+Preamble: 1
|
Preamble: 1
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
|
(1)
|
Huwa importanti li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji tkun adattata għall-era diġitali u tikkontribwixxi għal ekonomija li tibqa’ valida fil-futur li taħdem għaċ-ċittadini, inkluż billi tiffaċilita l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi. L-Unjoni għandha interess ta’ politika fl-esplorazzjoni, l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ teknoloġiji trasformattivi fis-settur finanzjarju, inkluż l-adozzjoni ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit (“DLT”). Il-kriptoassi huma waħda mill-applikazzjonijiet ewlenin tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit fis-settur finanzjarju.
|
|
(2)
|
Il-biċċa l-kbira tal-kriptoassi huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji u joħolqu, fost l-oħrajn, sfidi f’termini ta’ protezzjoni tal-investituri, integrità tas-suq, konsum ta’ enerġija u stabbiltà finanzjarja. Tali kriptoassi, għalhekk, jirrikjedu qafas regolatorju ddedikat fil-livell tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, kriptoassi oħra jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Sa fejn kriptoassi jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji skont dik id-Direttiva, sett sħiħ ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, inklużi r-Regolamenti (UE) Nru 236/2012 (5), (UE) Nru 596/2014 (6), (UE) Nru 909/2014 (7) u (UE) 2017/1129 (8) u d-Direttivi 98/26/KE (9) u 2013/50/UE (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill potenzjalment japplika għall-emittenti ta’ tali kriptoassi u għal ditti li jwettqu attivitajiet relatati ma’ tali kriptoassi.
|
|
(3)
|
L-hekk imsejħa “tokenizzazzjoni” tal-istrumenti finanzjarji, jiġifieri r-rappreżentazzjoni diġitali ta’ strumenti finanzjarji f’reġistri distribwiti jew il-ħruġ ta’ klassijiet ta’ assi tradizzjonali f’forma tokenizzata biex ikunu jistgħu jinħarġu, jinħażnu u jiġu ttrasferiti fuq reġistru distribwit, hija mistennija li tiftaħ opportunitajiet għal titjib fl-effiċjenza fil-proċess tan-negozjar u ta’ wara n-negozjar. Madankollu, peress li kompromessi fundamentali li jinvolvu r-riskju tal-kreditu u l-likwidità jibqgħu f’dinja tokenizzata, is-suċċess tas-sistemi bbażati fuq it-token se jiddependi, tal-anqas għalissa, minn kemm jinteraġixxu tajjeb mas-sistemi tradizzjonali bbażati fuq il-kontabbiltà.
|
|
(4)
|
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji ġiet imfassla mingħajr ma tqiesu t-teknoloġija ta’ reġistru distribwit u l-kriptoassi, u fiha dispożizzjonijiet li potenzjalment jipprekludu jew jillimitaw l-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit fil-ħruġ, fin-negozjar u fis-saldu ta’ kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. Bħalissa, hemm ukoll nuqqas ta’ infrastrutturi tas-suq finanzjarji awtorizzati li jużaw id-DLT biex jipprovdu servizzi ta’ negozjar jew ta’ saldu, jew taħlita ta’ tali servizzi, għal kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. L-iżvilupp ta’ suq sekondarju għal tali kriptoassi jista’ jġib benefiċċji multipli, bħal effiċjenza, trasparenza u kompetizzjoni msaħħa fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ negozjar u saldu.
|
|
(5)
|
Fl-istess ħin, jeżistu lakuni regolatorji minħabba speċifiċitajiet legali, teknoloġiċi u operazzjonali relatati mal-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit u mal-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. Pereżempju, ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ trasparenza, affidabbiltà jew sikurezza impost fuq il-protokolli u l-“kuntratti intelliġenti”, li jirfdu l-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. It-teknoloġija sottostanti tista’ wkoll toħloq xi forom ġodda ta’ riskji li mhumiex indirizzati b’mod adegwat mir-regoli eżistenti. Diversi proġetti għan-negozjar ta’ kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji u servizzi u attivitajiet ta’ wara n-negozjar relatati ġew żviluppati fl-Unjoni, iżda ftit minnhom diġà qed joperaw, u dawk li qed joperaw huma ta’ portata limitata. Barra minn hekk, kif enfasizzat mill-Grupp Konsultattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar l-Infrastrutturi tas-Suq għat-Titoli u l-Kollateral u l-Grupp Konsultattiv tiegħu dwar l-Infrastrutturi tas-Suq għall-Ħlasijiet, l-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit jinvolvi sfidi simili għal dawk li qed iħabbtu wiċċhom magħhom it-teknoloġija konvenzjonali, bħal kwistjonijiet ta’ frammentazzjoni u ta’ interoperabbiltà u, fl-istess ħin, potenzjalment joħolqu kwistjonijiet ġodda, pereżempju rigward il-validità legali tat-tokens. Minħabba l-esperjenza limitata fir-rigward tan-negozjar ta’ kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji u servizzi u attivitajiet ta’ wara n-negozjar, bħalissa kmieni wisq biex isiru modifiki sinifikanti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji sabiex ikun possibbli l-użu sħiħ ta’ dawn il-kriptoassi u t-teknoloġija sottostanti tagħhom. Fl-istess ħin, il-ħolqien ta’ infrastruttura tas-suq finanzjarju għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji bħalissa huwa ristrett minn rekwiżiti inkorporati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, li ma mhumiex adattati kompletament għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji jew għall-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Pereżempju, il-pjattaformi għan-negozjar tal-kriptoassi normalment jagħtu aċċess dirett lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, filwaqt li ċ-ċentri tan-negozjar tradizzjonali normalment jagħtu aċċess lill-investituri fil-livell tal-konsumatur biss permezz ta’ intermedjarji finanzjarji.
|
|
(6)
|
Sabiex ikun possibbli l-iżvilupp tal-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji u l-iżvilupp ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri, integrità tas-suq, stabbiltà finanzjarja u trasparenza u jiġu evitati arbitraġġ regolatorju u lakuni, ikun utli li jinħoloq reġim pilota biex l-infrastrutturi tas-suq ibbażat fuq teknoloġija ta’ reġistru distribwit jittestjaw tali infrastrutturi tas-suq tad-DLT (ir-“reġim pilota”). Ir-reġim pilota jenħtieġ li jippermetti li ċertu infrastruttura tas-suq tad-DLT tiġi temporanjament eżentata minn xi rekwiżiti speċifiċi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji li altrimenti jistgħu jżommu lil operaturi milli jiżviluppaw soluzzjonijiet għan-negozjar u għas-saldu ta’ tranżazzjonijiet fi kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji, mingħajr ma jiddgħajjef kwalunkwe rekwiżit u salvagwardja eżistenti applikati għall-infrastrutturi tradizzjonali tas-suq. L-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u l-operaturi tagħhom jenħtieġ li jkollhom stabbiliti salvagwardji adegwati relatati mal-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-investituri, inklużi ktajjen definiti b’mod ċar ta’ responsabbiltà fil-konfront tal-klijenti għal kwalunkwe telf minħabba fallimenti operazzjonali. Jenħtieġ ukoll li r-reġim pilota jippermetti lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) (ESMA) u lill-awtoritajiet kompetenti jisiltu tagħlimiet mir-reġim pilota u jiksbu esperjenza mill-opportunitajiet u r-riskji speċifiċi marbuta mal-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji, u mat-teknoloġija sottostanti tagħhom. Jenħtieġ li l-esperjenza miksuba bir-reġim pilota tgħin biex jiġu identifikati proposti prattiċi possibbli għal qafas regolatorju xieraq sabiex isiru aġġustamenti mmirati lil-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-ħruġ, il-kustodja u l-amministrazzjoni tal-assi, in-negozjar u s-saldu ta’ strumenti finanzjarji tad-DLT.
|
|
(7)
|
Sabiex jintlaħaq l-objettiv tar-reġim pilota, jenħtieġ li jinħoloq status tal-Unjoni ġdid bħala infrastruttura tas-suq tad-DLT sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun tista’ taqdi rwol ta’ tmexxija fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji f’forma tokenizzata u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ suq sekondarju għal tali assi. Jenħtieġ li l-istatus bħala l-infrastruttura tas-suq tad-DLT ikun fakultattiv u ma jżommx lill-infrastrutturi tas-suq finanzjarju, bħaċ-ċentri tan-negozjar, id-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) u l-kontropartijiet ċentrali (CCPs), milli jiżviluppaw servizzi u attivitajiet tan-negozjar u ta’ wara n-negozjar għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji, jew li huma bbażati fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji eżistenti.
|
|
(8)
|
Jenħtieġ li infrastrutturi tas-suq tad-DLT jammettu għan-negozjar jew jirreġistraw biss strumenti finanzjarji f’reġistru distribwit. Jenħtieġ li l-istrumenti finanzjarji tad-DLT ikunu kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji u li jinħarġu, jiġu ttrasferiti u jinħażnu f’reġistru distribwit.
|
|
(9)
|
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji hija maħsuba biex tkun newtrali fir-rigward tal-użu ta’ kwalunkwe teknoloġija partikolari meta mqabbla ma’ oħra. Għalhekk, ir-referenzi għal tip speċifiku ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit għandhom jiġu evitati. Jenħtieġ li l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jiżguraw li jkunu jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli kollha, irrispettivament mit-teknoloġija użata.
|
|
(10)
|
Meta jiġi applikat dan ir-Regolament, il-prinċipji tan-newtralità teknoloġika, tal-proporzjonalità, il-kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni, u “l-istess attività, l-istess riskji, l-istess regoli” jenħtieġ li jitqiesu sabiex jiġi żgurat li l-parteċipanti fis-suq ikollhom l-ispazju regolatorju biex ikunu innovattivi, sabiex jirrispettaw il-valuri tat-trasparenza, l-ekwità, l-istabbiltà, il-protezzjoni tal-investituri, l-obbligu ta’ rendikont u l-integrità tas-suq, u sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali kif garantit mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
|
|
(11)
|
L-aċċess għar-reġim pilota jenħtieġ li ma jkunx limitat għall-operaturi stabbiliti iżda jenħtieġ li jkun miftuħ ukoll għall-parteċipanti l-ġodda. Entità li mhijiex awtorizzata skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jew id-Direttiva 2014/65/UE tista’ tapplika għal awtorizzazzjoni skont dak ir-Regolament jew skont dik id-Direttiva, rispettivament, u, simultanjament, għal permess speċifiku skont dan ir-Regolament. F’każijiet bħal dawn, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li ma tivvalutax jekk entità bħal din tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jew tad-Direttiva 2014/65/UE li fir-rigward tagħhom tkun intalbet eżenzjoni skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tali entitajiet ikunu jistgħu jħaddmu biss infrastrutturi tas-suq tad-DLT f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tagħhom tiġi revokata ladarba l-permess speċifiku tagħhom ikun skada, sakemm l-entitajiet ma jissottomettux talba kompluta għal awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jew skont id-Direttiva 2014/65/UE.
|
|
(12)
|
Il-kunċett tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT tinkludi faċilitajiet multilaterali tan-negozjar tad-DLT (MTF tad-DLT), sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT (SS tad-DLT) u sistemi ta’ negozjar u saldu tad-DLT (TSS tad-DLT). Jenħtieġ li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT ikunu jistgħu jikkooperaw ma’ parteċipanti oħra fis-suq biex jittestjaw soluzzjonijiet innovattivi bbażati fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit f’diversi segmenti tal-katina tal-valur għas-servizzi finanzjarji.
|
|
(13)
|
Jenħtieġ li MTF tad-DLT tkun faċilità multilaterali tan-negozjar li titħaddem minn ditta tal-investiment jew operatur tas-suq awtorizzat skont id-Direttiva 2014/65/UE u li jkun irċieva permess speċifiku skont dan ir-Regolament. Istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE li tipprovdi servizzi ta’ investiment jew li twettaq attivitajiet ta’ investiment jenħtieġ li titħalla topera MTF tad-DLT biss meta tkun awtorizzata bħala ditta tal-investiment jew operatur tas-suq skont id-Direttiva 2014/65/UE. Jenħtieġ li MTFs tad-DLT u l-operatur tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti kollha li japplikaw għal faċilità multilaterali tan-negozjar u l-operaturi tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), skont id-Direttiva 2014/65/UE jew skont kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra applikabbli tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, għajr għar-rekwiżiti li fir-rigward tagħhom tkun ingħatat eżenzjoni mill-awtorità kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
|
|
(14)
|
L-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit, b’liema teknoloġija t-tranżazzjonijiet kollha jiġu rreġistrati f’reġistru distribwit, jista’ jħaffef u jikkombina n-negozjar u s-saldu kważi fil-ħin reali u jista’ jippermetti l-kombinament ta’ attivitajiet ta’ negozjar u ta’ wara n-negozjar. Madankollu, il-kombinament ta’ attivitajiet ta’ negozjar u ta’ servizzi u attivitajiet ta’ wara n-negozjar f’entità ġuridika unika bħalissa mhijiex prevista fir-regoli eżistenti, irrispettivament mit-teknoloġija użata, minħabba għażliet ta’ politika relatati mal-ispeċjalizzazzjoni u s-separazzjoni tar-riskji sabiex titħeġġeġ il-kompetizzjoni. Jenħtieġ li r-reġim pilota ma jkunx preċedent li jiġġustifika għal bidla fundamentali tas-separazzjoni tal-attivitajiet tan-negozjar u ta’ wara n-negozjar jew tax-xenarju tal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju. Madankollu, fid-dawl tal-benefiċċji potenzjali tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit f’termini ta’ kombinament tan-negozjar u s-saldu, huwa ġġustifikat li tiġi prevista infrastruttura tas-suq tad-DLT iddedikata fir-reġim pilota, jiġifieri, it-TSS tad-DLT, li tikkombina l-attivitajiet normalment imwettqa minn faċilitajiet multilaterali tan-negozjar u sistemi ta’ saldu tat-titoli.
|
|
(15)
|
Jenħtieġ li TSS tad-DLT tkun jew MTF tad-DLT li tikkombina s-servizzi mwettqa minn MTF tad-DLT u minn SS tad-DLT, u jenħtieġ li titħaddem minn ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jkunu rċevew permess speċifiku biex iħaddmu TSS tad-DLT skont dan ir-Regolament, jew jenħtieġ li tkun SS tad-DLT li tikkombina s-servizzi mwettqa minn MTF tad-DLT u minn SS tad-DLT, u jenħtieġ li titħaddem minn CSD li jkun irċieva permess speċifiku biex iħaddem TSS tad-DLT skont dan ir-Regolament. Istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE li tipprovdi servizzi ta’ investiment jew li twettaq attivitajiet ta’ investiment jenħtieġ li titħalla topera TSS tad-DLT biss meta tkun awtorizzata bħala ditta tal-investiment jew operatur tas-suq skont id-Direttiva 2014/65/UE. Jenħtieġ li ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jħaddem TSS tad-DLT ikunu soġġetti għar-rekwiżiti kollha li japplikaw għal MTF tad-DLT, u CSD li jħaddem TSS tad-DLT jenħtieġ li jkun soġġett għar-rekwiżiti kollha li japplikaw għal SS tad-DLT. Peress li TSS tad-DLT tippermetti lil ditta tal-investiment jew operatur tas-suq jipprovdu wkoll servizzi ta’ saldu, u tippermetti lil CSD jipprovdi wkoll servizzi ta’ negozjar, huwa meħtieġ li d-ditti tal-investiment jew l-operaturi tas-suq jikkonformaw ukoll mar-rekwiżiti li japplikaw għal SS tad-DLT, u li s-CSDs jikkonformaw mar-rekwiżiti li japplikaw għal MTF tad-DLT. Peress li s-CSDs mhumiex soġġetti għal ċerti rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u organizzazzjonali skont id-Direttiva 2014/65/UE meta jipprovdu servizzi jew attivitajiet ta’ investiment f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 909/2014, huwa xieraq li jittieħed approċċ simili fir-reġim pilota kemm għad-ditti tal-investiment u l-operaturi tas-suq kif ukoll għas-CSDs li jħaddmu TSS tad-DLT. Għalhekk, ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jħaddem TSS tad-DLT jenħtieġ li jkunu eżentati minn sett limitat ta’ awtorizzazzjoni u rekwiżiti organizzazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, peress li d-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq se jkunu meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u organizzazzjonali skont id-Direttiva 2014/65/UE. Min-naħa l-oħra, CSD li jħaddem TSS tad-DLT jenħtieġ li jiġi eżentat minn sett limitat ta’ rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u organizzazzjonali skont id-Direttiva 2014/65/UE, peress li s-CSD se jkun meħtieġ jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u organizzazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014. Jenħtieġ li tali eżenzjonijiet ikunu temporanji u jenħtieġ li ma japplikawx għal infrastruttura tas-suq tad-DLT li topera barra r-reġim pilota. L-ESMA jenħtieġ li tkun tista’ tivvaluta l-istandards tekniċi dwar iż-żamma tar-reġistri u r-riskji operazzjonali adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 bil-għan li tiżgura li dawn jiġu applikati b’mod proporzjonat għad-ditti tal-investiment jew għall-operaturi tas-suq li jħaddmu TSS tad-DLT.
|
|
(16)
|
Jenħtieġ li l-operaturi tat-TSSs tad-DLT ikunu jistgħu jitolbu l-istess eżenzjonijiet bħal dawk disponibbli għall-operaturi tal-MTFs tad-DLT u tal-SSs tad-DLT, dment li dawn jikkonformaw mal-kundizzjonijiet marbuta mal-eżenzjonijiet u ma’ kwalunkwe miżurata’ kumpens rikjesta mill-awtoritajiet kompetenti. Kunsiderazzjonijiet simili għal dawk li japplikaw għall-MTFs tad-DLT u għall-SSs tad-DLT jenħtieġ li japplikaw għall-eżenzjonijietli huma disponibbli għat-TSSs tad-DLT, għal kwalunkwe kundizzjoni marbuta ma’ dawk l-eżenzjonijiet, u l-miżuri ta’ kumpens.
|
|
(17)
|
Sabiex tiġi prevista flessibbiltà addizzjonali fl-applikazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għad-ditti tal-investiment jew l-operaturi tas-suq li jħaddmu TSS tad-DLT filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi mas-CSDs li jipprovdu servizzi ta’ saldu taħt ir-reġim pilota, jenħtieġ li ċerti eżenzjonijiet mir-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament li jikkonċernaw miżuri għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-fallimenti tas-saldu, mir-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni u t-trasparenza, u mir-rekwiżiti biex jintużaw ċerti proċeduri ta’ komunikazzjoni mal-parteċipanti u infrastrutturi oħra tas-suq ikunu disponibbli għas-CSDs li jħaddmu SS tad-DLT jew TSS tad-DLT, u għad-ditti tal-investiment jew għall-operaturi tas-suq li jħaddmu TSS tad-DLT. Dawk l-eżenzjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għal kundizzjonijiet marbuta magħhom, inkluż ċerti rekwiżiti minimi, u kwalunkwe kwalunkwe miżura ta’ kumpens rikjesta mill-awtorità kompetenti, sabiex tissodisfa l-objettivi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li fir-rigward tagħhom tintalab eżenzjoni, jew sabiex tissalvagwardja l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja. Jenħtieġ li l-operatur ta’ TSS tad-DLT juri li l-eżenzjoni mitluba hija proporzjonata u ġġustifikata mill-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit.
|
|
(18)
|
Jenħtieġ li SS tad-DLT tkun sistema ta’ saldu mħaddma minn CSD awtorizzat skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jkun irċieva permess speċifiku biex iħaddem SS tad-DLT skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li SS tad-DLT, u s-CSD li jħaddimha, ikunu soġġetti għar-rekwiżiti rilevanti kollha skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, u kwalunkwe leġiżlazzjoni applikabbli oħra tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, ħlief għar-rekwiżiti li fir-rigward tagħhom tkun ingħatat eżenzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
|
|
(19)
|
Meta l-BĊE u l-banek ċentrali Ewropej, jew istituzzjonijiet oħra mmexxija minn Stati Membri li jwettqu funzjonijiet simili, jew korpi pubbliċi oħra inkarigati mill-ġestjoni tad-dejn pubbliku fl-Unjoni jew li jintervjenu fih, iħaddmu SS tad-DLT, jenħtieġ li dawn ma jkunux meħtieġa jitolbu permess minn awtorità kompetenti sabiex jibbenefikaw minn eżenzjoni skont dan ir-Regolament, peress li tali entitajiet mhumiex meħtieġa jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti jew jikkonformaw mal-istruzzjonijiet tagħhom, u huma soġġetti għal sett limitat ta’ rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014.
|
|
(20)
|
Jenħtieġ li l-ħolqien tar-reġim pilota jkun mingħajr preġudizzju għall-kompiti u għar-responsabbiltajiet tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fil-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, biex jiġi promoss l-operat bla xkiel tas-sistemi ta’ pagament u jiġu żgurati sistemi ta’ kklerjar u ta’ pagament effiċjenti u sodi fl-Unjoni u ma’ pajjiżi terzi.
|
|
(21)
|
L-assenjazzjoni tar-responsabbiltajiet superviżorji previsti f’dan ir-Regolament hija ġġustifikata mill-karatteristiċi u r-riskji speċifiċi tar-reġim pilota. Għalhekk, l-arkitettura superviżorja tar-reġim pilota ma għandhiex tinftiehem bħala li tistabbilixxi preċedent għal kwalunkwe att futur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji.
|
|
(22)
|
Jenħtieġ li l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT ikunu responsabbli fil-każ ta’ telf ta’ fondi, ta’ kollateral jew ta’ strument finanzjarju tad-DLT. Jenħtieġ li r-responsabbiltà tal-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT tkun limitata għall-valur tas-suq tal-assi mitluf meta jseħħ it-telf. Jenħtieġ li l-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT ma jkunx responsabbli għal avvenimenti li mhumiex attribwibbli għall-operatur, b’mod partikolari, kwalunkwe avveniment li l-operatur juri li seħħ indipendentement mill-operazzjonijiet tiegħu, inklużi problemi dovuti għal xi ħaġa li ġrat esternament lil hinn mill-kontroll raġonevoli tiegħu.
|
|
(23)
|
Sabiex l-innovazzjoni u l-isperimentazzjoni f’ambjent regolatorju sod ikunu possibbli filwaqt li jinżammu l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja, jenħtieġ li t-tip ta’ strumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar jew irreġistrati f’infrastruttura tas-suq tad-DLT, ikunu limitati għal ishma, bonds, u unitajiet fl-impriżi għal investiment kollettiv li jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ eżekuzzjoni biss skont id-Direttiva 2014/65/UE. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi limiti ta’ valur li jistgħu jitbaxxew f’ċerti sitwazzjonijiet. B’mod partikolari, sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ kwalunkwe riskju għall-istabbiltà finanzjarja, jenħtieġ li l-valur tas-suq totali tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT ammessi għan-negozjar jew irreġistrati f’infrastruttura tas-suq tad-DLT ikunu limitati.
|
|
(24)
|
Sabiex nimxu lejn kundizzjonijiet ekwi għall-istrumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar f’ċentri tan-negozjar tradizzjonali skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/65/UE u sabiex jiġu żgurati livelli għolja ta’ protezzjoni tal-investituri, ta’ integrità tas-suq u ta’ stabbilità finanzjarja, jenħtieġ li l-istrumenti finanzjarji tad-DLT, ammessi għan-negozjar f’MTF tad-DLT jew f’TSS tad-DLT, ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-abbuż tas-suq skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014.
|
|
(25)
|
Fuq it-talba ta’ operatur ta’ MTF tad-DLT, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jitħallew jagħtu eżenzjoni waħda jew aktar fuq bażi temporanja, jekk l-operatur jikkonforma mal-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn l-eżenzjonijiet kif ukoll ma’ kwalunkwe rekwiżit addizzjonali stabbilit skont dan ir-Regolament biex jiġu indirizzati forom ġodda ta’ riskji li jirriżultaw mill-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Jenħtieġ ukoll li operatur ta’ MTF tad-DLT jikkonforma ma’ kwalunkwe miżura ta’ kumpens rikjesti mill-awtorità kompetenti sabiex jintlaħqu l-objettivi tad-dispożizzjoni li għaliha tkun ġiet rikjesta eżenzjoni, jew sabiex jiġu salvagwardati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja.
|
|
(26)
|
Fuq it-talba ta’ operatur ta’ MTF tad-DLT, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jitħallew jagħtu eżenzjoni mill-obbligu ta’ intermedjazzjoni skont id-Direttiva 2014/65/UE. Bħalissa, il-faċilitajiet ta’ negozjar tradizzjonali jitħallew jammettu bħala membri jew parteċipanti biss ditti tal-investiment, istituzzjonijiet ta’ kreditu u persuni oħra li għandhom livell suffiċjenti ta’ kapaċità ta’ negozjar u kompetenza u li jżommu arranġamenti u riżorsi organizzattivi adegwati. Għall-kuntrarju, ħafna pjattaformi għan-negozjar tal-kriptoassi joffru aċċess diżintermedjat u jipprovdu aċċess dirett għal investituri fil-livell tal-konsumatur. Għalhekk, ostaklu regolatorju potenzjali għall-iżvilupp ta’ faċilitajiet multilaterali tan-negozjar għal strumenti finanzjarji tad-DLT jista’ jkun l-obbligu tal-intermedjazzjoni skont id-Direttiva 2014/65/UE. Fuq it-talba ta’ operatur ta’ MTF tad-DLT, l-awtorità kompetenti għalhekk jenħtieġ li titħalla tagħti eżenzjoni temporanja minn dak l-obbligu ta’ intermedjazzjoni sabiex tipprovdi aċċess dirett għall-investituri fil-livell tal-konsumatur u tippermettilhom jinnegozjaw f’isimhom stess, dment li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji adegwati rigward il-protezzjoni tal-investituri, li tali investituri fil-livell tal-konsumatur jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet u li l-operatur jikkonformi ma’ kwalunkwe miżura addizzjonali ta’ protezzjoni tal-investituri li tirrikjedi l-awtorità kompetenti. L-investituri fil-livell tal-konsumatur li jkollhom aċċess dirett għal MTF tad-DLT bħala membri jew parteċipanti taħt eżenzjoni mill-obbligu ta’ intermedjazzjoni jenħtieġ li ma jitqisux bħala ditti tal-investiment fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 2014/65/UE unikament minħabba li jkunu membri ta’ MTF tad-DLT jew parteċipanti fiha.
|
|
(27)
|
Fuq it-talba ta’ operatur ta’ MTF tad-DLT, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ ukoll li jitħallew jagħtu eżenzjoni mir-rekwiżiti ta’ rapportar tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, dment li l-MTF tad-DLT tissodisfa ċerti kundizzjonijiet.
|
|
(28)
|
Biex ikun eliġibbli għal eżenzjoni skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li operatur ta’ MTF tad-DLT juri li l-eżenzjoni mitluba hija proporzjonata u limitata għall-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit kif deskritt fil-pjan tan-negozju tiegħu, u li l-eżenzjoni mitluba hija limitata għall-MTF tad-DLT u ma testendix għal kwalunkwe faċilità tan-negozjar multilaterali oħra mħaddma mill-istess ditta tal-investiment jew operatur tas-suq.
|
|
(29)
|
Fuq talba ta’ CSD li jħaddem SS tad-DLT l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu permessi li jagħtu eżenzjoni waħda jew aktar fuq bażi temporanja, jekk jikkonforma mal-kundizzjonijiet marbuta ma’ tali eżenzjonijiet kif ukoll ma’ kwalunkwe rekwiżit addizzjonali stabbilit skont dan ir-Regolament biex jiġu indirizzati forom ġodda ta’ riskji li jirriżultaw mill-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Jenħtieġ ukoll li CSD li jħaddem SS tad-DLT jikkonforma ma’ kwalunkwe miżura ta’ kumpens rikjesta mill-awtorità kompetenti sabiex jintlaħqu l-objettivi tad-dispożizzjoni li għaliha ġiet mitluba eżenzjoni, jew sabiex jiġu salvagwardati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja.
|
|
(30)
|
Jenħtieġ li jkun permess li jiġu eżentati CSDs li jħaddmu SS tad-DLT minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li x’aktarx joħolqu ostakli regolatorji għall-iżvilupp tal-SSs tad-DLT. Pereżempju, l-eżenzjonijiet jenħtieġ li jkunu possibbli sal-punt li r-regoli ta’ dak ir-Regolament applikabbli għal CSDs u li jirreferu għat-termini “forma dematerjalizzata”, “kont ta’ titoli” jew “ordnijiet ta’ trasferiment” ma japplikawx għal CSDs li jħaddmu SS tad-DLT, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti għal rabtiet tas-CSD li jenħtieġ li japplikaw mutatis mutandis. Fir-rigward tat-terminu “kont ta’ titoli”, l-eżenzjoni tkun tkopri r-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tat-titoli, l-integrità tal-ħruġ u s-segregazzjoni tal-kontijiet. Filwaqt li s-CSDs iħaddmu sistemi ta’ saldu tat-titoli billi jikkreditaw u jiddebitaw il-kontijiet tat-titoli tal-parteċipanti tagħhom, kontijiet tat-titoli biż-żamma tal-kotba b’kontroentrati jew b’entrati multipli mhux dejjem jistgħu jkunu fattibbli f’SS tad-DLT. Għalhekk, eżenzjoni jenħtieġ li tkun possibbli wkoll għal CSD li jħaddem SS tad-DLT mir-regoli fir-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jirreferu għat-terminu ta’ “forma dematerjalizzata” fejn tali eżenzjoni tkun meħtieġa biex tkun possibbli r-reġistrazzjoni ta’ strumenti finanzjarji tad-DLT f’reġistru distribwit. Madankollu, CSD li jħaddem SS tad-DLT jenħtieġ li xorta jiżgura l-integrità tal-ħruġ tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT fir-reġistru distribwit u s-segregazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT li jappartjenu għal diversi parteċipanti.
|
|
(31)
|
CSD li jħaddem SS tad-DLT jenħtieġ li dejjem jibqa’ soġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, li skontu CSD li jesternalizza s-servizzi jew l-attivitajiet lil parti terza jibqa’ kompletament responsabbli mir-rispett tal-obbligi kollha tiegħu skont dak ir-Regolament u huwa meħtieġ jiżgura li kwalunkwe esternalizzazzjoni ma tirriżultax fid-delega tar-responsabbiltà tiegħu. Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, jippermetti biss CSDs li jħaddmu SS tad-DLT biex jesternalizzaw servizz jew attività ewlenija wara li jirċievu awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti. CSD li jħaddem SS tad-DLT jenħtieġ, għalhekk, li jkun jista’ jitlob eżenzjoni minn dak ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni meta s-CSD juri li r-rekwiżit huwa inkompatibbli mal-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit kif previst fil-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tiegħu. Jenħtieġ li d-delega ta’ kompiti li jappartjenu għall-funzjonament ta’ SS tad-DLT, jew għall-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit, biex jitwettaq is-saldu, ma titqiesx bħala esternalizzazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.
|
|
(32)
|
L-obbligu ta’ intermedjazzjoni permezz ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta tal-investiment sabiex l-investituri fil-livell tal-konsumaturi jinżammu milli jiksbu aċċess dirett għas-sistemi ta’ saldu u ta’ kunsenja mħaddma minn CSD jista’ joħloq ostaklu regolatorju għall-iżvilupp ta’ mudelli alternattivi ta’ saldu bbażati fuq teknoloġija ta’ reġistru distribwit li jippermetti aċċess dirett minn investituri fil-livell tal-konsumaturi. Għalhekk, jenħtieġ li tkun permessa eżenzjoni għas-CSDs li jħaddmu SS tad-DLT fis-sens li t-terminu “parteċipant” fid-Direttiva 98/26/KE huwa meqjus li jinkludi, taħt ċerti kundizzjonijiet, persuni oħra barra dawk imsemmija f’dik id-Direttiva. Meta jitlob eżenzjoni mill-obbligu ta’ intermedjazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, jenħtieġ li s-CSD li jħaddem SS tad-DLT jiżgura li l-persuni li għandhom jiġu ammessi bħala parteċipanti jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Jenħtieġ ukoll li CSD li jħaddem SS tad-DLT jiżgura li l-parteċipanti tagħha jkollhom livell suffiċjenti ta’ abbiltà, kompetenza, esperjenza u għarfien dwar attivitajiet ta’ wara n-negozjar u l-funzjonament ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit.
|
|
(33)
|
Entitajiet li huma eliġibbli li jipparteċipaw f’CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jikkorrispondu għall-entitajiet li huma eliġibbli li jipparteċipaw f’sistema ta’ saldu tat-titoli li hija nnominata u nnotifikata f’konformità mad-Direttiva 98/26/KE, minħabba li r-Regolament (UE) Nru 909/2014 jeħtieġ li s-sistemi ta’ saldu tat-titoli mħaddma mis-CSDs jiġu nnominati u nnotifikati skont id-Direttiva 98/26/KE. B’dan, operatur ta’ sistema ta’ saldu tat-titoli abbażi ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit li jitlob li jiġi eżentat mir-rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jirriżulta f’nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni tad-Direttiva 98/26/KE. Konsegwentement, dik is-sistema ta’ saldu tat-titoli ma setgħetx tiġi nnominata u nnotifikata skont dik id-Direttiva u għal dik ir-raġuni ma tissejjaħx “sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT” f’dan ir-Regolament iżda pjuttost bħala SS tad-DLT. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jippermetti lil CSD iħaddem SS tad-DLT li ma tikkwalifikax bħala sistema ta’ saldu tat-titoli nnominata skont id-Direttiva 98/26/KE, u jenħtieġ li tkun disponibbli eżenzjoni mir-regoli dwar il-finalità tas-saldu fir-Regolament (UE) Nru 909/2014, soġġetta għal ċerti miżuri ta’ kumpens, inklużi miżuri speċifiċi ta’ kumpens biex inaqqsu r-riskji li jirriżultaw mill-insolvenza, peress li l-miżuri ta’ protezzjoni f’każ ta’ insolvenza skont id-Direttiva 98/26/KE ma japplikawx. Madankollu, tali eżenzjoni ma tipprekludix SS tad-DLT li tikkonforma mar-rekwiżiti kollha tad-Direttiva 98/26/KE milli tiġi nnominata u nnotifikata bħala sistema ta’ saldu tat-titoli f’konformità ma’ dik id-Direttiva.
|
|
(34)
|
Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jinkoraġġixxi s-saldu ta’ tranżazzjonijiet fi flus tal-bank ċentrali. Meta s-saldu ta’ pagamenti fi flus kontanti fi flus tal-bank ċentrali ma jkunx prattiku u disponibbli, għandu jkun possibbli li s-saldu jsir permezz tal-kontijiet proprji tas-CSD f’konformità ma’ dak ir-Regolament jew permezz ta’ kontijiet miftuħa ma’ istituzzjoni ta’ kreditu (“flus tal-bank kummerċjali”). Madankollu, din ir-regola tista’ tkun diffiċli biex tapplika għal CSD li jħaddem SS tad-DLT, minħabba li CSD bħal dan ikollu jaffettwa l-movimenti fil-kontijiet tal-flus fl-istess ħin mal-kunsenja tat-titoli rreġistrati fir-reġistru distribwit. Għalhekk jenħtieġ li tkun permessa eżenzjoni temporanja għas-CSDs li jħaddmu SS tad-DLT mid-dispożizzjoni ta’ dak ir-Regolament dwar is-saldu fi flus kontanti sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi taħt ir-reġim pilota billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-flus tal-banek kummerċjali, jew l-użu ta’ “tokens tal-flus elettroniċi”. Is-saldu fi flus tal-bank ċentrali jista’ jitqies bħala mhux prattiku u disponibbli jekk is-saldu fi flus tal-bank ċentrali f’reġistru distribwit ma jkunx disponibbli.
|
|
(35)
|
Minbarra r-rekwiżiti li wrew bi provi li mhumiex prattiċi f’ambjent ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit, ir-rekwiżiti marbuta mas-saldu fi flus kontanti skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 ikomplu japplikaw barra mir-reġim pilota. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT jiddeskrivu fil-pjanijiet tan-negozju tagħhom kif beħsiebhom jikkonformaw mat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 f’każ li eventwalment joħorġu mir-reġim pilota.
|
|
(36)
|
Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jeħtieġ li CSD jipprovdi aċċess għal CSD ieħor, jew għal infrastrutturi tas-suq oħra, fuq bażi nondiskriminatorja u trasparenti. L-għoti ta’ aċċess lil CSD li jħaddem SS tad-DLT jista’ jkun teknikament aktar kumpless, oneruż jew diffiċli biex jinkiseb, minħabba li l-interoperabbiltà tas-sistemi miruta mat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit għadha ma ġietx ittestjata. Għalhekk jenħtieġ ukoll li jkun possibbli li tingħata lil SS tad-DLT eżenzjoni minn dak ir-rekwiżit jekk din turi li l-applikazzjoni tar-rekwiżit tkun sproporzjonata għall-iskala tal-attivitajiet tal-SS tad-DLT.
|
|
(37)
|
Irrispettivament mir-rekwiżit li ntalbet eżenzjoni relatata miegħu, jenħtieġ li CSD li jħaddem SS tad-DLT juri li l-eżenzjoni mitluba hija proporzjonata u ġġustifikata bl-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Jenħtieġ li l-eżenzjoni tkun limitata għall-SS tad-DLT u jenħtieġ li ma tkoprix sistemi ta’ saldu oħra mħaddma mill-istess CSD.
|
|
(38)
|
Jenħtieġ li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u l-operaturi tagħhom ikunu soġġetti għal aktar rekwiżiti meta mqabbla mal-infrastrutturi tas-suq tradizzjonali. Ir-rekwiżiti addizzjonali huma meħtieġa biex jiġu evitati riskji relatati mal-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit jew il-mod li bih topera l-infrastruttura tas-suq tad-DLT. Għalhekk, jenħtieġ li operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT jistabbilixxi pjan tan-negozju ċar li jagħti dettalji dwar kif se tintuża t-teknoloġija ta’ reġistru distribwit u t-termini legali applikabbli.
|
|
(39)
|
L-operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT jenħtieġ li jistabbilixxu, jew jiddokumentaw, skont il-każ, regoli dwar il-funzjonament tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit li dawn jużaw, inklużi regoli dwar l-aċċess għal, u l-ammissjoni għan-negozjar dwar ir-reġistru distribwit, regoli dwar il-parteċipazzjoni ta’ nodi ta’ validazzjoni u regoli biex jiġu indirizzati l-kunflitti ta’ interess potenzjali, kif ukoll il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju.
|
|
(40)
|
Operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT jenħtieġ li jkun meħtieġ li jipprovdi informazzjoni lill-membri, lill-parteċipanti, lill-emittenti u lill-klijenti dwar kif hu beħsiebu jwettaq l-attivitajiet tiegħu u kif l-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit jiddevja mill-mod kif servizzi normalment jiġi pprovduti minn faċilità tan-negozjar multilaterali tradizzjonali jew minn CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli.
|
|
(41)
|
Jenħtieġ li infrastrutturi tas-suq tad-DLT ikollha arranġamenti speċifiċi u robusti tal-IT u dawk ċibernetiċi relatati mal-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Jenħtieġ li tali arranġamenti jkunu proporzjonati man-natura, il-portata u l-kumplessità tal-pjan ta’ negozju tal-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT. Jenħtieġ ukoll li dawk l-arranġamenti jiżguraw il-kontinwità u t-trasparenza kontinwa, id-disponibbiltà, l-affidabbiltà u s-sigurtà tas-servizzi pprovduti, inkluża l-affidabbiltà ta’ kwalunkwe kuntratt intelliġenti li jintuża, irrispettivament minn jekk dawk il-kuntratti intelliġenti jinħolqu mill-infrastruttura tas-suq tad-DLT innifisha jew minn parti terza wara proċeduri ta’ esternalizzazzjoni. Jenħtieġ ukoll li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jiżguraw l-integrità, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità, id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data maħżuna fir-reġistru distribwit. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti għal infrastruttura tas-suq tad-DLT titħalla tirrikjedi awditu biex tiżgura li l-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT huma adattati għall-iskop tagħhom. Jenħtieġ li l-kostijiet tal-awditu jitħallsu mill-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT.
|
|
(42)
|
Meta l-pjan tan-negozju ta’ operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT jinvolvi l-kustodja tal-fondi tal-klijenti, bħal flus kontanti jew ekwivalenti ta’ flus, jew ta’ strumenti finanzjarji tad-DLT, jew tal-mezzi ta’ aċċess għal tali strumenti finanzjarji tad-DLT, inkluż fil-forma ta’ ċwievet kriptografiċi, jenħtieġ li l-infrastruttura tas-suq tad-DLT ikollha arranġamenti adegwati fis-seħħ biex tissalvagwardja dawk l-assi. Jenħtieġ li operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT ma jużawx l-assi tal-klijenti f’isem dawk l-operaturi stess, għajr bil-kunsens espliċitu bil-miktub minn qabel mill-klijenti tagħhom. Jenħtieġ li infrastrutturi tas-suq tad-DLT jissegregaw il-fondi tal-klijenti u l-istrumenti finanzjarji tad-DLT, u l-mezzi ta’ aċċess għal dawn l-assi, mill-assi tagħhom stess jew minn assi ta’ klijenti oħra. Jenħtieġ li l-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jiżguraw li l-assi tal-klijenti jiġu protetti kontra l-frodi, l-attakki ċibernetiċi u malfunzjonijiet operazzjonali serji oħra.
|
|
(43)
|
Fiż-żmien meta jingħata permess speċifiku, jenħtieġ li l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT ikollhom fis-seħħ ukoll strateġija ta’ ħruġ kredibbli f’każ li r-reġim pilota jiġi sospiż, il-permess speċifiku jew uħud mill-eżenzjonijiet mogħtija jiġu rtirati, jew il-limiti stabbiliti f’dan ir-Regolament jinqabżu. Dik l-istrateġija għandha tinkludi t-tranżizzjoni jew it-treġġigħ lura tal-operazzjonijiet tat-teknoloġija tar-reġistru distribwit tagħhom f’infrastrutturi tas-suq tradizzjonali. Għal dak il-għan, parteċipanti ġodda jew operaturi tat-TSS tad-DLT li ma jħaddmux infrastruttura tas-suq tradizzjonali fuq liema jistgħu jittrasferixxu strumenti finanzjarji tad-DLT jenħtieġ li jfittxu li jikkonkludu arranġamenti ma’ operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tradizzjonali. Dan huwa ta’ importanza partikolari għar-reġistrazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT. Għalhekk, is-CSDs jenħtieġ li jkunu soġġetti għal ċerti rekwiżiti biex jistabbilixxu tali arranġamenti. Barra minn hekk, is-CSDs jenħtieġ li jikkonkludu tali arranġamenti b’mod mhux diskriminatorju u jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddebitaw dritt kummerċjali raġonevoli bbażat fuq il-kostijiet reali.
|
|
(44)
|
Jenħtieġ li permess speċifiku mogħti lil operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT isegwi b’mod wiesa’ l-istess proċeduri bħal dawk għall-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jew id-Direttiva 2014/65/UE. Madankollu, meta japplika għal permess speċifiku skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-applikant jindika l-eżenzjonijiet li jkun qed jitlob. Qabel ma jingħata permess speċifiku lil infrastruttura tas-suq tad-DLT, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tagħti lill-ESMA l-informazzjoni rilevanti kollha. Meta meħtieġ, jenħtieġ li l-ESMA toħroġ opinjoni mhux vinkolanti dwar l-eżenzjonijiet mitluba jew dwar l-adegwatezza tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tali opinjoni mhux vinkolanti ma titqiesx bħala opinjoni skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Jenħtieġ li l-ESMA tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra meta tkun qed tħejji l-opinjoni tagħha. Mal-opinjoni mhux vinkolanti tagħha, jenħtieġ li l-ESMA jkollha l-għan li tiżgura l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u kompetizzjoni ġusta fis-suq intern kollu, jenħtieġ li l-opinjoni mhux vinkolanti tal-ESMA u l-linji gwida jimmiraw li jiżguraw il-konsistenza u l-proporzjonalità tal-eżenzjonijiet mogħtija minn awtoritajiet kompetenti differenti fl-Unjoni, inkluż meta tiġi evalwata l-adegwatezza ta’ diversi tipi ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit użati minn operaturi għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
|
|
(45)
|
Ir-reġistrazzjoni tat-titoli, iż-żamma tal-kontijiet tat-titoli u l-ġestjoni tas-sistemi tas-saldu huma attivitajiet li huma koperti minn dispożizzjonijiet mhux armonizzati tal-liġi nazzjonali, bħal-liġi soċjetarja u dwar it-titoli. Għalhekk huwa importanti li l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jikkonformaw mar-regoli applikabbli kollha u jippermettu lill-utenti tagħhom jagħmlu dan.
|
|
(46)
|
Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti li teżamina applikazzjoni ppreżentata minn operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT ikollha l-possibbiltà li tirrifjuta li tagħti permess speċifiku jekk ikun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li l-infrastruttura tas-suq tad-DLT ma tkunx tista’ tikkonforma mad-dispożizzjonijiet applikabbli stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni jew mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, jekk ikun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li l-infrastruttura tas-suq tad-DLT tkun ta’ riskju għall-protezzjoni tal-investituri, għall-integrità tas-suq jew għall-istabbiltà finanzjarja, jew jekk l-applikazzjoni tkun tentattiv biex jiġu evitati r-rekwiżiti eżistenti.
|
|
(47)
|
Jenħtieġ li permess speċifiku mogħti minn awtorità kompetenti lil operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT jindika l-eżenzjonijiet mogħtija lil dik l-infrastruttura tas-suq tad-DLT. Jenħtieġ li jkun validu fl-Unjoni kollha, iżda għall-perijodu ta’ żmien biss tar-reġim pilota. Jenħtieġ li l-ESMA tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u lista tal-eżenzjonijiet mogħtija lil kull waħda minnhom.
|
|
(48)
|
Jenħtieġ li l-permessi speċifiċi u l-eżenzjonijiet jingħataw fuq bażi temporanja, għal perijodu ta’ mhux aktar minn sitt snin mid-data tal-permess speċifiku, u jenħtieġ li jkunu validi biss għat-tul tar-reġim pilota. Dak il-perijodu ta’ sitt snin jenħtieġ li jagħti lill-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT biżżejjed ħin biex jadattaw il-mudelli ta’ negozju tagħhom għal kwalunkwe modifika tar-reġim pilota u joperaw taħt ir-reġim pilota b’mod kummerċjalment vijabbli. Dan jippermetti wkoll lill-ESMA u lill-Kummissjoni jiġbru sett ta’ data utli dwar l-operazzjoni tar-reġim pilota wara l-għoti ta’ massa kritika ta’ permessi speċifiċi u eżenzjonijiet relatati. Fl-aħħar, dan jippermetti wkoll biżżejjed żmien lill-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT biex jieħdu l-passi meħtieġa jew biex iwaqqfu l-operazzjonijiet tagħhom jew biex jgħaddu għal qafas regolatorju ġdid wara r-rapporti maħruġa mill-ESMA u mill-Kummissjoni.
|
|
(49)
|
Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u għad-Direttiva 2014/65/UE, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jirtiraw permess speċifiku jew kwalunkwe eżenzjoni mogħtija lil infrastruttura tas-suq tad-DLT meta jkun ġie skopert difett fit-teknoloġija sottostanti jew fis-servizzi u fl-attivitajiet ipprovduti mill-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT, jekk dak id-difett ikun akbar mill-benefiċċji tas-servizz u tal-attivitajiet inkwistjoni, jew meta l-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT ikun kiser kwalunkwe obbligazzjoni marbuta mal-permessi jew l-eżenzjonijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti, jew meta l-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT ikun irreġistra strumenti finanzjarji li jaqbżu l-limiti stipulati f’dan ir-Regolament jew li ma jissodisfawx kundizzjonijiet oħra li japplikaw għall-istrumenti finanzjarji tad-DLT skont dan ir-Regolament. Matul l-attività tiegħu, l-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jitlob eżenzjonijiet addizzjonali għal dawk mitluba fiż-żmien tal-applikazzjoni inizjali. F’każ bħal dan, jenħtieġ li l-eżenzjonijiet addizzjonali mitluba mingħand l-awtorità kompetenti, bl-istess mod bħal dawk mitluba fiż-żmien tat-talba inizjali għal permess għall-infrastruttura tas-suq tad-DLT.
|
|
(50)
|
Peress li, taħt ir-reġim pilota, l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT ikunu jistgħu jirċievu eżenzjonijiet temporanji minn ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni, jenħtieġ li dawn jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti u mal-ESMA matul il-perijodu li fih il-permess speċifiku tagħhom ikun validu. Jenħtieġ li l-operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwalunkwe bidla materjali fil-pjanijiet tan-negozju tagħhom jew għall-persunal kritiku tagħhom, bi kwalunkwe evidenza ta’ attakki ċibernetiċi jew theddid ċibernetiku ieħor, frodi jew malprassi serja, dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta fiż-żmien tal-applikazzjoni inizjali għall-permess speċifiku, dwar kwalunkwe diffikultà teknika jew operazzjonali, b’mod partikolari dawk marbuta mal-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit, u dwar kwalunkwe riskju għall-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja li ma kinux previsti fiż-żmien meta ngħata l-permess speċifiku. Sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja, meta tiġi nnotifikata b’din il-bidla materjali, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tkun tista tirrikjedi li l-infrastruttura tas-suq tad-DLT tapplika għal permess speċifiku ġdid jew eżenzjoni, jew biex tieħu kwalunkwe miżura korrettiva l-awtorità kompetenti tqis li hi xierqa. Jenħtieġ li l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jipprovdu wkoll kwalunkwe informazzjoni rilevanti lill-awtorità kompetenti meta jintalbu jagħmlu dan. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jibgħatu l-informazzjoni li jirċievu mingħand l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u l-informazzjoni dwar il-miżuri korrettivi lill-ESMA.
|
|
(51)
|
Jenħtieġ ukoll li operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jissottomettu rapporti regolari lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom. Jenħtieġ li l-ESMA torganizza diskussjonijiet dwar dawk ir-rapporti sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti kollha fl-Unjoni jiksbu esperjenza mill-impatt tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit u biex jifhmu jekk ikunx hemm emendi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji li jista’ jkun meħtieġ biex it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit tkun tista’ tintuża fuq skala akbar.
|
|
(52)
|
Matul ir-reġim pilota, huwa importanti li l-qafas u l-funzjonament tiegħu jkunu soġġetti għal monitoraġġ u evalwazzjoni frekwenti sabiex tiġi massimizzata l-informazzjoni għall-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT. Jenħtieġ li l-ESMA tippubblika rapporti annwali sabiex tipprovdi lill-parteċipanti fis-suq fehim aħjar tal-funzjonament u l-iżvilupp tas-swieq u tipprovdi kjarifika dwar l-applikazzjoni tar-reġim pilota. Dawk ir-rapporti annwali jenħtieġ li jinkludu aġġornamenti dwar l-aktar xejriet u riskji importanti. Dawk ir-rapporti annwali jenħtieġ li jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
|
|
(53)
|
Tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-ESMA tippreżenta rapport lill-Kummissjoni li jkun fih valutazzjoni tar-reġim pilota. Abbażi tar-rapport tal-ESMA, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Jenħtieġ li dak ir-rapport jivvaluta l-kostijiet u l-benefiċċji tal-estensjoni tar-reġim pilota għal perijodu ulterjuri, bl-estensjoni tar-reġim pilota għal tipi oħra ta’ strumenti finanzjarji, inkella bl-emendar tar-reġim pilota, biex ir-reġim pilota jsir permanenti billi jipproponi emendi xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, jew itemm ir-reġim pilota. Ma jkunx mixtieq li jkun hemm żewġ reġimi paralleli għall-infrastrutturi tas-suq ibbażati fuq id-DLT u dawk mhux ibbażati fuq id-DLT. Jekk ir-reġim pilota jkun wieħed ta’ suċċess, dan jista’ jsir permanenti billi tiġi emendata l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji biex tistabbilixxi qafas uniku u koerenti.
|
|
(54)
|
Ġew identifikati xi lakuni potenzjali fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni eżistenti dwar is-servizzi finanzjarji fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha għal kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. B’mod partikolari, l-istandards tekniċi regolatorji skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 b’rabta ma’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar tad-data u rekwiżiti ta’ trasparenza ta’ qabel u ta’ wara n-negozjar mhumiex adattati sew għall-istrumenti finanzjarji maħruġa permezz ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Is-swieq sekondarji fl-istrumenti finanzjarji maħruġa permezz ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit jew teknoloġija simili għadhom fil-bidu u għalhekk il-karatteristiċi tagħhom potenzjalment ivarjaw mis-swieq fl-istrumenti finanzjarji li jużaw teknoloġija tradizzjonali. Jenħtieġ li dawk l-istandards tekniċi regolatorji jiġu applikati għall-istrumenti finanzjarji kollha, irrispettivament mit-teknoloġija użata. Għalhekk, f’konformità mal-mandati eżistenti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 biex jiġi żviluppat abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, jenħtieġ li l-ESMA twettaq valutazzjoni komprensiva ta’ dawk l-istandards tekniċi regolatorji u tipproponi kwalunkwe emenda meħtieġa biex tiżgura li r-regoli stabbiliti fih ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv għall-istrumenti finanzjarji tad-DLT. Fit-twettiq ta’ dik il-valutazzjoni, jenħtieġ li l-ESMA tqis l-ispeċifiċitajiet tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT u jekk jeħtiġux l-adattament ta’ standards biex jippermettu l-iżvilupp ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji mingħajr ma jimminaw l-objettivi tar-regoli stabbiliti fl-istandards tekniċi regolatorji skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014.
|
|
(55)
|
Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-ostakoli għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni billi jiġu integrati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.
|
|
(56)
|
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Fl-istess ħin, fir-rigward tal-entitajiet awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE, jenħtieġ li jintużaw il-mekkaniżmi għar-rappurtar ta’ ksur tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jew tad-Direttiva 2014/65/UE kif stabbiliti skont dik id-Direttiva. Fir-rigward tal-entitajiet awtorizzati skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, jenħtieġ li jintużaw il-mekkaniżmi għar-rappurtar ta’ ksur ta’ dak ir-Regolament kif stabbilit skont dak ir-Regolament.
|
|
(57)
|
It-tħaddim tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jista’ jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali. Meta huwa meħtieġ għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament li tiġi pproċessata data personali, dak l-ipproċessar jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti (UE) 2016/679 (14) u (UE) 2018/1725 (15) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, u ta l-opinjoni tiegħu fit-23 ta’ April 2021.
|
|
(58)
|
Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 jipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni li matulu l-aċċess mhux diskriminatorju għal CCP jew għal ċentru tan-negozjar skont ir-Regolament ma japplikax għas-CCPs jew għaċ-ċentri tan-negozjar li applikaw mal-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jibbenefikaw minn arranġamenti ta’ tranżizzjoni fir-rigward tad-derivattivi nnegozjati fil-borża. Il-perijodu li matulu CCP jew ċentru tan-negozjar jista’ jiġi eżentat mill-awtorità kompetenti tiegħu fir-rigward ta’ derivattivi nnegozjati fil-borża mir-regoli dwar l-aċċess mhux diskriminatorju skada fit-3 ta’ Lulju 2020. Iż-żieda fl-inċertezza u l-volatilità tas-swieq kellha impatt negattiv fuq ir-riskji operazzjonali tas-CCPs u taċ-ċentri tan-negozjar u, għalhekk, id-data ta’ applikazzjoni tar-reġim il-ġdid ta’ aċċess miftuħ għas-CCP u għaċ-ċentri tan-negozjar li joffru servizzi ta’ negozjar u kklerjar fir-rigward ta’ derivattivi nnegozjati fil-borża ġiet posposta mill-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) b’sena, sat-3 ta’ Lulju 2021. Ir-raġunijiet għall-posponiment tad-data ta’ applikazzjoni tar-reġim il-ġdid ta’ aċċess miftuħ għadhom jippersistu. Barra minn hekk, ir-reġim ta’ aċċess miftuħ jista’ jmur kontra l-objettivi ta’ politika paralleli biex jitrawmu l-kummerċ u l-innovazzjoni fl-Unjoni, peress li jista’ jiddiżinċentiva l-innovazzjoni fid-derivattivi nnegozjati fil-borża billi jippermetti lill-kompetituri, li huma benefiċjarji ta’ aċċess miftuħ, li jiddependu mill-infrastruttura u l-investimenti tal-operaturi stabbiliti sabiex joffru prodotti kompetituri bi spejjeż bil-quddiem baxxi. Iż-żamma ta’ sistema li fiha d-derivattivi jiġu kklerjati u nnegozjati f’entità integrata vertikalment hija konsistenti wkoll max-xejriet internazzjonali li ilhom jeżistu. Id-data ta’ applikazzjoni tar-reġim il-ġdid tal-aċċess miftuħ għandha għalhekk tiġi posposta b’sentejn oħra, sat-3 ta’ Lulju 2023.
|
|
(59)
|
Bħalissa, id-definizzjoni ta’ strument finanzjarju fid-Direttiva 2014/65/UE ma tinkludix b’mod espliċitu strumenti finanzjarji li jinħarġu permezz ta’ klassi ta’ teknoloġiji li tappoġġa r-reġistrazzjoni distribwita ta’ data kriptata, bħal, teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Sabiex jiġi żgurat li tali strumenti finanzjarji jistgħu jiġu nnegozjati fis-suq taħt il-qafas ġuridiku eżistenti, id-definizzjoni ta’ strumenti finanzjarji fid-Direttiva 2014/65/UE jenħtieġ li tiġi emendata biex tinkludihom.
|
|
(60)
|
Filwaqt li dan ir-Regolament jistabbilixxi l-qafas regolatorju għall-infrastrutturi tas-suq tad-DLT, inklużi dawk li jipprovdu servizzi ta’ saldu, il-qafas regolatorju ġenerali għas-sistemi ta’ saldu tat-titoli mħaddma mis-CSDs huwa stipulat fir-Regolament (UE) Nru 909/2014, li jinkludi dispożizzjonijiet dwar id-dixxiplina tas-saldu. Ir-reġim tad-dixxiplina tas-saldu jinkludi regoli għar-rappurtar ta’ fallimenti tas-saldu, il-ġbir u d-distribuzzjoni ta’ penali fi flus u xiri sfurzat obbligatorju. Skont standards tekniċi regolatorji adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, id-dispożizzjonijiet dwar id-dixxiplina tas-saldu japplikaw mill-1 ta’ Frar 2022. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati pprovdew evidenza li x-xiri sfurzat obbligatorju jista’ jżid il-pressjoni tal-likwidità u l-kostijiet tat-titoli f’riskju li jinxtraw b’xiri sfurzat. Impatt bħal dan jista’ jkompli jiġi aggravat f’każijiet ta’ volatilità tas-suq. F’dan il-kuntest, l-applikazzjoni tar-regoli dwar ix-xiri sfurzat obbligatorju kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jista’ jkollha impatt negattiv fuq l-effiċjenza u l-kompetittività tas-swieq kapitali fl-Unjoni. Dak l-impatt jista’ mbagħad iwassal għal firxiet usa’ bejn it-talba u l-offerta, tnaqqis fl-effiċjenza tas-suq u tnaqqis fl-inċentivi għas-self ta’ titoli fis-swieq tas-self u repo ta’ titoli u għas-saldu ta’ tranżazzjonijiet ma’ CSDs stabbiliti fl-Unjoni. Il-kostijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar ix-xiri sfurzat obbligatorju huma, għalhekk, mistennija li jkunu akbar mill-benefiċċji potenzjali. Filwaqt li jitqies dak l-impatt negattiv potenzjali, ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jenħtieġ li jiġi emendat biex jippermetti data differenti ta’ applikazzjoni għal kull miżura ta’ dixxiplina tas-saldu, sabiex id-data tal-applikazzjoni tar-regoli dwar ix-xiri sfurzat obbligatorju tkun tista’ tiġi posposta aktar. Dak il-posponiment jippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta, fil-kuntest tal-proposta leġiżlattiva li jmiss li tirrevedi r-Regolament (UE) Nru 909/2014, kif il-qafas tad-dixxiplina tas-saldu, u b’mod partikolari r-regoli dwar ix-xiri sfurzat obbligatorju, għandhom jiġu emendati biex iqisu u jindirizzaw il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq. Barra minn hekk, tali posponiment jiżgura li l-parteċipanti fis-suq, inklużi dawk l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT li jkunu soġġetti għar-reġim tad-dixxiplina tas-saldu, ma jinkorrix f’kostijiet ta’ implimentazzjoni darbtejn f’każ li dawk ir-regoli jiġu emendati bħala riżultat tar-rieżami tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.
|
|
(61)
|
Jenħtieġ li t-tħaddim ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT ma jdgħajjifx il-politiki dwar il-klima tal-Istati Membri. Għalhekk, huwa importanti li jitħeġġeġ aktar l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ reġistru distribwit b’emissjonijiet żero jew baxxi jew mingħajr emissjonijiet, kif ukoll l-investiment f’tali teknoloġiji,
|
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2022.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
B. LE MAIRE
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|