|
+Artikolu 58 2. |
Artikolu 58 2.L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw:
(a)
li l-ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA jkunu miftuħa għal kwalunkwe fornitur jew fornitur prospettiv ta' sistema tal-IA li japplika u li jissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla, li għandhom ikun trasparenti u ġusti, u li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jinfurmaw lill-applikanti bid-deċiżjoni tagħhom fi żmien tliet xhur mill-applikazzjoni;
(b)
li l-ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA jippermettu aċċess wiesa' u ugwali u jlaħħqu mad-domanda għall-parteċipazzjoni; il-formituri u l-fornituri prospettivi jistgħu wkoll jippreżentaw applikazzjonijiet fi sħubijiet ma' implimentaturi u ma’ kwalunkwe parti terza rilevanti oħra;
(c)
li l-arranġamenti ddettaljati għall-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja għall-IA u l-kundizzjonijiet li jikkonċernawhom għandhom kemm jista’ jkun possibbli jappoġġaw il-flessibbiltà għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jistabbilixxu u jħaddmu l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja għall-IA tagħhom;
(d)
li l-aċċess għall-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja għall-IA ikun bla ħlas għall-SMEs, inkluż in-negozji ġodda, mingħajr preġudizzju għall-kostijiet eċċezzjonali li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jirkupraw b’mod ġust u proporzjonat;
(e)
li jiffaċilitaw lill-fornituri u lill-fornituri prospettivi, permezz tal-eżiti tat-tagħlim tal-ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA, biex jissodisfaw l-obbligi tal-valutazzjoni tal-konformità skont dan ir-Regolament u l-applikazzjoni volontarja tal-kodiċijiet ta' kondotta msemmija fl-Artikolu 95;
(f)
li l-ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA jiffaċilitaw l-involviment ta' atturi rilevanti oħra fi ħdan l-ekosistema tal-IA, bħal korpi notifikati u organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, SMEs, inkluż negozji ġodda, intrapriżi, innovaturi, faċilitajiet tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni, laboratorji tar-riċerka u tal-esperimentazzjoni u Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali, ċentri ta' eċċellenza, riċerkaturi individwali, sabiex jippermettu u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni mas-settur pubbliku u dak privat;
(g)
li l-proċeduri, il-proċessi u r-rekwiżiti amministrattivi għall-applikazzjoni, l-għażla, il-parteċipazzjoni u l-ħruġ mill-ambjent ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA jkunu sempliċi, intelliġibbli faċilment u kkomunikati b'mod ċar sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-SMEs, inkluż in-negozji ġodda b'kapaċitajiet legali u amministrattivi limitati u jiġu ssimplifikati fl-Unjoni kollha, sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni u li l-parteċipazzjoni f'ambjent ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA stabbilita minn Stat Membru, jew mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tkun rikonoxxuta b'mod reċiproku u uniformi u jkollha l-istess effetti legali fl-Unjoni kollha;
(h)
li l-parteċipazzjoni fl-ambjent ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA tkun limitata għal perjodu li jkun xieraq għall-kumplessità u l-iskala tal-proġett u li tista' tiġi estiża mill-awtorità nazzjonali kompetenti;
(i)
li l-ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' għodod u infrastruttura għall-ittestjar, għall-analiżi komparattiva, għall-valutazzjoni u għall-ispjegazzjoni tad-dimensjonijiet tas-sistemi tal-IA rilevanti għat-tagħlim regolatorju, bħall-akkuratezza, ir-robustezza u ċ-ċibersigurtà kif ukoll miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskji għad-drittijiet fundamentali u s-soċjetà inġenerali. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|