+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi vvalutat jekk fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT huwiex kritiku għall-entitajiet finanzjarji, u filwaqt li jitqiesu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2022/2554, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) jenħtieġ li jużaw subkriterji f’valutazzjoni tal-approċċ f’żewġ stadji. Meta jitqies l-għadd importanti ta’ servizzi tal-ICT u d-diversità u l-għadd ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li jużaw dawn is-servizzi, jenħtieġ li jittieħed approċċ f’żewġ stadji ta’ dan it-tip, biex tiġi ffiltrata l-popolazzjoni ta’ fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT u jiġu identifikati l-aktar fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT. Is-subkriterji kwantitattivi li jridu jitqiesu bħala parti mill-ewwel stadju tal-valutazzjoni huma meħtieġa biex titwettaq l-ewwel għażla tal-popolazzjoni ta’ fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT li għalihom huwa rilevanti li titwettaq analiżi fil-fond ulterjuri fid-dawl tas-subkriterji kwalitattivi li jridu jitqiesu bħala parti mit-tieni stadju tal-valutazzjoni.

(2)

Il-punt sa fejn servizz tal-ICT ipprovdut minn fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jappoġġa funzjonijiet kritiċi jew importanti tal-entità finanzjarja jitqies bħala element kruċjali tal-valutazzjoni tal-kritikalità b’mod ġenerali. Għalhekk, l-importanza tal-attivitajiet tal-entitajiet finanzjarji li huma appoġġati mis-servizzi tal-ICT jenħtieġ li tiġi integrata fis-subkriterji kollha meqjusa bħala parti mill-ewwel stadju. Konsegwentement, jenħtieġ li ma jkunx hemm valutazzjoni kwantitattiva distinta relatata mal-kritikalità tal-funzjonijiet tal-entitajiet finanzjarji bħala parti mill-ewwel stadju tal-valutazzjoni. Minflok, huwa xieraq li l-ASE jqisu l-kritikalità u l-importanza tal-funzjonijiet tal-entitajiet finanzjarji appoġġati mis-servizzi tal-ICT bħala parti mit-tieni stadju kwalitattiv tal-valutazzjoni.

(3)

Jenħtieġ li l-valutazzjoni titwettaq għal kull fornitur terz individwali ta’ servizzi tal-ICT jew, fejn applikabbli, għal kull grupp ta’ fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT f’każ li l-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jappartjeni għal grupp skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) 2022/2554. Sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni komprensiva tal-impatt sistemiku potenzjali fuq is-settur finanzjarju tal-Unjoni, is-subkuntratturi tal-ICT tal-fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT jenħtieġ li jkunu soġġetti wkoll għall-valutazzjoni mill-ASE, u fejn applikabbli, iddeżinjati bħala fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT.

(4)

Sabiex jiġi ddeterminat l-impatt sistemiku tal-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT fuq l-istabbiltà, il-kontinwità jew il-kwalità tal-forniment tas-servizzi finanzjarji, huwa ta’ importanza kbira li tiġi żviluppata stampa ċara dwar il-portata u n-natura tal-impatt sistemiku li ħsara operattiva fuq skala kbira ta’ fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT ikollha fuq l-entitajiet finanzjarji, li jiddependu fuq is-servizzi pprovduti minn fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT, u fuq is-sistema finanzjarja. Għalhekk, huwa xieraq li jitqies l-għadd ta’ entitajiet finanzjarji ta’ kategorija speċifika ta’ entitajiet finanzjarji li jużaw l-istess servizzi tal-ICT, kif ukoll il-valur tal-assi tagħhom biex jiġi vvalutat jekk huwiex rilevanti li l-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT li joffri dawk is-servizzi tal-ICT jitqies bħala kritiku. Barra minn hekk, jenħtieġ li titwettaq valutazzjoni kwalitattiva tal-interkonnettività u l-importanza sistemika tal-fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT, kif ukoll l-importanza tas-servizzi pprovduti minn fornitur terz tal-ICT fuq il-forniment ta’ servizzi finanzjarji mill-entitajiet finanzjarji filwaqt li jitqiesu l-istabbiltà u l-kontinwità tas-servizzi biex jiġi ddeterminat l-impatt sistemiku tal-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT fuq l-attivitajiet tal-entitajiet finanzjarji.

(5)

Sabiex jiġu ddeterminati l-karattru sistemiku u l-importanza tal-entitajiet finanzjarji li jiddependu fuq is-servizzi tal-ICT, jeħtieġ li titqies in-natura ta’ dawn l-entitajiet finanzjarji. Meta l-entitajiet finanzjarji li huma kklassifikati bħala G-SIIs u O-SIIs jew li huma identifikati bħala “sistemiċi” jiddependu fuq l-istess servizzi tal-ICT biex jappoġġaw il-funzjonijiet kritiċi jew importanti tagħhom, ikun xieraq li jiġi vvalutat jekk il-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT li jipprovdi dawn is-servizzi jenħtieġx li jitqies bħala kritiku għas-settur finanzjarju tal-Unjoni. L-interkonnettività bejn l-entitajiet finanzjarji fis-settur finanzjarju tal-Unjoni li jiddependu fuq servizzi tal-ICT ipprovduti mill-istess fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jenħtieġ li tiġi vvalutata wkoll biex tiġi ddeterminata d-dipendenza tal-entitajiet finanzjarji fuq dak il-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT.

(6)

Jenħtieġ li s-servizzi tal-ICT li jappoġġaw funzjonijiet kritiċi jew importanti tal-entitajiet finanzjarji jiġu vvalutati fir-rigward tat-tip tagħhom u n-natura kritika tagħhom għal dawn l-entitajiet, li għandhom bżonnhom sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom mingħajr ebda tfixkil.

(7)

Sabiex jiġi ddeterminat il-grad ta’ sostitwibbiltà tal-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT, jeħtieġ li jitqies l-għadd ta’ fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT attivi f’suq partikolari, l-eżistenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi għall-istess servizz tal-ICT, kif ukoll il-kostijiet tal-migrazzjoni tad-data u t-tagħbijiet ta’ xogħol tal-ICT għal fornituri terzi oħra ta’ servizzi tal-ICT bħala parti mill-valutazzjoni li trid titwettaq mill-ASE.

(8)

Sabiex tiġi żgurata s-solidità tal-proċess ta’ valutazzjoni, huwa importanti li l-ASE jiddependu fuq id-data mir-reġistri ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) 2022/2554, u kwalunkwe informazzjoni oħra faċilment disponibbli, meta jivvalutaw jekk jenħtieġx li l-fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT jiġu ddeżinjati bħala kritiċi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit