3. Entità li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 iżda li mhix stabbilita fl-Unjoni, għandha taħtar rappreżentant legali f’wieħed mill-Istati Membri fejn dawk is-servizzi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data huma offruti.
Għall-finijiet tal-iżgurar tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-rappreżentant legali għandu jingħata mandat mill-entità biex jiġi indirizzat flimkien magħha jew minflokha mill-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jew is-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data, fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati ma’ dik l-entità. Ir-rappreżentant legali għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data u jurihom b’mod komprensiv, fuq talba, l-azzjonijiet meħuda u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-entità biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.
L-entità għandha titqies li hija taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab ir-rappreżentant legali. Tali entità tista’ tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku nazzjonali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data f’dak l-Istat Membru. Il-ħatra ta’ rappreżentant legali mill-entità għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni legali li tista’ tinbeda kontra l-entità.