1. Il-korp tas-settur pubbliku, il-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ingħata d-dritt għall-użu mill-ġdid tad-data skont il-Kapitolu II, il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew l-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi, legali u organizzattivi raġonevoli kollha, inkluż arranġamenti kuntrattwali, sabiex jipprevjenu t-trasferiment internazzjonali jew l-aċċess governattiv għal data mhux personali miżmuma fl-Unjoni fejn tali trasferiment jew aċċess ikun joħloq kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 jew 3.