+Artikolu 7 Rekwiżiti ta’ trasparenza għall-oriġinaturi, għall-isponsors u għall-SSPEs
---+Artikolu 7 1.
---+Artikolu 7 2.
---+Artikolu 7 3.
---+Artikolu 7 4.

Artikolu 7 Rekwiżiti ta’ trasparenza għall-oriġinaturi, għall-isponsors u għall-SSPEs

Rekwiżiti ta’ trasparenza għall-oriġinaturi, għall-isponsors u għall-SSPEs

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 7 1.

L-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE ta’ titolizzazzjoni għandu, f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jagħmlu disponibbli tal-inqas l-informazzjoni li ġejja għad-detenturi ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni, għall-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 29 u, fuq talba, għal investituri potenzjali:

(a) 

informazzjoni dwar l-iskoperturi sottostanti fuq bażi trimestrali jew, fil-każ ta’ ABCP, informazzjoni dwar ir-riċevibbli sottostanti jew il-pretensjonijiet ta’ kreditu fuq bażi ta’ kull xahar;

(b) 

kull dokumentazzjoni sottostanti li hija essenzjali għall-fehim tat-tranżazzjoni, inklużi iżda mhux limitati għal, fejn applikabbli, id-dokumenti li ġejjin:

(i) 

id-dokument tal-offerta finali jew il-prospett flimkien mad-dokumenti tat-tranżazzjoni ta’ għeluq, esklużi opinjonijiet ġuridiċi;

(ii) 

għal titolizzazzjoni tradizzjonali, il-ftehim ta’ bejgħ ta’ assi, l-assenjament, in-novazzjoni jew il-ftehim ta’ trasferiment u kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ fiduċja;

(iii) 

il-ftehimiet tad-derivattivi u tal-garanzija, kif ukoll kwalunkwe dokument rilevanti dwar l-arranġamenti ta’ kollateralizzazzjoni li fihom l-iskoperturi titolizzati jibqgħu skoperturi tal-oriġinatur;

(iv) 

il-ftehimiet ta’ ġestjoni (servicing), ġestjoni ta’ riserva, amministrazzjoni u mmaniġġar tal-flus;

(v) 

l-att fiduċjarju, l-att ta’ sikurezza, il-ftehim tal-aġenzija, il-ftehim tal-kont tal-bank, il-kuntratt ta’ investiment garantit, it-termini inkorporati jew il-qafas fiduċjarju prinċipali jew il-ftehim ta’ definizzjonijiet prinċipali jew dokumentazzjoni legali bħal din b’valur legali ekwivalenti;

(vi) 

kwalunkwe ftehim rilevanti bejn il-kredituri, dokumenti dwar id-derivattivi, ftehimiet ta’ self subordinat, ftehimiet ta’ self għall-bidu ta’ negozju u ftehimiet ta’ faċilità ta’ likwidità;

Dik id-dokumentazzjoni sottostantigħandha tinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-prijorità tal-pagamenti tat-titolizzazzjoni;

(c) 

meta ma jkunx tfassal prospett skont id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ), sommarju tat-tranżazzjonijiet jew ħarsa ġenerali lejn il-karatteristiċi ewlenin tat-titolizzazzjoni, inklużi, fejn applikabbli:

(i) 

dettalji dwar l-istruttura tal-ftehim, inklużi d-dijagrammi tal-istruttura li fihom ħarsa ġenerali lejn it-tranżazzjoni, il-flussi tal-flus u l-istruttura tas-sjieda;

(ii) 

dettalji dwar il-karatteristiċi tal-iskopertura, il-flussi tal-flus, il-kaskata ta’ telf, it-titjib tal-kreditu u l-karatteristiċi tal-appoġġ ta’ likwidità;

(iii) 

dettalji dwar id-drittijiet tal-vot tad-detenturi ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni u r-relazzjoni tagħhom ma’ kredituri titolizzati oħrajn;

(iv) 

lista tal-ixkattaturi u l-avvenimenti kollha msemmijin fid-dokumenti pprovduti skont il-punt (b) li jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-prestazzjoni tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni;

(d) 

fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet STS, in-notifika STS imsemmija fl-Artikolu 27;

(e) 

rapporti trimestrali għall-investituri jew, fil-każ ta’ ABCP, rapporti ta’ kull xahar għall-investituri, li jkun fihom dawn li ġejjin:

(i) 

id-data materjalment rilevanti kollha dwar il-kwalità kreditizja u l-prestazzjoni tal-iskoperturi sottostanti;

(ii) 

informazzjoni dwar avvenimenti li jiskattaw bidliet fil-prijorità ta’ pagamenti jew is-sostituzzjoni ta’ xi kontroparti, u, fil-każ ta’ titolizzazzjoni li mhix tranżazzjoni ABCP, data fuq il-flussi tal-flus iġġenerati mill-iskoperturi sottostanti u mill-obbligazzjonijiet tat-titolizzazzjoni;

(iii) 

informazzjoni dwar ir-riskju miżmum, inkluż informazzjoni dwar liema mill-modalitajiet previsti fl-Artikolu 6(3) ġiet applikata, f’konformità mal-Artikolu 6.

(f) 

kwalunkwe informazzjoni privileġġjata b’rabta mat-titolizzazzjoni li l-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE hu obbligat jagħmel pubblika skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ) dwar abbuż minn informazzjoni privileġġjata u manipulazzjoni tas-suq;

(g) 

meta ma jkunx japplika l-punt (f), kwalunkwe avveniment sinifikanti bħal:

(i) 

ksur materjali tal-obbligi previst fid-dokumenti magħmula disponibbli skont il-punt (b), inklużi kwalunkwe rimedju, rinunzja jew kunsens li jiġu pprovduti wara b’rabta mat-tali ksur;

(ii) 

bidla fil-karatteristiċi strutturali li tista’ tħalli impatt materjali fuq il-prestazzjoni tat-titolizzazzjoni;

(iii) 

bidla fil-karatteristiċi tar-riskju tat-titolizzazzjoni jew tal-iskoperturi sottostanti li jista’ jkollha impatt materjali fuq il-prestazzjoni tat-titolizzazzjoni;

(iv) 

fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet STS, meta t-titolizzazzjoni ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti STS jew meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu ħadu azzjonijiet ta’ rimedju jew amministrattivi;

(v) 

kwalunkwe emenda materjali għad-dokumenti ta’ tranżazzjoni.

L-informazzjoni deskritta fil-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun disponibbli qabel l-ipprezzar.

L-informazzjoni deskritta fil-punti (a) u (e) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun disponibbli simultanjament kull trimestru mhux iktar tard minn xahar wara d-data li fiha jrid jitħallas l-imgħax jew, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ABCP, mhux iktar tard minn xahar wara tmiem il-perijodu kopert mir-rapport.

Fil-każ ta’ ABCP, l-informazzjoni deskritta fil-punti (a), (c)(ii) u (e)(i) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun disponibbli f’forma aggregata għal detenturi ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni u, fuq talba, għal investituri potenzjali. Id-data f’livell ta’ self għandha tkun disponibbli għall-isponsor u, fuq talba, għall-awtoritajiet kompetenti.

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-informazzjoni deskritta fil-punti (f) u (g) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun disponibbli mingħajr dewmien.

Meta jikkonforma ma’ dan il-paragrafu, l-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE ta’ titolizzazzjoni għandhom jikkonformaw mal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni li tirregola l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u l-ipproċessar tad-data personali sabiex jiġi evitat ksur potenzjali ta’ tali liġi kif ukoll kwalunkwe obbligu ta’ kunfidenzjalità rigward informazzjoni dwar klijenti, mutwanti oriġinali jew debituri, sakemm tali informazzjoni kunfidenzjali ma tkunx anonimizzata jew aggregata.

B’mod partikolari, fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu l-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE jistgħu jipprovdu sinteżi tad-dokumentazzjoni kkonċernata.

L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 29 għandhom ikunu jistgħu jitolbu l-forniment lilhom ta’ tali informazzjoni kunfidenzjali sabiex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 7 2.
L-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE ta’ titolizzazzjoni għandhom jaħtru bejniethom entità waħda li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni skont il-punti (a), (b), (d), (e), (f) u (g) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

L-entità maħtura skont l-ewwel subparagrafu għandha tagħmel l-informazzjoni għal tranżazzjoni ta’ titolizzazzjoni disponibbli permezz ta’ repożitorju tat-titolizzazzjoni.

L-obbligi msemmija fit-tieni u r-raba’ subparagrafi ma japplikawx għal titolizzazzjonijiet fejn ma jeħtieġ li jitfassal l-ebda prospett f’konformità mad-Direttiva 2003/71/KE.

Meta ma jkun irreġistrat l-ebda repożitorju tat-titolizzazzjoni skont l-Artikolu 10, l-entità maħtura biex tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tagħmel l-informazzjoni disponibbli permezz ta’ sit web:

(a) 

jinkludi sistema ta’ kontroll tal-kwalità tad-data li taħdem kif suppost;

(b) 

huwa soġġett għal standards ta’ governanza xierqa u għaż-żamma u l-operat ta’ struttura organizzattiva xierqa li tiżgura l-kontinwità u l-funzjonament kif suppost tas-sit web;

(c) 

huwa soġġett għal sistemi, kontrolli u proċeduri xierqa li jidentifikaw is-sorsi rilevanti kollha ta’ riskju operazzjonali;

(d) 

jinkludi sistemi li jiżguraw il-protezzjoni u l-integrità tal-informazzjoni riċevuta u r-reġistrazzjoni minnufih tal-informazzjoni; u

(e) 

jagħmilha possibbli li jinżamm reġistru tal-informazzjoni għal tal-inqas ħames snin wara d-data ta’ maturità tat-titolizzazzjoni.

L-entità responsabbli għar-rapportar tal-informazzjoni, u r-repożitorju tat-titolizzazzjoni fejn tkun disponibbli l-informazzjoni għandha tkun indikata fid-dokumentazzjoni rigward it-titolizzazzjoni.

Artikolu 7 3.
L-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u l-EIOPA, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE għandhom jipprovdu sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-punti (a) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 b’kont meħud tal-utilità tal-informazzjoni għad-detentur tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni, jekk il-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni hix għal żmien qasir u, fil-każ ta’ tranżazzjoni ABCP, jekk hix appoġġata b’mod sħiħ minn sponsor;

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Jannar 2019.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament bl-adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 7 4.
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi ta’ applikazzjoni għall-informazzjoni li għandha tiġi speċifikata skont il-paragrafu 3, l-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u l-EIOPA, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-format tagħhom permezz ta’ mudelli standardizzati.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Jannar 2019.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 09.04.2021 00:00:00 -Doknr: CELEX:32017R2402
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.