2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li xerrej tal-kreditu ma jkunx soġġett għal xi rekwiżiti addizzjonali għax-xiri ta’ drittijiet tal-kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, minbarra kif previst mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-liġi kuntrattwali, il-liġi ċivili jew il-liġi kriminali applikabbli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali rilevanti li jikkonċernaw b’mod partikolari l-infurzar ta’ kuntratti, il-protezzjoni tal-konsumaturi, id-drittijiet tal-mutwatarji, l-oriġinazzjoni tal-kreditu, ir-regoli tas-sigriet bankarju u l-liġi kriminali jkomplu japplikaw għax-xerrej tal-kreditu mat-trasferiment tad-drittijiet tal-kreditur skont il-kuntratt ta’ kreditu, jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, għax-xerrej tal-kreditu. Il-livell ta’ protezzjoni previst skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali lill-konsumaturi u lil mutwatarji oħra, kif ukoll ir-regoli dwar l-insolvenza, ma għandux jiġi affettwat mit-trasferiment tad-drittijiet tal-kreditur skont il-kuntratt ta’ kreditu, jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, lix-xerrej tal-kreditu, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali u internazzjonali dwar iċ-ċedoli u l-kambjali.