+Artikolu 7 1.

Artikolu 7 1.

L-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE ta’ titolizzazzjoni għandu, f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jagħmlu disponibbli tal-inqas l-informazzjoni li ġejja għad-detenturi ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni, għall-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 29 u, fuq talba, għal investituri potenzjali:

(a) 

informazzjoni dwar l-iskoperturi sottostanti fuq bażi trimestrali jew, fil-każ ta’ ABCP, informazzjoni dwar ir-riċevibbli sottostanti jew il-pretensjonijiet ta’ kreditu fuq bażi ta’ kull xahar;

(b) 

kull dokumentazzjoni sottostanti li hija essenzjali għall-fehim tat-tranżazzjoni, inklużi iżda mhux limitati għal, fejn applikabbli, id-dokumenti li ġejjin:

(i) 

id-dokument tal-offerta finali jew il-prospett flimkien mad-dokumenti tat-tranżazzjoni ta’ għeluq, esklużi opinjonijiet ġuridiċi;

(ii) 

għal titolizzazzjoni tradizzjonali, il-ftehim ta’ bejgħ ta’ assi, l-assenjament, in-novazzjoni jew il-ftehim ta’ trasferiment u kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ fiduċja;

(iii) 

il-ftehimiet tad-derivattivi u tal-garanzija, kif ukoll kwalunkwe dokument rilevanti dwar l-arranġamenti ta’ kollateralizzazzjoni li fihom l-iskoperturi titolizzati jibqgħu skoperturi tal-oriġinatur;

(iv) 

il-ftehimiet ta’ ġestjoni (servicing), ġestjoni ta’ riserva, amministrazzjoni u mmaniġġar tal-flus;

(v) 

l-att fiduċjarju, l-att ta’ sikurezza, il-ftehim tal-aġenzija, il-ftehim tal-kont tal-bank, il-kuntratt ta’ investiment garantit, it-termini inkorporati jew il-qafas fiduċjarju prinċipali jew il-ftehim ta’ definizzjonijiet prinċipali jew dokumentazzjoni legali bħal din b’valur legali ekwivalenti;

(vi) 

kwalunkwe ftehim rilevanti bejn il-kredituri, dokumenti dwar id-derivattivi, ftehimiet ta’ self subordinat, ftehimiet ta’ self għall-bidu ta’ negozju u ftehimiet ta’ faċilità ta’ likwidità;

Dik id-dokumentazzjoni sottostantigħandha tinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-prijorità tal-pagamenti tat-titolizzazzjoni;

(c) 

meta ma jkunx tfassal prospett skont id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ), sommarju tat-tranżazzjonijiet jew ħarsa ġenerali lejn il-karatteristiċi ewlenin tat-titolizzazzjoni, inklużi, fejn applikabbli:

(i) 

dettalji dwar l-istruttura tal-ftehim, inklużi d-dijagrammi tal-istruttura li fihom ħarsa ġenerali lejn it-tranżazzjoni, il-flussi tal-flus u l-istruttura tas-sjieda;

(ii) 

dettalji dwar il-karatteristiċi tal-iskopertura, il-flussi tal-flus, il-kaskata ta’ telf, it-titjib tal-kreditu u l-karatteristiċi tal-appoġġ ta’ likwidità;

(iii) 

dettalji dwar id-drittijiet tal-vot tad-detenturi ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni u r-relazzjoni tagħhom ma’ kredituri titolizzati oħrajn;

(iv) 

lista tal-ixkattaturi u l-avvenimenti kollha msemmijin fid-dokumenti pprovduti skont il-punt (b) li jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-prestazzjoni tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni;

(d) 

fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet STS, in-notifika STS imsemmija fl-Artikolu 27;

(e) 

rapporti trimestrali għall-investituri jew, fil-każ ta’ ABCP, rapporti ta’ kull xahar għall-investituri, li jkun fihom dawn li ġejjin:

(i) 

id-data materjalment rilevanti kollha dwar il-kwalità kreditizja u l-prestazzjoni tal-iskoperturi sottostanti;

(ii) 

informazzjoni dwar avvenimenti li jiskattaw bidliet fil-prijorità ta’ pagamenti jew is-sostituzzjoni ta’ xi kontroparti, u, fil-każ ta’ titolizzazzjoni li mhix tranżazzjoni ABCP, data fuq il-flussi tal-flus iġġenerati mill-iskoperturi sottostanti u mill-obbligazzjonijiet tat-titolizzazzjoni;

(iii) 

informazzjoni dwar ir-riskju miżmum, inkluż informazzjoni dwar liema mill-modalitajiet previsti fl-Artikolu 6(3) ġiet applikata, f’konformità mal-Artikolu 6.

(f) 

kwalunkwe informazzjoni privileġġjata b’rabta mat-titolizzazzjoni li l-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE hu obbligat jagħmel pubblika skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ) dwar abbuż minn informazzjoni privileġġjata u manipulazzjoni tas-suq;

(g) 

meta ma jkunx japplika l-punt (f), kwalunkwe avveniment sinifikanti bħal:

(i) 

ksur materjali tal-obbligi previst fid-dokumenti magħmula disponibbli skont il-punt (b), inklużi kwalunkwe rimedju, rinunzja jew kunsens li jiġu pprovduti wara b’rabta mat-tali ksur;

(ii) 

bidla fil-karatteristiċi strutturali li tista’ tħalli impatt materjali fuq il-prestazzjoni tat-titolizzazzjoni;

(iii) 

bidla fil-karatteristiċi tar-riskju tat-titolizzazzjoni jew tal-iskoperturi sottostanti li jista’ jkollha impatt materjali fuq il-prestazzjoni tat-titolizzazzjoni;

(iv) 

fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet STS, meta t-titolizzazzjoni ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti STS jew meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu ħadu azzjonijiet ta’ rimedju jew amministrattivi;

(v) 

kwalunkwe emenda materjali għad-dokumenti ta’ tranżazzjoni.

L-informazzjoni deskritta fil-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun disponibbli qabel l-ipprezzar.

L-informazzjoni deskritta fil-punti (a) u (e) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun disponibbli simultanjament kull trimestru mhux iktar tard minn xahar wara d-data li fiha jrid jitħallas l-imgħax jew, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ABCP, mhux iktar tard minn xahar wara tmiem il-perijodu kopert mir-rapport.

Fil-każ ta’ ABCP, l-informazzjoni deskritta fil-punti (a), (c)(ii) u (e)(i) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun disponibbli f’forma aggregata għal detenturi ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni u, fuq talba, għal investituri potenzjali. Id-data f’livell ta’ self għandha tkun disponibbli għall-isponsor u, fuq talba, għall-awtoritajiet kompetenti.

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-informazzjoni deskritta fil-punti (f) u (g) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun disponibbli mingħajr dewmien.

Meta jikkonforma ma’ dan il-paragrafu, l-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE ta’ titolizzazzjoni għandhom jikkonformaw mal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni li tirregola l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u l-ipproċessar tad-data personali sabiex jiġi evitat ksur potenzjali ta’ tali liġi kif ukoll kwalunkwe obbligu ta’ kunfidenzjalità rigward informazzjoni dwar klijenti, mutwanti oriġinali jew debituri, sakemm tali informazzjoni kunfidenzjali ma tkunx anonimizzata jew aggregata.

B’mod partikolari, fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu l-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE jistgħu jipprovdu sinteżi tad-dokumentazzjoni kkonċernata.

L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 29 għandhom ikunu jistgħu jitolbu l-forniment lilhom ta’ tali informazzjoni kunfidenzjali sabiex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom skont dan ir-Regolament.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 09.04.2021 00:00:00 -Doknr: CELEX:32017R2402
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.