+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 94(2) tagħha,

Billi:

(1)

Mhux biss l-attivitajiet professjonali tal-membri tal-persunal imsemmija fl-Artikolu 92(3), il-punti (a), (b) u (c) tad-Direttiva 2013/36/UE jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni, iżda wkoll l-attivitajiet professjonali ta’ membri tal-persunal oħrajn. Dan ikun b’mod partikolari l-każ fejn tali membri tal-persunal ikollhom responsabbiltajiet maniġerjali għall-unitajiet tan-negozju materjali jew għall-funzjonijiet ta’ kontroll minħabba li jistgħu jagħmlu deċiżjonijiet strateġiċi jew deċiżjonijiet oħrajn fundamentali li għandhom impatt fuq l-attivitajiet tan-negozju jew fuq il-qafas ta’ kontroll applikat. Tali funzjonijiet ta’ kontroll jinkludu, tipikament, il-ġestjoni tar-riskju, il-verifika tal-konformità u l-awditjar intern. Ir-riskji meħuda mill-unitajiet tan-negozju materjali u l-mod li bih dawn l-unitajiet jiġu ġestiti huma l-aktar fatturi importanti għall-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni.

(2)

Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji biex jiġu identifikati l-membri tal-persunal, apparti l-membri tal-persunal imsemmija fl-Artikolu 92(3), il-punti (a), (b) u (c) tad-Direttiva 2013/36/UE, li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Dawn il-kriterji għandhom iqisu l-awtorità u r-responsabbiltajiet ta’ tali membri tal-persunal, l-indikaturi tal-prestazzjoni u l-profil tar-riskju tal-istituzzjoni, l-organizzazzjoni interna tal-istituzzjoni, u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-istituzzjoni kkonċernata. Dawk il-kriterji għandhom ukoll jippermettu lill-istituzzjonijiet jistabbilixxu inċentivi kif suppost fil-politiki ta’ rimunerazzjoni tagħhom biex jiżguraw li l-membri tal-persunal ikkonċernati jaġixxu b’mod prudenti fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. Fl-aħħar nett, dawk il-kriterji għandhom jirriflettu l-livell tar-riskju tal-attivitajiet differenti fl-ambitu tal-istituzzjonijiet.

(3)

Xi membri tal-persunal huma responsabbli mill-għoti ta’ appoġġ intern li huwa kruċjali għall-operat tal-attivitajiet ta’ negozju ta’ istituzzjoni. L-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tagħhom jista’ jkollhom ukoll impatt materjal fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni, għaliex l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tagħhom jaf jesponu lill-istituzzjoni għal riskji operazzjonali materjali u għal riskji oħra.

(4)

Tipikament, wieħed jidħol f’riskju tal-kreditu u riskju tas-suq sabiex jiġi ġġenerat operat. Skont l-ammonti u r-riskji involuti, tali attivitajiet ta’ negozju jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni. Għaldaqstant huwa xieraq li jintużaw kriterji bbażati fuq limiti ta’ awtorità biex jiġu identifikati l-membri tal-persunal li l-attivitajiet tagħhom jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni. Dawk il-kriterji għandhom jiġu kkalkulati minn tal-anqas kull sena abbażi ta’ ċifri ta’ kapital u approċċi użati għal skopijiet regolatorji. Madankollu, għandu jiġi applikat livell limitu de minimis għal riskji ta’ kreditu sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni proporzjonata tal-kriterji f’istituzzjonijiet żgħar.

(5)

Il-kriterji biex jiġu identifikati l-membri tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni jenħtieġ ukoll iqisu li għal xi istituzzjonijiet, ir-rekwiżiti relatati mal-portafoll tan-negozjar jistgħu jiġu rinunzjati skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u li f’dak ir-Regolament il-limiti huma stabbiliti b’modi differenti fil-każ ta’ istituzzjonijiet li jużaw approċċi differenti biex jikkalkolaw ir-rekwiżiti tal-kapital.

(6)

Kriterji kwalitattivi xierqa jenħtieġ li jiżguraw li l-membri tal-persunal jiġu identifikati bħala li għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni fil-każijiet li fihom ikunu responsabbli għal gruppi tal-persunal li l-attivitajiet tagħhom jistgħu jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Dan jinkludi sitwazzjonijiet li fihom l-attivitajiet tal-membri individwali tal-persunal taħt il-ġestjoni tagħhom ma jkollhomx b’mod individwali impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni iżda l-iskala globali tal-attivitajiet tagħhom jista’ jkollha tali impatt.

(7)

Ir-rimunerazzjoni totali tal-membri tal-persunal tipikament tiddependi fuq il-kontribut li l-persunal jagħti għall-kisba b’suċċess tal-objettivi tal-operat tal-istituzzjoni. Għaldaqstant dik ir-rimunerazzjoni tiddependi fuq ir-responsabbiltajiet, il-kompiti, l-abbiltajiet u l-ħiliet tal-membri tal-persunal, kif ukoll fuq il-prestazzjoni tal-membri tal-persunal u tal-istituzzjoni. Fil-każijiet li fihom membru tal-persunal jingħata rimunerazzjoni totali li taqbeż ċertu livell limitu, huwa raġonevoli li wieħed jissoponi li tali rimunerazzjoni hija marbuta mal-kontribut tal-membru tal-persunal għall-objettivi tal-operat tal-istituzzjoni u għalhekk, għall-impatt tal-attivitajiet professjonali tal-membru tal-persunal fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Għalhekk huwa xieraq li jintużaw il-kriterji kwantitattivi relatati mar-rimunerazzjoni totali ta’ membru tal-persunal, kemm f’termini assoluti kif ukoll b’rabta ma’ membri oħra tal-persunal fl-istess istituzzjoni, biex jiġi determinat jekk l-attivitajiet professjonali ta’ tali membru tal-persunal jistax ikollu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni.

(8)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli limitu ċari u xierqa biex jiġi identifikat il-persunal li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Għandu jkun mistenni li l-istituzzjonijiet japplikaw il-kriterji kwantitattivi f’waqthom. Il-kriterji kwantitattivi jenħtieġ li jimxu skont l-iżviluppi fir-rimunerazzjoni biex ikunu realistiċi. Metodu wieħed biex tali żviluppi jiġu segwiti huwa li dawk il-kriterji jkunu bbażati fuq ir-rimunerazzjoni totali mogħtija fis-sena ta’ prestazzjoni preċedenti, li tinkludi r-rimunerazzjoni fissa mħallsa għal dik is-sena ta’ prestazzjoni, u r-rimunerazzjoni varjabbli mogħtija f’dik is-sena ta’ prestazzjoni. It-tieni metodu biex tali żviluppi jiġu segwiti huwa li dawk il-kriterji jkunu bbażati fuq ir-rimunerazzjoni totali mogħtija għas-sena ta’ prestazzjoni preċedenti, li tinkludi r-rimunerazzjoni fissa mħallsa għal dik is-sena ta’ prestazzjoni u r-rimunerazzjoni varjabbli mogħtija fis-sena ta’ prestazzjoni attwali għas-sena finanzjarja preċedenti. It-tieni metodu jipprevedi allinjament aħjar tal-proċess ta’ identifikazzjoni mar-rimunerazzjoni effettiva mogħtija għal perjodu ta’ prestazzjoni, iżda jista’ jiġi applikat biss meta jkun għadu possibbli li jsir kalkolu f’waqtu għall-applikazzjoni tal-kriterji kwantitattivi. Fil-każijiet li fihom tali kalkolu ma jkunx aktar possibbli, jenħtieġ li jintuża l-ewwel metodu. Kemm skont l-ewwel metodu kif ukoll skont it-tieni, ir-rimunerazzjoni varjabbli tista’ tinkludi ammonti li jingħataw abbażi ta’ perjodi ta’ prestazzjoni li jkunu itwal minn sena, skont il-kriterji tal-prestazzjoni użati mill-istituzzjoni.

(9)

L-Artikolu 92(3) tad-Direttiva 2013/36/UE jistabbilixxi livell limitu kwantitattiv ta’ EUR 500 000 flimkien mar-rimunerazzjoni medja mogħtija lill-membri tal-korp ta’ ġestjoni tal-istituzzjoni u l-maniġment superjuri għall-identifikazzjoni tal-persunal li l-attivitajiet tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ unità tan-negozju materjali. Ir-rimunerazzjoni li tkun aktar minn dak il-livell limitu kwantitattiv jew li tammonta għal waħda mill-ogħla remunerazzjonijiet fl-istituzzjoni tistabbilixxi għalhekk preżunzjoni qawwija li l-attivitajiet tal-persunal li jirċievu tali rimunerazzjoni għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni, u li f’dak il-każ, jenħtieġ li jiġi applikat aktar skrutinju superviżorju biex jiġi stabbilit jekk l-attivitajiet professjonali ta’ tali membri tal-persunal għandhomx impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni.

(10)

Jenħtieġ li l-membri tal-persunal ma jkunux soġġetti għall-Artikolu 94 tad-Direttiva 2013/36/UE li permezz tiegħu l-istituzzjonijiet jistabbilixxu fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi addizzjonali li l-attivitajiet ta’ tali membri tal-persunal fil-fatt ma jkollhomx impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni, filwaqt li jqisu r-riskji kollha li l-istituzzjoni hija jew tista’ tkun esposta għalihom. Biex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ dawk il-kriterji oġġettivi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti japprovaw l-esklużjoni tal-membri tal-persunal li jaqilgħu l-aktar, li jiġu identifikati skont il-kriterji kwantitattivi. Għall-membri tal-persunal li jingħataw aktar minn EUR 1 000 000 (persuni li jaqilgħu pagi għoljin), jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jinfurmaw lill-Awtorità Bankarja Ewropea (“EBA”) qabel japprovaw l-esklużjonijiet, sabiex l-EBA tkun tista’ tivvaluta l-applikazzjoni konsistenti ta’ dawk il-kriterji.

(11)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-awdituri jkunu jistgħu jwettqu rieżami tal-valutazzjonijiet imwettqa mill-istituzzjonijiet biex jidentifikaw lill-persunal tagħhom li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profili tar-riskju tagħhom, huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet iżommu rekord tal-valutazzjonijiet li jkunu saru u tar-riżultati tagħhom, inklużi tal-persunal li jkun ġie identifikat skont kriterji bbażati fuq ir-rimunerazzjoni totali tiegħu iżda li l-attivitajiet professjonali tiegħu jiġu vvalutati bħala li ma għandhomx impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni.

(12)

Jenħtieġ li r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 604/2014 (3) jitħassar. Jenħtieġ li madankollu d-ditti tal-investiment kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma jġarrbux kostijiet mhux ġustifikati meta jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 604/2014 jibqa’ japplika għal tali ditti sas-26 ta’ Ġunju 2021, data sa meta l-Istati Membri jridu jadottaw u jippubblikaw il-miżuri biex jikkonformaw mad-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(13)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-EBA lill-Kummissjoni.

(14)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 09.06.2021 00:00:00 -Doknr: CELEX:32021R0923
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.