6. Sat-12 ta’ Frar 2026, il-Kummissjoni għandha titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex iħejju jew jaġġornaw l-istandards armonizzati li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati tar-rekwiżiti dwar l-imballaġġ kompostabbli. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha titlob li, f'konformità mal-aħħar żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi, jitqiesu parametri bħall-ħinijiet ta' żamma, it-temperaturi u t-tħawwid, li jirriflettu l-kundizzjonijiet reali fil-kompost fid-dar u fil-faċilitajiet tat-trattament tal-bijoskart, inkluż il-proċessi ta' diġestjoni anaerobika. Il-Kummissjoni għandha titlob li dawk l-istandards jinkludu verifika li l-imballaġġ kompostabbli f'dekompożizzjoni bijoloġika soġġetta għall-parametri speċifikati fl-aħħar jirriżulta f'konverżjoni għal diossidu tal-karbonju jew, fin-nuqqas ta' ossiġenu, għal metan, u mluħa minerali, bijomassa u ilma.
Sat-12 ta’ Frar 2026, il-Kummissjoni għandha wkoll titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex iħejju standards armonizzati li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati tar-rekwiżiti dwar l-kompostabblita’ domestika tal-imballaġġ imsemmi fil-paragrafu 1.