3. L-ENNOH għandu jippreżenta l-abbozz tal-pjan tal-iżvilupp tan-network għall-idroġenu għall-Unjoni kollha, l-abbozz tal-programm ta’ ħidma annwali, inkluż l-informazzjoni dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni, u d-dokumenti l-oħra msemmija fl-Artikolu 59 lill-ACER għall-opinjoni tagħha.
Fi żmien xahrejn mill-jum tar-riċezzjoni, l-ACER għandha tipprovdi opinjoni debitament raġunata kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-ENNOH u lill-Kummissjoni jekk tqis li l-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali jew l-abbozz mhux obbligatorju tal-pjan tal-iżvilupp tan-network għall-idroġenu għall-Unjoni kollha preżentati mill-ENNOH ma jikkontribwixxix għan-nondiskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva, għall-funzjonament tajjeb tas-suq jew għal livell suffiċjenti ta’ interkonnessjoni transfruntiera. L-ENNOH għandu jqis kif xieraq l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ACER.