11. L-ACER għandha tirrevedi l-proposta għal kodiċi tan-network biex tiżgura li dan jikkonforma mal-linji gwida qafas rilevanti u li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-suq, għan-nondiskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva u għall-funzjonament tajjeb tas-suq u għandha tippreżenta l-kodiċi tan-network rivedut lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi l-proposta. Fil-proposta ppreżentat lill-Kummissjoni, l-ACER għandha tqis il-fehmiet tal-partijiet involuti kollha fl-abbozzar tal-proposta għal kodiċi tan-network immexxija mill-ENNOH u għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar il-verżjoni riveduta tal-proposta għal kodiċi tan-network li trid tippreżenta lill-Kummissjoni.