1. Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament MSU, meta l-BĊE jkun beħsiebu, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jew fuq proposta ta’ NCA jew NDA, japplika rekwiżiti aktar għoljin għal riżervi ta’ kapital jew biex jiġu applikati miżuri aktar strinġenti mmirati biex jindirizzaw riskji sistemiċi jew makro-prudenzjali, huwa għandu jikkoopera mill-qrib mal-NDAs fl-Istati Membri kkonċernati u b’mod partikolari għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-NDA jew NCA għaxart ijiem tax-xogħol qabel ma jieħu dik id-deċiżjoni. Minkejja dan, jekk il-BĊE jkun beħsiebu japplika rekwiżiti aktar għoljin għal riżervi ta’ kapital jew li japplika miżuri aktar strinġenti mmirati biex jindirizzaw riskji sistemiċi jew makro-prudenzjali fil-livell ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu soġġetti għall-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE fil-każijiet stabbiliti speċifikament fil-liġi tal-Unjoni, huwa għandu jinforma lill-NCA jew NDA relevanti kemm jista’ jkun malajr dwar l-identifikazzjoni min-naħa tiegħu ta’ riskju makro-prudenzjali jew sistemiku għas-sistema finanzjarja u fejn ikun possibbli għandu jipprovdi dettalji tal-għodda maħsuba. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi kemm jista’ jkun dettalji speċifiċi dwar il-miżura maħsuba, inkluża d-data ta’ applikazzjoni maħsuba.