+ANNESS X REKWIŻITI GĦALL-AWDITURI U KRITERJI GĦALL-FAĊILITAJIET LI JIRĊIEVU SKART ESPORTAT MILL-UNJONI SKONT L-ARTIKOLU 46

ANNESS X REKWIŻITI GĦALL-AWDITURI U KRITERJI GĦALL-FAĊILITAJIET LI JIRĊIEVU SKART ESPORTAT MILL-UNJONI SKONT L-ARTIKOLU 46




ANNESS X

REKWIŻITI GĦALL-AWDITURI U KRITERJI GĦALL-FAĊILITAJIET LI JIRĊIEVU SKART ESPORTAT MILL-UNJONI SKONT L-ARTIKOLU 46

Parti A

Rekwiżiti dettaljati għal partijiet terzi li jwettqu awditi

1. Parti terza li twettaq awditi f’konformità mal-Artikolu 46 għandha titqies indipendenti min-notifikatur jew mill-persuna li torganizza l-vjeġġ kif ukoll mill-faċilità awditjata jekk jiġi ddokumentat li:

(a) 

ma tkunx parti minn jew taħt il-kontroll ta’ dawn l-entitajiet;

(b) 

tkun stabbiliet u topera proċeduri li jiggarantixxu l-imparzjalità tagħha, inklużi:

(i) 

valutazzjoni tar-riskji tal-imparzjalità tagħha fuq bażi kontinwa;

(ii) 

identifikazzjoni, eliminazzjoni u mitigazzjoni tar-riskji għall-imparzjalità li jirriżultaw minn pressjoni finanzjarja, kummerċjali u tipi oħra ta’ pressjoni;

(iii) 

valutazzjoni tar-riskju tal-imparzjalità tagħha li jirriżulta mir-relazzjonijiet tal-persunal tagħha;

(c) 

tkun strutturata u ġestita b’mod li jiżgura l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha, inkluż:

(i) 

li jkun identifikabbli b’mod ċar fl-entità ġuridika, jekk l-entità ġuridika twettaq ukoll attivitajiet mhux relatati mal-ispezzjonijiet;

(ii) 

li jkollha regoli ta’ rapportar dwar l-attività tal-awditjar imwettqa;

(iii) 

li l-persunal tagħha jkollu responsabbiltajiet identifikabbli b’mod ċar fir-rigward tat-twettiq tal-awditi.

2. Parti terza li twettaq awditi f’konformità mal-Artikolu 46 għandha titqies li għandha kwalifiki xierqa fil-qasam tal-awditi u t-trattament tal-iskart jekk ikollha għadd suffiċjenti ta’ persunal kwalifikat, direttament jew permezz ta’ sottokuntrattar, li jkun imħarreġ regolarment u jekk il-persunal tagħha involut fit-twettiq ta’ tali awditi jkollu esperjenza professjonali dokumentata fl-oqsma li ġejjin:

(a) 

it-twettiq ta’ awditi ta’ faċilitajiet li jittrattaw l-iskart;

(b) 

l-operazzjonijiet ta’ trattament tal-iskart;

(c) 

is-sistemi ta’ mmaniġġjar tas-saħħa u s-sikurezza ambjentali u okkupazzjonali.

3. Sabiex turi l-konformità mal-kriterji msemmija fil-paragrafi 1 u 2, parti terza li twettaq awditi tista’ tirreferi għaċ-ċertifikazzjoni tagħha ma’ standards tal-Unjoni jew rikonoxxuti internazzjonalment rilevanti għat-twettiq ta’ awditi kif definit fl-Artikolu 46, bħall-istandard ISO 19011:2018 jew l-istandard ISO/IEC 17020:2012.

Parti B

Kriterji maħsuba biex juru li faċilità timmaniġġja l-iskart esportat mill-Unjoni b’mod li jħares l-ambjent

1. L-awditu msemmi fl-Artikolu 46(3) għandu jivverifika li l-faċilità li timmaniġġja l-iskart fil-pajjiż tad-destinazzjoni fl-operazzjonijiet reali tagħha tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

hija awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti tagħha li timporta u tittratta dan l-iskart (għandha tiġi pprovduta evidenza b’mod partikolari permezz tal-produzzjoni ta’ permessi jew liċenzji korrispondenti) u qed twettaq l-attivitajiet tagħha f’konformità mal-leġiżlazzjoni domestika applikabbli rilevanti dwar il-protezzjoni ambjentali;

(b) 

hija ddisinjata, mibnija u mħaddma b’mod sikur u li jħares l-ambjent u, b’mod partikolari, għandha l-proċessi, it-teknoloġija xierqa ta’ mmaniġġjar tal-iskart, l-organizzazzjoni u l-infrastruttura meħtieġa fis-seħħ biex tittratta l-iskart inkwistjoni, u assigurazzjonijiet li jkopru r-riskji u l-obbligazzjonijiet potenzjali. Għal dan l-għan, bħala minimu, trid tiġi kkontrollata l-informazzjoni dwar il-metodi tat-trattament tal-iskart, inkluż kif l-iskart residwu jiġi ttrattat, b’mod partikolari permezz tat-traċċabbiltà downstream;

(c) 

tistabbilixxi u topera sistemi ta’ mmaniġġjar u ta’ monitoraġġ, proċeduri u tekniki li jkollhom l-iskop li jipprevjenu, inaqqsu, jimminimizzaw u sal-limitu prattikabbli jeliminaw:

(i) 

ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema kkonċernati u tal-popolazzjoni fil-viċinanza tal-faċilità, u

(ii) 

l-effetti negattivi fuq l-ambjent ikkawżati mill-attivitajiet tagħha (b’mod partikolari permezz ta’ miżuri adegwati meħuda għall-monitoraġġ u għall-indirizzar tat-tniġġis tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja, u inkonvenjenzi oħra (riħa, storbju));

(d) 

tiżgura t-traċċabbiltà tal-iskart kollu riċevut u ttrattat fil-faċilità, inkluż l-iżgurar li l-iskart residwu kollu ġġenerat mill-attivitajiet tagħha jiġi ddokumentat u jiġi ttrasferit biss lejn faċilitajiet tal-immaniġġjar tal-iskart li jkunu awtorizzati jittrattaw tali skart residwu. Għal dan l-għan, bħala minimu, għandha tiġi kkontrollata l-informazzjoni dwar:

— 
il-kwantità ta’ skart li l-faċilità hija intitolata li tittratta skont il-permess/il-liċenzji tagħha,
— 
il-kwantità ta’ skart li l-faċilità tirċievi u tirkupra kull sena,
— 
il-kwantità ta’ skart residwu ġġenerat mill-attivitajiet tagħhom, kif ukoll evidenza li dan l-iskart residwu jiġi ttrattat f’faċilità awtorizzata għat-trattament tal-iskart, inkluż f’każ ta’ esportazzjoni;
(e) 

ħadet miżuri maħsuba biex jiffrankaw l-enerġija u jillimitaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra marbuta mal-attivitajiet tagħha;

(f) 

tistabbilixxi u hija kapaċi tipprovdi rekords tal-attivitajiet tagħha ta’ mmaniġġjar tal-iskart u ta’ importazzjoni u esportazzjoni tal-iskart għall-aħħar ħames snin; jekk faċilità tkun ilha topera għal inqas minn ħames snin, tistabbilixxi u hija kapaċi tipprovdi rekords tal-attivitajiet tiegħu ta’ mmaniġġjar tal-iskart u ta’ vjeġġi tal-iskart għall-perjodu ta’ operazzjoni;

(g) 

ma nstabitx ħatja li wettqet attivitajiet illegali marbuta mal-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-iskart jew mal-immaniġġjar tal-iskart fl-aħħar ħames snin;

(h) 

tkun stabbiliet kanali ta’ rapportar interni u proċeduri għar-rapportar intern u għas-segwitu, li jippermettu lill-ħaddiema tal-faċilità jirrapportaw informazzjoni dwar ksur tar-regoli relatati mal-effetti negattivi fuq l-ambjent jekk dan ikun meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tad-destinazzjoni.

2. Mal-verifika tal-konformità ta’ faċilità mal-kriterji ta’ hawn fuq, il-parti terza indipendenti li twettaq l-awditu għandha tqis b’mod partikolari, bħala punt ta’ referenza u fejn rilevanti:

(a) 

rekwiżiti speċifiċi għat-trattament ta’ ċertu skart, inkluż kif imsemmi fil-Parti 1 tal-Anness IX, u dwar il-kalkolu tal-kwantità ta’ skart ittrattat, li huma obbligatorji skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

(b) 

il-konklużjonijiet dwar l-Aqwa Tekniki Disponibbli adottati għal ċerti attivitajiet skont ir-reġim tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali ( 79 ).

3. Barra minn hekk, il-linji gwida msemmija fil-Parti 2 tal-Anness IX għandhom jiġu kkunsidrati wkoll bħala punti ta’ referenza.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 30.07.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024R1157
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.