+Artikolu 32 Miżuri superviżorji u ta' infurzar fir-rigward ta' entitajiet essenzjali
---+Artikolu 32 1.
---+Artikolu 32 2.
---+Artikolu 32 3.
---+Artikolu 32 4.
---+Artikolu 32 5.
---+Artikolu 32 6.
---+Artikolu 32 7.
---+Artikolu 32 8.
---+Artikolu 32 9.
---+Artikolu 32 10.

Artikolu 32 Miżuri superviżorji u ta' infurzar fir-rigward ta' entitajiet essenzjali

-

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 32 1.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri superviżorji jew ta' infurzar imposti fuq l-entitajiet essenzjali fir-rigward tal-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali.
Artikolu 32 2.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, meta jkunu qed iwettqu l-kompiti superviżorji tagħhom fir-rigward tal-entitajiet essenzjali, ikollhom is-setgħa li jissoġġettaw lil dawk l-entitajiet tal-inqas għal:

(a) 

spezzjonijiet fuq il-post u superviżjoni mhux fuq il-post, inklużi kontrolli aleatorji mwettqa minn professjonisti mħarrġa;

(b) 

awditi tas-sigurtà regolari u mmirati mwettqa minn korp indipendenti jew minn awtorità kompetenti;

(c) 

awditi ad hoc, inkluż meta jkunu ġġustifikati abbażi ta' inċident sinifikanti jew ksur ta' din id-Direttiva mill-entità essenzjali;

(d) 

scans tas-sigurtà bbażati fuq kriterji ta' valutazzjoni tar-riskju oġġettivi, mhux diskriminatorji, ġusti u trasparenti, meta meħtieġ bil-kooperazzjoni tal-entità kkonċernata;

(e) 

talbiet għall-informazzjoni meħtieġa biex jiġu vvalutati l-miżuri taċ-ċibersigurtà adottati mill-entità kkonċernata, inklużi politiki taċ-ċibersigurtà dokumentati, kif ukoll konformità mal-obbligu li l-informazzjoni tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 27;

(f) 

talbiet għall-aċċess għal data, dokumenti u informazzjoni neċessarja għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom;

(g) 

talbiet għal evidenza tal-implimentazzjoni tal-politiki taċ-ċibersigurtà, bħar-riżultati tal-verifiki tas-sigurtà mwettqa minn awditur kwalifikat u l-evidenza sottostanti rispettiva.

L-awditi tas-sigurtà mmirati msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet tar-riskju mwettqa mill-awtorità kompetenti jew l-entità awditjata, jew fuq informazzjoni disponibbli oħra relatata mar-riskju.

Ir-riżultati ta' kwalunkwe awditu tas-sigurtà mmirat għandhom ikunu disponibbli għall-awtorità kompetenti. Il-kostijiet ta' tali awditjar tas-sigurtà mmirat imwettaq minn korp indipendenti għandhom jitħallsu mill-entità awditjata, ħlief f'każijiet debitament sostanzjati meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi mod ieħor.

Artikolu 32 3.
Meta jkunu qed jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont il-paragrafu 2, il-punt (e), (f) jew (g), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddikjaraw l-għan tat-talba u jispeċifikaw l-informazzjoni mitluba.
Artikolu 32 4.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, meta jkunu qed jeżerċitaw is-setgħat tal-infurzar tagħhom fir-rigward tal-entitajiet essenzjali, ikollhom is-setgħa tal-inqas li:

(a) 

joħorġu twissijiet dwar ksur ta' din id-Direttiva mill-entitajiet ikkonċernati;

(b) 

jadottaw struzzjonijiet vinkolanti, inkluż fir-rigward tal-miżuri neċessarji biex jiġi pprevenut jew rimedjat inċident, kif ukoll skadenzi għall-implimentazzjoni ta' tali miżuri u għar-rapportar dwar l-implimentazzjoni tagħhom, jew ordni li teżiġi li l-entitajiet ikkonċernati jirrimedjaw in-nuqqasijiet identifikati jew il-ksur tal-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva;

(c) 

jordnaw lill-entitajiet ikkonċernati jwaqqfu mġiba li tikser din id-Direttiva u ma jirrepetuhiex;

(d) 

jordnaw lill-entitajiet ikkonċernati jiżguraw li l-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà tagħhom jikkonformaw mal-Artikoli 21 jew jissodisfaw l-obbligi ta' rapportar stabbiliti fl-Artikolu 23, b'mod speċifikat u fi żmien perjodu speċifikat;

(e) 

jordnaw lill-entitajiet ikkonċernati jinfurmaw lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li fir-rigward tagħhom jipprovdu servizzi jew iwettqu attivitajiet li huma potenzjalment affettwati minn theddida ċibernetika sinifikanti dwar in-natura tat-theddida, kif ukoll dwar kull miżura protettiva jew ta' rimedju possibbli li tista' tittieħed minn dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi bħala rispons għal dik it-theddida;

(f) 

jordnaw lill-entitajiet ikkonċernati jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet ipprovduti bħala riżultat ta' awditu tas-sigurtà fi żmien skadenza raġonevoli;

(g) 

jaħtru uffiċjal tal-monitoraġġ b'kompiti definiti sew għal perjodu ta' żmien determinat biex jissorvelja l-konformità tal-entitajiet ikkonċernati mal-Artikoli 21 u 23;

(h) 

jordnaw lill-entitajiet ikkonċernati jippubblikaw aspetti ta' ksur ta' din id-Direttiva b'mod speċifikat;

(i) 

jimponu jew jitolbu l-impożizzjoni mill-korpi, mill-qrati jew mit-tribunali rilevanti, f'konformità mal-liġi nazzjonali, ta' multa amministrattiva skont l-Artikolu 34 flimkien ma' kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fil-punti (a) sa (h) ta' dan il-paragrafu.

Artikolu 32 5.

Meta l-miżuri ta' infurzar adottati skont il-paragrafu 4, il-punti (a) sa (d) u (f), ma jkunux effettivi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikollhom is-setgħa li jistabbilixxu skadenza biex sa dik id-data, l-entità essenzjali tintalab tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tirrimedja n-nuqqasijiet jew biex tikkonforma mar-rekwiżiti ta' dawk l-awtoritajiet. Jekk l-azzjoni mitluba ma titteħidx sal-iskadenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikollhom is-setgħa li:

(a) 

jissospendu temporanjament, jew jitolbu korp ta' ċertifikazzjoni jew awtorizzazzjoni jew qorti jew tribunal, f'konformità mal-liġi nazzjonali, jissospendu temporanjament ċertifikazzjoni jew awtorizzazzjoni li tikkonċerna parti mis-servizzi rilevanti pprovduti jew mill-attivitajiet rilevanti imwettqa mill-entità essenzjali, jew kollha kemm huma;

(b) 

jitolbu li l-korpi, il-qrati jew it-tribunali rilevanti, f'konformità mal-liġi nazzjonali, jipprojbixxu temporanjament kwalunkwe persuna naturali li tkun responsabbli mit-twettiq ta' responsabbiltajiet maniġerjali fil-livell ta' kap eżekuttiv jew ta' rappreżentant legali fl-entità essenzjali milli teżerċita funzjonijiet maniġerjali f'dik l-entità.

Is-sospensjonijiet jew il-projbizzjonijiet temporanji imposti skont dan il-paragrafu għandhom jiġu applikati biss sakemm l-entità kkonċernata tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tirrimedja n-nuqqasijiet jew tikkonforma mar-rekwiżiti tal-awtorità kompetenti li għaliha jkunu ġew applikati tali miżuri ta' infurzar. L-impożizzjoni ta' tali sospensjonijiet jew projbizzjonijiet temporanji għandhom ikunu soġġetti għal salvagwardji proċedurali xierqa f'konformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u l-Karta, inklużi d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għad-difiża.

Il-miżuri ta' infurzar previsti f'dan il-paragrafu ma għandhomx ikunu applikabbli għall-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika li jkunu soġġetti għal din id-Direttiva.

Artikolu 32 6.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika responsabbli għal entità essenzjali jew li taġixxi bħala rappreżentant legali tagħha abbażi tas-setgħa li tirrappreżentaha, l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isimha jew l-awtorità li teżerċita kontroll fuqha jkollha s-setgħat li tiżgura l-konformità tagħha ma' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun possibbli li tali persuni fiżiċi jinżammu responsabbli għall-ksur tad-dmirijiet tagħhom li jiżguraw konformità ma' din id-Direttiva.

Fir-rigward tal-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika, dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali fir-rigward tar-responsabbiltà tal-impjegati pubbliċi u tal-uffiċjali eletti jew maħtura.

Artikolu 32 7.

Meta jkunu qed jieħdu xi waħda mill-miżuri ta' infurzar imsemmija fil-paragrafu 4 jew 5, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonformaw mad-dritt għad-difiża u jqisu ċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali u, bħala minimu, iqisu kif xieraq:

(a) 

il-gravità tal-ksur u l-importanza tad-dispożizzjonijiet miksura, is-segwenti, inter alia, jikkostitwixxu ksur serju fi kwalunkwe każ:

(i) 

ksur ripetut;

(ii) 

nuqqas ta' notifika jew rimedju ta' inċidenti sinifikanti;

(iii) 

nuqqas ta' rimedju għan-nuqqasijiet wara struzzjonijiet vinkolanti mill-awtoritajiet kompetenti;

(iv) 

l-ostakolar tal-awditi jew l-attivitajiet ta' monitoraġġ ordnati mill-awtorità kompetenti wara s-sejbien ta' ksur;

(v) 

l-għoti ta' informazzjoni falza jew verament impreċiża fir-rigward tal-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà jew l-obbligi ta' rapportar stipulati fl-Artikoli 21 u 23;

(b) 

id-durata tal-ksur ;

(c) 

kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti mill-entità kkonċernata;

(d) 

kwalunkwe dannu materjali jew mhux materjali kkawżat, inklużi t-telf finanzjarju jew ekonomiku, l-effetti fuq servizzi oħra u l-għadd ta' utenti affettwati ;

(e) 

kwalunkwe intenzjoni jew negliġenza min-naħa tal-awtur tal-ksur;

(f) 

kwalunkwe miżura meħuda mill-entità biex tipprevjeni jew ittaffi d-dannu materjali jew mhux materjali;

(g) 

kwalunkwe aderenza ma' kodiċijiet ta' kondotta approvati jew mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni approvati;

(h) 

il-livell ta' kooperazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi miżmuma responsabbli mal-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 32 8.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu raġunament dettaljat għall-miżuri tal-infurzar tagħhom. Qabel ma jadottaw tali miżuri, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-entitajiet ikkonċernati bis-sejbiet preliminari tagħhom. Huma għandhom ukoll jippermettu żmien raġonevoli biex dawk l-entitajiet jissottomettu osservazzjonijiet, ħlief f'każijiet debitament sostanzjati fejn azzjoni immedjata għall-prevenzjoni tal-inċidenti jew għar-rispons għalihom tkun b'xi mod ieħor impedita.
Artikolu 32 9.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont din id-Direttiva jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti fi ħdan l-istess Stat Membru skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 meta jkunu qed jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u ta' infurzar tagħhom bil-għan li jiżguraw il-konformità ta' entità identifikata bħala entità kritika skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 ma' din id-Direttiva. Meta xieraq, l-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u ta' infurzar tagħhom fir-rigward ta' entità li tkun identifikata bħala entità kritika skont id-Direttiva (UE) 2022/2557.
Artikolu 32 10.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont din id-Direttiva jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat skont ir-Regolament (UE) 2022/2554 B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont din id-Direttiva jinfurmaw lill-Forum ta' Sorveljanza stabbilit skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554 meta jkunu qed jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u ta' infurzar tagħhom bil-għan li jiżguraw il-konformità ta' entità essenzjali li hija maħtura bħala fornitur terz ta' servizzi tal-ICT kritiċi skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2022/2554 ma' din id-Direttiva.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit