument tal-għeluq. Barra minn hekk, it-trattament tal-AMM għadu frammentat minħabba d-drittijiet u l-obbligi differenti ta’ sjieda u sfruttament fl-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu inventarji ta’ minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa u minjieri tal-faħam taħt l-art abbandunati fejn l-operazzjonijiet waqqfu wara t-3 ta’ Awwissu 1954 u, jenħtieġ li l-parti responsabbli identifikata tkun meħtieġa tinstalla apparati għall-kejl tal-emissjonijiet tal-metan.

(55)

Minjieri tal-faħam tas-superfiċe attivi fl-Unjoni jipproduċu l-linjite u jarmu anqas metan mill-minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art. Il-minjieri tal-faħam tal-linjite fl-Unjoni huma fil-biċċa l-kbira minjieri tal-faħam tas-superfiċje, bl-eċċezzjoni ta’ minjiera waħda tal-faħam tal-linjite li tinsab taħt l-art fi Stat Membru wieħed. Skont l-inventarju tal-gassijiet serra tal-Unjoni, fl-2019, il-minjieri tal-faħam tas-superfiċe attivi emettew 166 kilotunnellata ta’ metan meta mqabbla ma’ 828 kilotunnellata ta’ metan minn minjieri tal-faħam taħt l-art. Il-kejl tal-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam tas-superfiċje huwa ta’ sfida minħabba t-tendenza tal-metan li jinxtered fuq żona wiesgħa. Għalhekk, u minkejja d-disponibbiltà ta’ teknoloġija adegwata, l-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam tas-superfiċe rarament jitkejlu. L-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam tas-superfiċe jistgħu jiġu dderivati bl-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni tal-faħam speċifiċi għall-baċin u, bi preċiżjoni akbar, bl-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni speċifiċi għall-minjieri jew għad-depożiti, peress li l-baċini tal-faħam għandhom depożiti b’kapaċità differenti li jġorru l-metan. Il-fatturi tal-emissjonijiet jistgħu jiġu dderivati mill-kejl tal-kontenut ta’ gass ta’ kampjuni tas-saffi li jittieħdu mill-qalba ta’ spieri ta’ esplorazzjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-operaturi tal-minjieri jikkwantifikaw l-emissjonijiet tal-metan fil-minjieri tal-faħam tas-superfiċe bl-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni bħal dawn.

(56)

L-emissjonijiet tal-metan minn minjieri tal-faħam taħt l-art kompletament mgħarrqa għandhom it-tendenza li jonqsu b’mod sinifikanti maż-żmien hekk kif il-kundizzjonijiet idroġeoloġiċi jistabbilizzaw wara l-għeluq tal-minjiera tal-faħam u t-tlestija tal-proċess tal-għargħar. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li t-tali minjieri tal-faħam jiġu eżentati mill-obbligi ta’ kwantifikazzjoni, fejn ikun debitament ġustifikat.

(57)

L-operaturi tal-minjieri jenħtieġ li jwettqu kejl kontinwu u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan mix-xaftijiet ta’ ventilazzjoni fil-minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art u kejl kontinwu ta’ metan ivventjat u vvampjat fl-istazzjonijiet tad-drenaġġ. Jenħtieġ li jużaw fatturi speċifiċi ta’ emissjoni fir-rigward tal-minjieri tal-faħam tas-superfiċje. Jenħtieġ li jirrapportaw dik id-data lill-awtoritajiet kompetenti.

(58)

Il-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan tista’ tinkiseb l-aħjar f’minjieri tal-faħam taħt l-art attivi u f’dawk magħluqa jew f’minjieri tal-faħam taħt l-art abbandunati. Il-mitigazzjoni effettiva tal-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam tas-superfiċe attivi u minjieri tal-faħam tas-superfiċe magħluqa jew abbandunati bħalissa hija limitata mit-teknoloġija. Madankollu, sabiex jiġu appoġġati r-riċerka u l-iżvilupp fit-teknoloġiji ta’ mitigazzjoni għal emissjonijiet tal-metan fil-futur, jenħtieġ li jkun hemm monitoraġġ, rappurtar u verifika effettivi u dettaljati tal-iskala ta’ dawk l-emissjonijiet ta’ metan.

(59)

Il-minjieri tal-faħam attivi ta’ taħt l-art huma minjieri tal-faħam termali jew tal-kokk. Il-faħam termali jintuża primarjament bħala sors tal-enerġija u l-faħam tal-kokk jintuża bħala fjuwil u bħala sustanza reattiva fil-proċess tal-produzzjoni tal-azzar. Kemm il-minjieri tal-faħam termali u tal-kokk jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-kejl, għar-rappurtar u għall-verifika u għall-miżuri ta’ mitigazzjoni fir-rigward tal-emissjonijiet tal-metan. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ mitigazzjoni jiġu implimentati permezz ta’ eliminazzjoni gradwali tal-ivventjar u tal-ivvampjar. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ mitigazzjoni ma jwasslux għad-deterjorament tas-sikurezza tal-ħaddiema.

(60)

Għall-minjieri tal-faħam attivi taħt l-art, jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri ta’ mitigazzjoni permezz ta’ eliminazzjoni gradwali ta’ apparati tal-ivvampjar b’effiċjenza tal-qerda u t-tneħħija mil-livell tad-disinn ta’ inqas minn 99 %. Filwaqt li l-għargħar ta’ minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa jew abbandunati jista’ jipprevjeni l-emissjonijiet tal-metan, dan ma jsirx b’mod sistematiku u joħloq riskji ambjentali. F’dawk il-minjieri tal-faħam, l-apparati tal-ivvampjar b’effiċjenza tal-qerda u t-tneħħija mil-livell tad-disinn inqas minn 99 % jenħtieġ li jitneħħew gradwalment ukoll. Peress li r-restrizzjonijiet ġeoloġiċi u l-kunsiderazzjonijiet ambjentali jipprevjenu approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd fir-rigward ta’ minjieri tal-faħam taħt l-art abbandunati, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu l-pjan ta’ mitigazzjoni tagħhom, filwaqt li jqisu dawk ir-restrizzjonijiet u l-fattibbiltà teknika tal-mitigazzjoni tal-AMM.

(61)

Sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan minn minjieri tal-faħam attivi, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jintroduċu sistemi ta’ inċentivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan, soġġetti għar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat. Dawk is-sistemi jistgħu b’mod partikolari jinċentivaw l-investimenti fil-qbid u l-injezzjoni tal-metan fil-grilja u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan mix-xaftijiet tal-ventilazzjoni u mill-ivvampjar. L-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jintroduċu sistemi ddedikati ta’ tariffi u imposti biex jiffaċilitaw l-investimenti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan, fost l-oħrajn, bħala parti mill-programmi ta’ għajnuna mill-Istat immirati lejn id-dekummissjonar tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-faħam, soġġetti għar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(62)

L-aħjar prattiki ta’ mitigazzjoni eżistenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan jenħtieġ li jkunu permessi f’minjieri tal-faħam magħluqa jew abbandunati, bħall-iżvilupp ta’ proġetti ta’ ħżin ġeotermali u tas-sħana f’minjieri tal-faħam mgħarrqa, applikazzjonijiet tal-enerġija idroelettrika f’minjieri tal-faħam mhux mgħarrqa, il-qbid tal-emissjonijiet tal-metan permezz tat-tneħħija tal-gass, l-użu ta’ apparati ta’ tneħħija tal-gass rilevanti għas-sikurezza, l-użu ta’ gass mill-minjieri għall-produzzjoni tal-enerġija jew is-sekwestru tal-ilma tal-minjieri u użi possibbli oħra.

(63)

L-Unjoni tiddependi fuq l-importazzjonijiet għal 70 % tal-konsum tal-faħam iebes tagħha, 97 % tal-konsum taż-żejt tagħha u 90 % tal-konsum tal-gass naturali tagħha. Filwaqt li s-sehem tal-emissjonijiet antropoġeniċi globali tal-metan emessi fl-Ewropa huwa stmat li huwa biss madwar 6 %, il-konsum tal-fjuwils fossili u d-dipendenza fuq l-importazzjoni tagħhom jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-emissjonijiet tal-metan tal-Unjoni.

(64)

L-effetti tat-tisħin globali kkawżati mill-emissjonijiet tal-metan huma transfruntiera. Għalkemm xi pajjiżi terzi li jipproduċu l-enerġija fossili qegħdin jibdew jaġixxu domestikament sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija tagħhom, ħafna produtturi ta’ pajjiżi terzi u esportaturi mhumiex soġġetti għal regolamenti fis-suq domestiku rispettiv tagħhom. Huma jeħtieġu inċentivi ċari biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-metan tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li tkun disponibbli għas-swieq u għall-pubbliku ġenerali, informazzjoni trasparenti dwar l-emissjonijiet tal-metan assoċjati mal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni.

(65)

Bħalissa, id-data preċiża, rappurtata fil-grad 3 tal-UNFCCC jew bl-użu ta’ metodi ekwivalenti, dwar l-emissjonijiet internazzjonali tal-metan hija limitata. Ħafna pajjiżi terzi li jesportaw l-enerġija fossili għadhom ma ssottomettewx data sħiħa tal-inventarju lis-segretarjat tal-UNFCCC. Barra minn hekk, hemm evidenza ta’ żieda akbar fl-emissjonijiet tal-metan mill-attivitajiet tal-produzzjoni taż-żejt u tal-gass globalment, partikolarment minn 65 għal 80 Mt/sena fl-aħħar 20 sena.

(66)

Kif imħabbar fl-Istrateġija dwar il-Metan, l-Unjoni hija impenjata li taħdem f’kooperazzjoni mas-sħab tal-enerġija tagħha u ma’ pajjiżi terzi importaturi u esportaturi ewlenin oħrajn tal-enerġija fossili sabiex tindirizza l-emissjonijiet tal-metan globalment. Id-diplomazija dwar l-enerġija dwar l-emissjonijiet tal-metan diġà tat riżultati importanti. F’Settembru 2021, l-Unjoni u l-Istati Uniti ħabbru l-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan, imnedija fil-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 26) f’Novembru 2021. Il-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan tirrappreżenta impenn politiku biex naħdmu flimkien sabiex kollettivament jitnaqqsu l-emissjonijiet globali tal-metan bi 30 % meta mqabbla mal-livelli tal-2020 sal-2030, u biex jittieħdu azzjonijiet domestiċi komprensivi biex tintlaħaq dik il-mira. Din tinkludi wkoll impenn sabiex isir progress lejn l-użu tal-aqwa metodoloġiji ta’ inventarju disponibbli għall-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan. Aktar minn 100 pajjiż, li jammontaw għal madwar nofs l-emissjonijiet antropoġeniċi globali tal-metan, diġà ssieħbu mal-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan.

(67)

L-IMEO għandu rwol importanti biex tiżdied it-trasparenza dwar l-emissjonijiet globali tal-metan fis-settur tal-enerġija u l-Kummissjoni jenħtieġ li tkompli tikkoopera mal-IMEO.

(68)

B’mod parallel għat-tkomplija tal-ħidma diplomatika tagħha sabiex jintlaħqu l-impenji globali għal tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet tal-metan, l-Unjoni tkompli tinkoraġġixxi l-isforzi kollha relatati ma’ tnaqqis sinifikanti ta’ dawk l-emissjonijiet globalment, u b’mod partikolari fil-pajjiżi terzi li jfornu l-enerġija fossili lill-Unjoni.

(69)

Għalhekk, jenħtieġ li l-importaturi taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam lejn l-Unjoni jkunu meħtieġa jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti informazzjoni dwar il-miżuri relatati mal-kejl, ir-rappurtar, il-verifika u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan imwettqa mill-esportaturi lejn l-Unjoni, b’mod partikolari dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri regolatorji jew volontarji għall-kontroll tal-emissjonijiet tal-metan tal-produtturi ta’ pajjiżi terzi li jfornu ż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam, bħal stħarriġ LDAR jew miżuri għall-kontroll u r-restrizzjoni ta’ avvenimenti ta’ ivventjar u avvenimenti ta’ ivvampjar. Il-livelli ta’ kejl u rappurtar stabbiliti fir-rekwiżiti ta’ informazzjoni applikati għall-importaturi jenħtieġ li jikkorrispondu għal dawk applikati għall-operaturi tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-obbligu fuq l-importaturi li jipprovdu informazzjoni dwar miżuri meħuda sabiex jiġu kkontrollati l- -emissjonijiet tal-metan jenħtieġ li ma jkunx aktar ta’ piż mill-obbligu korrispondenti fuq l-operaturi tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jgħaddu l-informazzjoni dwar dawk il-miżuri lill-Kummissjoni. Abbażi ta’ dik l-informazzjoni, l-Unjoni jenħtieġ li tistabbilixxi u timmaniġġja bażi tad-data dwar it-trasparenza tal-metan, li jkun fiha informazzjoni rrapportata mill-produtturi tal-Unjoni u mill-importaturi taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam. Tali bażi tad-data sservi bħala sors ta’ informazzjoni għad-deċiżjonijiet dwar ix-xiri tal-importaturi ta’ żejt mhux maħdum, gass naturali u faħam, kif ukoll għal partijiet ikkonċernati oħrajn u għall-pubbliku. Minbarra l-bażi tad-data dwar it-trasparenza tal-metan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa profili tal-prestazzjoni tal-metan, li jkun fihom id-data dwar l-emissjonijiet tal-metan relatata maż-żejt mhux maħdum, mal-gass naturali u mal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni. Dawk il-profili jenħtieġ li jinkludu wkoll valutazzjoni tal-isforzi mwettqa mill-produtturi, l-importaturi tal-Unjoni, u mill-produtturi u l-esportaturi ta’ pajjiżi terzi tal-enerġija fossili lill-Unjoni biex ikejlu u jirrapportaw, kif ukoll inaqqsu, l-emissjonijiet tal-metan tagħhom. Dawk il-profili jenħtieġ li jinkludu wkoll informazzjoni dwar l-azzjonijiet regolatorji rigward il-kejl, ir-rappurtar, il-verifika u l-mitigazzjoni meħuda minn pajjiżi terzi fejn jiġu prodotti ż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali u l-faħam.

(70)

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi għodda globali għall-monitoraġġ tal-metan li tipprovdi informazzjoni dwar l-okkorrenza, il-kobor u l-post ta’ avvenimenti b’emissjonijiet għoljin ta’ metan minn sorsi tal-enerġija, kif ukoll mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida biex jiġu indirizzati avvenimenti b’emissjonijiet kbar ħafna li jseħħu fl-Unjoni jew barra minnha. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe informazzjoni debitament sostanzjata riċevuta mill-Istati Membri jew minn partijiet terzi dwar avvenimenti b’emissjonijiet kbar ħafna. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jikkondividu mal-Kummissjoni t-tali informazzjoni. Dawk l-għodod jenħtieġ li jkomplu jinkoraġġixxu riżultati reali u dimostrabbli mill-implimentazzjoni ta’ miżuri li jirregolaw l-emissjonijiet tal-metan u minn azzjonijiet effettivi ta’ mitigazzjoni meħuda minn impriżi fl-Unjoni u minn dawk li jfornu l-enerġija fossili lill-Unjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli li dawk l-għodod ikunu bbażati fuq għodod jew oqfsa internazzjonali eżistenti. Dawk l-għodod jenħtieġ li jiġbru data minn diversi fornituri u servizzi tad-data ċċertifikati, inkluż il-komponent Copernicus tal-Programm Spazjali tal-Unjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u l-IMEO. Jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni għall-finijiet tad-djalogi bilaterali tal-Kummissjoni ma’ pajjiżi terzi rilevanti rigward il-politiki u l-miżuri dwar l-emissjonijiet tal-metan.

(71)

Flimkien, il-bażi tad-data dwar it-trasparenza tal-metan, il-profili tal-prestazzjoni tal-metan, l-għodda globali ta’ monitoraġġ tal-metan u l-mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida jenħtieġ li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tat-trasparenza għax-xerrejja fl-Unjoni, li tippermettilhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-provvista, u jtejbu l-possibbiltà ta’ adozzjoni usa’ ta’ soluzzjonijiet ta’ mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan madwar id-dinja. Barra minn hekk, jenħtieġ li dawk l-istrumenti jinċentivaw aktar lill-impriżi ta’ pajjiżi terzi sabiex japplikaw standards internazzjonali ta’ kejl u rappurtar tal-emissjonijiet tal-metan, bħal dawk adottati fi ħdan il-qafas OGMP 2.0, jew sabiex jadottaw miżuri effettivi ta’ kejl, u miżuri ta’ rappurtar u mitigazzjoni, u jippermettu għall-verifika.

(72)

Kuntratti ġodda li l-importaturi tal-Unjoni jikkonkludu għall-provvista ta’ żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam jenħtieġ li jsaħħu l-adozzjoni f’pajjiżi terzi ta’ regoli għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-metan ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jippermettu lill-fornituri tal-pajjiżi terzi u lill-importaturi tal-Unjoni juru l-ekwivalenza ta’ tali miżuri mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali jew tal-faħam importati lejn l-Unjoni. Filwaqt li klawżoli għal dak l-għan ma jistgħux jiġu imposti fil-każ ta’ kuntratti eżistenti, huwa possibbli li tali klawżoli jiġu inklużi f’kuntratti ġodda jew f’kuntratti eżistenti li jinsabu fil-proċess li jiġġeddu, anki b’mod taċitu. F’dak il-kuntest, klawżoli mudell rakkomandati mill-Kummissjoni jkunu utli għall-impriżi.

(73)

Jenħtieġ ikun possibbli li l-ekwivalenza tal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-metan tinkiseb mhux biss permezz ta’ miżuri applikati minn impriżi individwali, iżda wkoll fil-livell ta’ pajjiżi terzi, permezz tal-oqfsa legali fis-seħħ li jirregolaw it-tali monitoraġġ, rappurtar u verifika. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar l-evidenza li għandha tiġi pprovduta minn pajjiżi terzi f’dak ir-rigward, billi tinvolvi ruħha b’mod attiv mal-pajjiżi terzi esportaturi kollha u filwaqt li tqis kif xieraq kwalunkwe ċirkostanza differenti preżenti f’dawk il-pajjiżi terzi u l-obbligi tal-Unjoni skont il-liġi internazzjonali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa wkoll li tistabbilixxi u tirrevoka ekwivalenza għal pajjiżi terzi individwali, fejn xieraq.

(74)

Jenħtieġ li jiġu previsti strumenti, inkluż djalogi dwar avvenimenti b’emissjonijiet kbar ħafna, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u d-deċiżjonijiet tal-ekwivalenza ta’ verifika u l-adozzjoni ta’ oqfsa ta’ kooperazzjoni, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-obbligi fuq l-importaturi, kif ukoll fuq il-produtturi jew l-esportaturi stabbiliti f’pajjiżi terzi li jfornu żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam lill-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tipproponi strumenti għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Jenħtieġ li l-adozzjoni ta’ dawk l-istrumenti tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, fejn applikabbli.

(75)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tidħolx fi djalogu ma’ pajjiżi terzi dwar avvenimenti b’emissjonijiet kbar ħafna, jenħtieġ li toqgħod lura milli tadotta deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza u jenħtieġ li ma tirrakkomandax il-ftuħ ta’ negozjati għal qafas ta’ kooperazzjoni fejn dan jirriskja li jevita l-miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jew l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-importazzjoni ta’ żejt mhux maħdum, gass naturali u faħam.

(76)

Ladarba l-bażi tad-data dwar it-trasparenza tal-metan, il-profili tal-prestazzjoni tal-metan, l-għodda globali għall-monitoraġġ tal-metan u l-mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida jkunu fis-seħħ, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam. Jenħtieġ li dik il-metodoloġija tkun disponibbli għall-pubbliku. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, fuq dik il-bażi, tivvaluta l-impatt potenzjali ta’ diversi livelli ta’ valuri massimi tal-intensità tal-metan fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, kif ukoll fuq il-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni.

(77)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tistabbilixxi valuri u klassijiet obbligatorji tal-intensità massima tal-metan assoċjati mal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni, abbażi tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam u l-valutazzjoni tal-impatt potenzjali tal-istabbiliment ta’ valuri massimi tal-intensità tal-metan. Dawk il-valuri jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livelli li jippromwovu t-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-metan, filwaqt li jippreservaw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, jiżguraw trattament mhux diskriminatorju u jipproteġu l-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni.

(78)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata ta’ dan ir-Regolament u jinħoloq qafas tekniku komuni għall-atturi kollha fis-setturi taż-żejt, tal-gass u tal-faħam, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), li titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni rilevanti jabbozzaw standards armonizzati għall-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fis-setturi taż-żejt, tal-gass u tal-faħam, għall-istħarriġ LDAR u għat-tagħmir tal-ivventjar u l-ivvampjar. Jenħtieġ li dawk l-istandards isiru obbligatorji għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat fost l-operaturi, l-impriżi u l-operaturi tal-minjieri u dawk involuti fl-iżgurar tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-verifikaturi. Meta ma jkunux jistgħu jingħataw standards armonizzati jew dawn ma jiżgurawx il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta preskrizzjonijiet tekniċi biex tkopri r-rekwiżiti meħtieġa. Sad-data tal-applikazzjoni tat-tali standards jew preskrizzjonijiet tekniċi, l-operaturi, l-impriżi u l-operaturi tal-minjieri jenħtieġ isegwu prattiki industrijali tal-ogħla livell u l-aqwa teknoloġiji disponibbli.

(79)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Dawk il-penali jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Jenħtieġ li jkun possibbli li dawk il-penali jinkludu multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali. Sabiex dawk il-penali jkollhom effett ta’ deterrent sinifikanti, jenħtieġ li l-penali jkunu adegwati għat-tip ta’ ksur, għall-benefiċċju ekonomiku li jirriżulta minn dan il-ksur u għat-tip u l-gravità tad-dannu ambjentali u l-impatt fuq is-sikurezza tal-bniedem u s-saħħa pubblika. Meta jiġu imposti penali, jenħtieġ li l-awtoritajiet rilevanti jqisu n-natura, il-gravità u d-durata tal-ksur inkwistjoni. Jenħtieġ li l-penali jiġu imposti b’mod mhux diskriminatorju u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, internazzjonali u nazzjonali. Jenħtieġ li jiġu rispettati s-salvagwardji proċedurali applikabbli u l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(80)

Għal raġunijiet ta’ konsistenza, jenħtieġ li tiġi stabbilita lista tat-tipi ta’ ksur li jenħtieġ li jkunu soġġetti għal penali. Barra minn hekk, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni konsistenti tal-penali fl-Istati Membri kollha, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji komuni mhux eżawrjenti u indikattivi għall-applikazzjoni tal-penali. L-effett deterrenti tal-penali jenħtieġ li jissaħħaħ billi tiġi prevista l-possibbiltà li tiġi ppubblikata l-informazzjoni relatata mal-penali imposti mill-Istati Membri, soġġett għar-Regolamenti (UE) 2016/679 (17) u (UE) 2018/1725 (18) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill meta l-penali jiġu imposti fuq persuni fiżiċi.

(81)

Bħala riżultat tad-dispożizzjonijiet li jeħtieġu li l-investimenti minn entitajiet regolati jitqiesu fl-iffissar tat-tariffi, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) jiġi emendat sabiex l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tiġi fdata bil-kompitu li tagħmel disponibbli sett ta’ indikaturi u valuri ta’ referenza għat-tqabbil tal-kostijiet ta’ unità ta’ investiment marbuta mal-kejl, il-kwantifikazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rappurtar, il-verifika u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan għal proġetti komparabbli.

(82)

Sabiex jiġu ddefiniti l-elementi tat-tneħħija gradwali tal-ivventjar u tal-ivvampjar fil-minjieri tal-faħam tal-kokk, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi restrizzjonijiet fuq l-ivventjar tal-metan mix-xaftijiet ta’ ventilazzjoni għall-minjieri tal-faħam tal-kokk. Barra minn hekk, sabiex tkun tista’ teżiġi aktar informazzjoni mill-importaturi, fejn meħtieġ, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi timmodifika jew iżżid mal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-importaturi. Barra minn hekk, sabiex tiġi stabbilita l-metodoloġija għall-kalkolu tal-intensità tal-metan assoċjata mal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, mal-gass naturali u mal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni fil-livell tal-produttur, kif ukoll sabiex jiġu stabbiliti l-valuri u l-klassijiet tal-intensità massima tal-metan rilevanti, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont skont mal-Artikolu 290 TFUE biex tissupplimenta dan ir-Regolament. Fl-aħħar nett, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta standards armonizzati u preskrizzjonijiet tekniċi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (20). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(83)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta regoli dettaljati fir-rigward tal-mudelli għar-rappurtar tal-emissjonijiet tal-metan, il-limiti minimi tad-detezzjoni u t-tekniki ta’ detezzjoni għall-apparati ta’ detezzjoni u l-livelli limitu li japplikaw għall-ewwel pass tal-istħarriġ LDAR, kif ukoll il-proċedura u r-rekwiżiti u d-deċiżjonijiet individwali fir-rigward tal-ekwivalenza tal-miżuri ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika f’pajjiżi terzi, f’konformità mal-Artikolu 291 TFUE. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

(84)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja u teżamina mill-ġdid l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport jenħtieġ li jivvaluta b’mod partikolari l-effettività u l-effiċjenza ta’ dan ir-Regolament, il-livell ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan miksub u jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali jew alternattivi. Dak ir-rapport jenħtieġ iqis il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni f’oqsma relatati. Skont il-konklużjonijiet f’dak ir-rapport u bħala parti mir-rieżami ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tissottometti proposti leġiżlattivi, fejn xieraq.

(85)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment tar-regoli għall-kejl, il-kwantifikazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rappurtar, il-verifika preċiża, kif ukoll it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija fl-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwalment iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 15.07.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024R1787
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.