7. Il-Kummissjoni u l-Aġenziji għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa u xierqa biex jimmonitorjaw u jidentifikaw fi stadju bikri kwalunkwe diverġenza potenzjali bejn il-formati tad-data li tista’ tikkawża problemi ta’ interoperabbiltà. Jekk tiġi identifikata diverġenza bejn il-formati tad-data, l-Aġenziji kkonċernati għandhom jikkooperaw biex isolvuha jew, fejn id-diverġenza tkun ġustifikata, jispjegaw ir-raġunijiet sottostanti. Fejn l-Aġenziji kkonċernati ma jkunux jistgħu jsolvu d-diverġenza, huma għandhom ifasslu rapport konġunt u jippreżentawh lill-Kummissjoni. Ir-rapport għandu jiddeskrivi b’mod ċar ir-raġunijiet għad-diverġenza, jiċċara kwalunkwe kwistjoni teknika sottostanti u jagħmel proposta biex tiġi solvuta d-diverġenza.