|
+Artikolu 4 Definizzjonijiet |
Artikolu 4 DefinizzjonijietArtikolu 4 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1.
“Stat Membru ta’ domiċilju” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(a)
l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju reġistrat tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament; jew
(b)
jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, ma jkollu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju prinċipali tiegħu;
2.
“Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ domiċilju li fih il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ikollu aġent jew fergħa jew fejn jipprovdi servizzi ta’ pagament;
3.
“servizz ta’ pagament” tfisser wieħed jew aktar mill-attivitajiet ta’ negozju kif stabbilita fl-Anness I;
4.
“istituzzjoni ta’ pagament” tfisser persuna ġuridika li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 11 biex tipprovdi u twettaq servizzi ta’ pagament fl-Unjoni kollha;
5.
“tranżazzjoni ta’ pagament” tfisser att, mibdi mill-pagatur jew f’ismu jew mill-benefiċjarju, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligu sottostanti bejn il-pagatur u l-benefiċjarju;
6.
“tranżazzjoni ta’ pagament mill-bogħod” tfisser tranżazzjoni ta’ pagament mibdija permezz tal-Internet jew permezz ta’ apparat li jista’ jintuża għal komunikazzjoni mill-bogħod;
7.
“sistema ta’ pagament” tfisser sistema ta’ trasferiment ta’ fondi b’arranġamenti formali u standardizzati u regoli komuni għall-ipproċessar, l-ikklirjar u/jew is-saldu ta’ tranżazzjonjiet ta’ pagament;
8.
“pagatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont ta’ pagament u li jippermetti ordni ta’ pagament minn dak il-kont ta’ pagament, jew, fejn ma jkun hemm l-ebda kont ta’ pagament, persuna fiżika jew ġuridika li tagħti ordni ta’ pagament;
9.
“benefiċjarju” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun ir-riċevitur intenzjonat ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni ta’ pagament;
10.
“utent ta’ servizzi ta’ pagament” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel użu minn servizz ta’ pagament fil-kapaċità ta’ pagatur, ta’ benefiċjarju, jew tat-tnejn;
11.
“fornitur ta’ servizzi ta’ pagament” tfisser korp imsemmi fl-Artikolu 1(1) jew persuna fiżika jew ġuridika li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 32 jew 33;
12.
“kont ta’ pagament” tfisser kont miżmum f’isem utent wieħed jew aktar ta’ servizzi ta’ pagament li jintuża għall-esekuzzjoni ta’ tranżazzjonjiet ta’ pagament;
13.
“ordni ta’ pagament” tfisser struzzjoni minn pagatur jew benefiċjarju lill-fornitur tiegħu ta’ servizzi ta’ pagament li titlob l-esekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ pagament;
14.
“strument ta’ pagament” tfisser apparat(i) personalizzat(i) u/jew sett ta’ proċeduri miftiehma bejn l-utent ta’ servizzi ta’ pagament u l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament u li jintuża sabiex tinbeda ordni ta’ pagament;
15.
“servizz ta’ bidu ta’ pagament” tfisser servizz sabiex tinbeda ordni ta’ pagament fuq talba tal-utent ta’ servizzi ta’ pagament fir-rigward ta’ kont ta’ pagament miżmum għand fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ieħor;
16.
“servizz ta’ informazzjoni dwar kontijiet” tfisser servizz online li jipprovdi informazzjoni konsolidata dwar kont wieħed jew aktar ta’ pagament li jkollu l-utent ta’ servizzi ta’ pagament ma’ fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ pagament jew ma’ aktar minn fornitur wieħed ta’ servizzi ta’ pagament;
17.
“fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jġestixxi l-kont” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jipprovdi u jmantni kont ta’ pagament għal pagatur;
18.
“fornitur ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jeżerċita attivitajiet ta’ negozju kif imsemmija fil-punt (7) tal-Anness I;
19.
“fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jeżerċita l-attivitajiet ta’ negozju kif imsemmija fil-punt (8) tal-Anness I;
20.
“konsumatur” tfisser persuna fiżika li, f’kuntratti ta’ servizzi ta’ pagament koperti minn din id-Direttiva, qed taġixxi għal finijiet li mhumiex is-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tiegħu jew tagħha;
21.
“kuntratt qafas” tfisser kuntratt ta’ servizzi ta’ pagament li jirregola l-esekuzzjoni futura ta’ tranżazzjonjiet ta’ pagament individwali u suċċessivi u li jista’ jkollhom l-obbligu u l-kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit kont ta’ pagament;
22.
“rimessa ta’ flus” tfisser servizz ta’ pagament fejn jiġu rċevuti fondi minn pagatur, mingħajr ma jinħolqu ebda kontijiet ta’ pagament f’isem il-pagatur jew il-benefiċjarju, għall-uniku skop li jiġi trasferit ammont korrispondenti lil benefiċjarju jew lil fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ pagament li jaġixxi f’isem il-benefiċjarju, u/jew fejn tali fondi huma rċevuti f’isem il-benefiċjarju u magħmulin disponibbli lill-benefiċjarju;
23.
“debitu dirett” tfisser servizzi ta’ pagament biex jiġi ddebitat il-kont ta’ pagament ta’ pagatur, fejn tranżazzjoni ta’ pagament tinbeda mill-benefiċjarju abbażi tal-kunsens mogħti mill-pagatur lill-benefiċjarju, ill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju, jew lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur stess;
24.
“trasferiment ta’ kreditu” tfisser servizz ta’ pagament għall-ikkreditar ta’ kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju b’tranżazzjoni ta’ pagament jew sensiela ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament minn kont ta’ pagament ta’ pagatur mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jżomm il-kont ta’ pagament tal-pagatur, abbażi ta’ struzzjoni mogħtija mill-pagatur;
25.
“fondi” tfisser karti tal-flus u muniti, flus skritturali jew flus elettroniċi kif definiti fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE;
26.
“data tal-valur” tfisser żmien ta’ referenza użat minn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għall-kalkolu tal-imgħax fuq il-fondi debitati minn jew kreditati lil kont ta’ pagament;
27.
“rata tal-kambju ta’ referenza” tfisser ir-rata tal-kambju li tintuża bħala l-bażi li fuqha jiġi kkalkolat kwalunkwe kambju ta’ valuta u li ssir disponibbli mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jew tiġi minn sors pubblikament disponibbli;
28.
“rata ta’ imgħax ta’ referenza” tfisser ir-rata tal-imgħax li tintuża bħala l-bażi għall-kalkolu ta’ kwalunkwe imgħax li għandha tiġi applikata u li tiġi minn sors pubblikament disponibbli li jkun jista’ jiġi vverifikat miż-żewġ partijiet ta’ kuntratt dwar servizzi ta’ pagament;
29.
“awtentikazzjoni” tfisser proċedura li tippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jivverifika l-identità ta’ utent ta’ servizzi ta’ pagament jew il-validità tal-użu ta’ strument ta’ pagament speċifiku, inkluż l-użu tal-kredenzjali ta’ sigurtà personalizzati tal-utent;
30.
“awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur” tfisser awtentikazzjoni bbażata fuq l-użu ta’ żewġ elementi jew iktar ikkategorizzati bħala għarfien (xi ħaġa li jaf biss l-utent), pussess (xi ħaġa li għandu biss l-utent) u inerenza (xi ħaġa li huwa l-utent) li huma indipendenti, fis-sens li l-ksur ta’ wieħed ma jikkompromettix l-affidabbiltà tal-oħrajn u hi mfassla b’tali mod li tipproteġi l-kunfidenzjalità tad-data tal-awtentikazzjoni;
31.
“kredenzjali personalizzati ta’ sigurtà” tfisser karatteristiċi personalizzati pprovduti mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament lil utent ta’ servizzi ta’ pagament għal finijiet ta’ awtentikazzjoni;
32.
“data sensittiva dwar pagamenti” tfisser data, inklużi kredenzjali personalizzati ta’ sigurtà, li tista’ tintuża biex jitwettaq frodi. Għall-attivitajiet ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament u fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet, l-isem ta’ sid il-kont u n-numru tal-kont ma jikkostitwixxux data sensittiva dwar pagamenti;
33.
“identifikatur uniku” tfisser kombinazzjoni ta’ ittri, numri jew simboli li jiġi speċifikat lill-utent ta’ servizzi ta’ pagament mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament u li għandu jingħata mill-utent ta’ servizzi ta’ pagament biex jiġi indentifikat mingħajr ambigwità l-utent l-ieħor ta’ servizzi ta’ pagament u/jew il-kont ta’ pagament ta’ dak l-utent l-ieħor ta’ servizzi ta’ pagament għal tranżazzjoni ta’ pagament;
34.
“mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod” tfisser metodu li, mingħajr il-preżenza fiżika simultanja tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament u tal-utent ta’ servizzi ta’ pagament, jista’ jintuża għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizzi ta’ pagament;
35.
“mezz durevoli” tfisser strument li jippermetti lill-utent ta’ servizzi ta’ pagament li jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lil dak l-utent ta’ servizzi ta’ pagament b’mod aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta’ żmien adegwat għall-finijiet tal-informazzjoni u li jippermetti riproduzzjoni mingħajr tibdil tal-informazzjoni maħżuna;
36.
“mikro-intrapriża” tfisser intrapriża, li fil-ħin tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ pagament, tkun intrapriża kif definit fl-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) u (3) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;
37.
“jum ta’ negozju” tfisser jum li fih il-fornitur rilevanti ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur jew il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju involut fl-esekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ pagament huwa miftuħ għan-negozju kif meħtieġ għall-esekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ pagament;
38.
“aġent” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’isem istituzzjoni ta’ pagament fil-forniment ta’ servizzi ta’ pagament;
39.
“fergħa” tfisser post ta’ negozju minbarra l-uffiċċju prinċipali li huwa parti minn istituzzjoni ta’ pagament, li ma għandux personalità ġuridika u li jwettaq direttament it-tranżazzjonijiet kollha inerenti fin-negozju ta’ istituzzjoni ta’ pagament jew uħud minnhom; il-postijiet kollha ta’ negozju stabbiliti fl-istess Stat Membru minn istituzzjoni ta’ pagament b’uffiċċju prinċipali fi Stat Membru ieħor għandhom jitqiesu bħala fergħa unika;
40.
“grupp” tfisser grupp ta’ impriżi li huma marbuta flimkien permezz ta’ relazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1),(2) jew (7) tad-Direttiva 2013/34/UE jew impriżi kif iddefiniti fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 ( 2 ), li huma marbuta flimkien permezz ta’ relazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) jew fl-Artikolu 113(6) jew (7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
41.
“netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” tfisser netwerk kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 );
42.
“servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” tfisser servizz kif iddefinit fil-punt (c) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE;
43.
“kontenut diġitali” tfisser oġġetti jew servizzi li huma prodotti u fornuti f’forma diġitali li l-użu jew il-konsum tagħhom hu ristrett għal apparat tekniku u li bl-ebda mod ma jinkludu l-użu jew il-konsum ta’ oġġetti jew servizzi fiżiċi;
44.
“akkwist ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament” tfisser servizz ta’ pagament ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jidħol f’kuntratt ma’ benefiċjarju biex jaċċetta u jipproċessa tranżazzjonijiet ta’ pagament, li jirriżultaw fi trasferiment ta’ fondi lill-benefiċjarju;
45.
“ħruġ ta’ strumenti ta’ pagament” tfisser servizz ta’ pagament minn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jidħol f’kuntratt li jipprovdi lil pagatur strument ta’ pagament biex jinbdew u jiġu pproċessati t-tranżazzjonijiet ta’ pagament tal-pagatur;
46.
“fondi proprji” tfisser fondi kif definiti fil-punt 118 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fejn tal-anqas 75 % tal-Kapital fi Grad 1 jkun fil-forma ta’ Kapital Komuni tal-Grad 1 kif imsemmi fl-Artikolu 50 ta’ dak ir-Regolament u l-Grad 2 huwa ndaqs jew anqas minn terz tal-Kapital fi Grad 1;
47.
“marka ta’ pagament” tfisser kwalunkwe isem, terminu, sinjal, simbolu jew taħlita tagħhom, li kapaċi tindika taħt liema skema ta’ pagament b’kard isiru t-tranżazzjonijiet ta’ pagament b’kard;
48.
“co-badging” tfisser l-inklużjoni ta’ żewġ marki jew aktar ta’ pagament jew applikazzjonijiet ta’ pagament tal-istess marka ta’ pagament fuq l-istess strument ta’ pagament. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|