|
+ANNESS |
ANNESS
ANNESS A. “Ġenerali” 1. Dan l-Anness għandu l-għan li jispeċifika l-metodoloġija għall-identifikazzjoni u l-kalkolu tal-“utenti finali attivi” u l-“utenti kummerċjali attivi” għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fl-Artikolu 2, punt (2). Huwa jipprovdi referenza biex impriża tkun tista’ tivvaluta jekk is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tagħha jissodisfawx il-limiti kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 3(2), punt (b) u għalhekk ikun preżunt li jissodisfaw ir-rekwiżit fl-Artikolu 3(1), punt (b). Tali referenza għalhekk ser tkun ugwalment rilevanti għal kwalunkwe valutazzjoni usa’ skont l-Artikolu 3(8). Hija r-responsabbiltà tal-impriża li tasal għall-aħjar approssimazzjoni possibbli skont il-prinċipji komuni u l-metodoloġija speċifika stabbiliti f’dan l-Anness. Xejn f’dan l-Anness ma jipprekludi lill-Kummissjoni, fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament, milli tirrikjedi li l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma biex tipprovdi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati u kkalkulati l-“utenti finali attivi” u l-“utenti kummerċjali attivi”. Jenħtieġ li xejn f’dan l-Anness ma jikkostitwixxi bażi legali għat-traċċar tal-utenti. Il-metodoloġija li tinsab f’dan l-Anness hija wkoll mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu stipulat f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari fl-Artikolu 3(3) u (8) u l-Artikolu 13(3). B’mod partikolari, il-konformità meħtieġa mal-Artikolu 13(3) tfisser ukoll l-identifikazzjoni u l-ikkalkular tal-“utenti finali attivi” u l-“utenti kummerċjali attivi” abbażi ta’ kejl preċiż jew tal-aħjar approssimazzjoni disponibbli, f’konformità mal-kapaċitajiet ta’ identifikazzjoni u kalkolu attwali li l-impriża li tipprovdi s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandha fil-mument rilevanti. Dak il-kejl jew l-aħjar approssimazzjoni disponibbli għandhom ikunu konsistenti ma’, u jinkludu, dawk irrappurtati skont l-Artikolu 15. 2. L-Artikolu 2, punti (20) u (21) jistabbilixxu d-definizzjonijiet ta’ “utent finali” u “utent kummerċjali”, li huma komuni għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma kollha. 3. Sabiex jidentifika u jikkalkula l-għadd ta’ “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi”, dan l-Anness jirreferi għall-kunċett ta’ “utenti uniċi”. Il-kunċett ta’ “utenti uniċi” jinkludi “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi” magħduda darba biss, għas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, matul perjodu ta’ żmien speċifikat (jiġifieri għal kull xahar fil-każ ta’ “utenti finali attivi” u għal kull sena fil-każ ta’ “utenti kummerċjali attivi”), irrispettivament minn kemm-il darba interaġew mas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti matul dak il-perjodu. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-istess persuna fiżika jew ġuridika tista’ simultanjament tkun “utent finali attiv” jew “utent kummerċjali attiv” għal servizzi ewlenin differenti ta’ pjattaforma. B. “Utenti finali attivi” 1. L-għadd ta’ “utenti uniċi” fir-rigward ta’ “utenti finali attivi” għandhom jiġu identifikati skont l-aktar metrika preċiża rrappurtata mill-impriża li tipprovdi kwalunkwe wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, speċifikament:
a.
Huwa meqjus li l-ġbir ta’ data dwar l-użu ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma minn ambjenti aċċessati permezz ta’ reġistrazzjoni jew konnessjoni prima facie jippreżentaw l-aktar riskju baxx ta’ duplikazzjoni, pereżempju fir-rigward tal-imġiba tal-utent fuq l-apparati jew il-pjattaformi. Għalhekk, l-impriża għandha tippreżenta data anonimizzata aggregata dwar l-għadd ta’ utenti finali uniċi għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma rispettiv ibbażat fuq ambjenti aċċessati permezz ta’ reġistrazzjoni jew konnessjoni, jekk teżisti tali data.
b.
Fil-każ ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li huma aċċessati wkoll minn utenti finali barra ambjenti aċċessati permezz ta’ reġistrazzjoni jew konnessjoni, l-impriża għandha tippreżenta addizzjonalment data anonimizzata aggregata dwar l-għadd ta’ utenti finali uniċi tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma abbażi ta’ metrika alternattiva li taqbad ukoll utenti finali barra mill-ambjenti aċċessati permezz ta’ reġistrazzjoni jew konnessjoni, bħal indirizzi tal-protokoll tal-internet, identifikaturi tal-cookies jew identifikaturi oħra bħal tags ta’ identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju, dment li dawk l-indirizzi jew identifikaturi huma oġġettivament neċessarji biex jiġu pprovduti s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma. 2. L-għadd ta’ “utenti finali attivi ta’ kull xahar” huwa bbażat fuq l-għadd medju ta’ utenti finali attivi ta’ kull xahar tul l-akbar parti tas-sena finanzjarja. Il-kunċett tal-“akbar parti tas-sena finanzjarja” huwa maħsub biex impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tkun tista’ tnaqqas ċifri outlier f’sena partikolari. Ċifri outlier minnhom infushom ifissru ċifri li jaqgħu b’mod sinifikanti barra ċ-ċifri normali u prevedibbli. Livelli għoljin ħafna jew tnaqqis mhux previst fl-involviment tal-utenti li seħħ matul xahar wieħed tas-sena finanzjarja huwa eżempju ta’ x’jista’ jikkostitwixxi tali ċifri outlier. Iċ-ċifri relatati ma’ okkorrenzi rikorrenti kull sena, bħall-promozzjonijiet tal-bejgħ annwali, mhumiex ċifri outlier C. “Utenti kummerċjali attivi” L-għadd ta’ “utenti uniċi” fir-rigward ta’ “utenti kummerċjali attivi” għandu jiġi determinat, fejn applikabbli, fil-livell tal-kont b’kull kont kummerċjali distint assoċjat mal-użu ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma pprovdut mill-impriża li tikkostitwixxi utent kummerċjali uniku wieħed ta’ dak is-servizz ewlieni rispettiv ta’ pjattaforma. Jekk il-kunċett ta’ “kont kummerċjali” ma japplikax għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma partikolari, l-impriża rilevanti li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandha tiddetermina l-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi billi tirreferi għall-impriża rilevanti. D. “Preżentazzjoni ta’ informazzjoni” 1. L-impriża li tippreżenta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3) informazzjoni dwar l-għadd ta’ utenti finali attivi u utenti kummerċjali attivi għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma għandha tkun responsabbli biex tiżgura l-kompletezza u l-preċiżjoni ta’ dik l-informazzjoni. F’dan ir-rigward:
a.
L-impriża għandha tkun responsabbli għall-preżentazzjoni tad-data għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma rispettiv li jevita l-għadd nieqes u l-għadd żejjed tal-għadd ta’ utenti finali attivi u utenti kummerċjali attivi (pereżempju, fejn l-utenti jaċċessaw is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma minn pjattaformi jew apparati differenti).
b.
L-impriża għandha tkun responsabbli biex tipprovdi spjegazzjonijiet preċiżi u konċiżi dwar il-metodoloġija użata biex tasal għall-informazzjoni u għal kwalunkwe riskju ta’ għadd nieqes jew għadd żejjed tal-għadd ta’ utenti finali attivi u utenti kummerċjali attivi għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma rispettiv u għas-soluzzjonijiet adottati biex jiġi indirizzat dak ir-riskju.
c.
L-impriża għandha tipprovdi data li tkun ibbażata fuq metrika alternattiva meta l-Kummissjoni jkollha tħassib dwar il-preċiżjoni tad-data pprovduta mill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma. 2. Għall-fini tal-kalkolu tan-numru ta’ “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi”:
a.
L-impriża li tipprovdi servizz(i) ewlieni/ewlenin ta’ pjattaforma ma għandhiex tidentifika servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li jappartjenu għall-istess kategorija ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma skont l-Artikolu 2, punt (2) bħala distinti prinċipalment fuq il-bażi li jiġu pprovduti bl-użu ta’ ismijiet ta’ dominji differenti, kemm jekk dominji tal-ogħla livell tal-kodiċi tal-pajjiż (country code top-level domains - ccTLDs) jew dominji tal-ogħla livell ġeneriċi (generic top-level domains - gTLDs), jew kwalunkwe attribut ġeografiku.
b.
L-impriża li tipprovdi servizz(i) ewlieni/ewlenin ta’ pjattaforma għandha tqis bħala servizzi ewlenin ta’ pjattaforma distinti dawk is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, li jintużaw għal skopijiet differenti mill-utenti finali tagħhom jew mill-utenti kummerċjali tagħhom, jew mit-tnejn, anki jekk l-utenti finali jew l-utenti kummerċjali tagħhom jistgħu jkunu l-istess u anki jekk jappartjenu għall-istess kategorija ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma skont l-Artikolu 2, punt (2).
c.
L-impriża li tipprovdi servizz(i) ewlieni/ewlenin ta’ pjattaforma għandha tqis bħala servizzi ewlenin ta’ pjattaforma distinti dawk is-servizzi li l-impriża rilevanti toffri b’mod integrat, iżda li:
(i)
ma jagħmlux parti mill-istess kategorija ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma skont l-Artikolu 2, punt (2) jew
(ii)
jintużaw għal skopijiet differenti mill-utenti finali tagħhom jew mill-utenti kummerċjali tagħhom, jew mit-tnejn, anki jekk l-utenti finali u l-utenti kummerċjali tagħhom jistgħu jkunu l-istess u anki jekk jappartjenu għall-istess kategorija ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma skont l-Artikolu 2, punt (2). E. “Definizzjonijiet speċifiċi” It-tabella hawn taħt tagħti definizzjonijiet speċifiċi ta’ “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi” għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma.
1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|