1. F’każijiet fejn jintuża l-metodu ta’ konsolidazzjoni previst fl-Artikolu 22(8) u (9) tad-Direttiva 2013/34/UE skont il-punt (b) tal-Artikolu 18(3) jew (6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, istituzzjoni tista’ tinkludi l-entrati tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni u l-istrumenti kapitali tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali u l-kontijiet tal-primjum azzjonarju relatati tal-impriżi inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni prudenzjali tal-konsolidazzjoni li jkunu jappartjenu għal persuni għajr dawk l-impriżi fil-kapital konsolidat tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, u tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali, dment li dawk l-entrati kapitali jkunu disponibbli biex ikopru t-telf tal-impriżi kollha inklużi fil-konsolidazzjoni.
Meta l-entrati tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni u l-istrumenti kapitali tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali u l-kontijiet tal-primjum azzjonarju relatati msemmija fl-ewwel subparagrafu ma jkunux disponibbli biex ikopru t-telf tal-impriżi kollha inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni prudenzjali tal-konsolidazzjoni, l-istituzzjoni għandha tiddetermina l-ammont tal-entrati tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni u tal-istrumenti kapitali tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali u l-kontijiet tal-primjum azzjonarju relatati li għandhom jiġu inklużi fil-kapital konsolidat tal-Grad 1, u tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali, f’konformità mal-Artikoli minn 81 sa 88 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.