+Artikolu 9 Obbligi ta' governanza tal-prodotti għad-ditti tal-investiment li jimmanifatturaw strumenti finanzjarji
---+Artikolu 9 1.
---+Artikolu 9 2.
---+Artikolu 9 3.
---+Artikolu 9 4.
---+Artikolu 9 5.
---+Artikolu 9 6.
---+Artikolu 9 7.
---+Artikolu 9 8.
---+Artikolu 9 9.
---+Artikolu 9 10.
---+Artikolu 9 11.
---+Artikolu 9 12.
---+Artikolu 9 13.
---+Artikolu 9 14.
---+Artikolu 9 15.

Artikolu 9 Obbligi ta' governanza tal-prodotti għad-ditti tal-investiment li jimmanifatturaw strumenti finanzjarji

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 9 1.
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment ikunu konformi ma' dan l-Artikolu meta jimmanifatturaw strumenti finanzjarji, inklużi l-ħolqien, l-iżvilupp, l-emittenza u/jew it-tfassil ta' strumenti finanzjarji.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lid-ditti tal-investiment li jimmanifatturaw strumenti finanzjarji biex jikkonformaw, b'mod li huwa xieraq u proporzjonat, mar-rekwiżiti rilevanti fil-paragrafi 2 sa 15, waqt li titqies in-natura tal-istrument finanzjarju, is-servizz tal-investiment u s-suq fil-mira għall-prodott.

Artikolu 9 2.
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti tal-investiment jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu proċeduri u miżuri biex jiżguraw li l-manifattura tal-istrumenti finanzjarji tkun konformi mar-rekwiżiti tal-ġestjoni xierqa tal-kunflitti ta' interess, inkluża r-remunerazzjoni. B'mod partikolari, id-ditti tal-investiment li jimmanifatturaw l-istrumenti finanzjarji għandhom jiżguraw li t-tfassil tal-istrument finanzjarju, inkluż il-karatteristiċi tiegħu, ma jaffettwax ħażin lill-klijenti finali jew iwassal għal problemi fl-integrità tas-suq billi jippermetti lid-ditta timmitiga u/jew tiddisponi mir-riskji proprji tagħha jew l-iskopertura għall-assi sottostanti tal-prodott, meta d-ditta tal-investiment diġà żżomm l-assi sottostanti f'isimha stess.
Artikolu 9 3.

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti tal-investiment janalizzaw il-kunflitti ta' interess potenzjali kull darba li jiġi mmanifatturat strument finanzjarju. B'mod partikolari, id-ditti għandhom jivvalutaw jekk l-istrument finanzjarju joħloqx sitwazzjoni fejn il-klijenti finali jistgħu jkunu affettwati ħażin jekk jieħdu:

(a) 

skopertura li hija l-oppost għal dik miżmuma preċedentement mid-ditta stess; jew

(b) 

skopertura li hija l-oppost għal dik li d-ditta tixtieq iżżomm wara l-bejgħ tal-prodott.

Artikolu 9 4.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment iqisu jekk l-istrument finanzjarju jistax jirrappreżenta theddida għall-funzjonament ordnat jew għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji qabel jiddeċiedu li jipproċedu bit-tnedija tal-prodott.
Artikolu 9 5.
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jiżguraw li l-persunal rilevanti involut fil-manifattura tal-istrumenti finanzjarji jkollu l-kompetenza meħtieġa biex jifhem il-karatteristiċi u r-riskji tal-istrumenti finanzjarji li għandhom l-intenzjoni li jimmanifatturaw.
Artikolu 9 6.
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jiżguraw li l-korp maniġerjali jkollu kontroll effettiv fuq il-proċess ta' governanza tal-prodotti tad-ditta. Id-ditti tal-investiment għandhom jiżguraw li r-rapporti dwar il-konformità lill-korp maniġerjali jinkudu sistematikament l-informazzjoni dwar l-istrumenti finanzjarji mmanifatturati mid-ditta, inkluża l-informazzjoni dwar l-istrateġija tad-distribuzzjoni. Id-ditti tal-investiment għandhom jagħmlu r-rapporti disponibbi għall-awtorità kompetenti tagħhom meta din titlobhom.
Artikolu 9 7.
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jiżguraw li l-funzjoni tal-konformità tagħhom timmonitorja l-iżvilupp u r-rieżami perjodiku tal-arranġamenti ta' governanza tal-prodotti sabiex jiskopru kwalunkwe riskju ta' nuqqas ta' konformità mid-ditta mal-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu.
Artikolu 9 8.
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment, fejn dawn jikkollaboraw, inkluż ma' entitajiet li mhumiex awtorizzati u sorveljati skont id-Direttiva 2014/65/UE jew ditti minn pajjiżi terzi, li joħolqu, jiżviluppaw, jemettu u/jew ifasslu prodott, li dawn jiddeskrivu r-responsabbiltajiet reċiproki tagħhom bi ftehim bil-miktub.
Artikolu 9 9.
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li d-ditti tal-investiment jidentifikaw b’mod suffiċjentement preċiż is-suq fil-mira potenzjali għal kull strument finanzjarju u jispeċifikaw it-tip(i) ta’ klijent li mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tiegħu, inkluż kwalunkwe objettivi relatati mas-sostenibbiltà, huwa kompatibbli l-istrument finanzjarju. Bħala parti minn dan il-proċess, id-ditta għandha tidentifika kwalunkwe grupp(i) ta’ klijent li l-istrument finanzjarju ma jkunx kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tiegħu, ħlief jekk l-istrumenti finanzjarji jqisu l-fatturi tas-sostenibbiltà. Fejn id-ditti ta’ investiment jikkollaboraw biex jimmanifatturaw strument finanzjarju, ikollu bżonn jiġi identifikat suq fil-mira wieħed biss.

Id-ditti tal-investiment li jimmanifatturaw strumenti finanzjarji li huma distribwiti permezz ta' ditti tal-investiment oħrajn, għandhom jiddeterminaw il-ħtiġijiet u l-karatteristiċi tal-klijenti li l-prodott huwa kompatibbli magħhom fuq il-bażi tal-għarfien teoretiku tagħhom u l-esperjenza tal-imgħoddi bl-istrument finanzjarju jew strumenti finanzjarji simili, is-swieq finanzjarji u l-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi tal-klijenti aħħarin potenzjali.

Artikolu 9 10.

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti tal-investiment iwettqu analiżi tax-xenarji tal-istrumenti finanzjarji tagħhom li għandha tivvaluta r-riskji ta' riżultati ħżiena għall-klijenti finali, li joħloq il-prodott u f'liema ċirkostanzi jistgħu jseħħu dawn ir-riżultati. Id-ditti tal-investiment għandhom jivvalutaw l-istrument finanzjarju taħt kundizzjonijiet negattivi li jkopru x'jiġri jekk, pereżempju:

(a) 

l-ambjent tas-suq jiddeterjora;

(b) 

il-manifattur jew parti terza involuta fil-manifattura u/jew il-funzjonament tal-istrument finanzjarju jkollu diffikultajiet finanzjarji jew jimmaterjalizza riskju ta' kontraparti oħra;

(c) 

l-istrument finanzjarju ma jirnexxilux isir kummerċjalment vijabbli; jew

(d) 

id-domanda għall-istrument finanzjarju tkun ferm ogħla minn dik antiċipata, li tpoġġi piż fuq ir-riżorsi tad-ditta u/jew fuq is-suq tal-istrument sottostanti.

Artikolu 9 11.

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li d-ditti ta’ investiment jiddeterminaw jekk strument finanzjarju jissodisfax il-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi identifikati tas-suq fil-mira, inkluż bl-eżaminazzjoni tal-elementi li ġejjin:

(a) 

il-profil tar-riskji u l-gwadanji tal-istrument finanzjarju huwa konsistenti mas-suq fil-mira;

(b) 

jekk ikun rilevanti, il-fatturi tas-sostenibbiltà tal-istrument finanzjarju huma konsistenti mas-suq fil-mira;

(c) 

id-disinn tal-istrument finanzjarju huwa motivat minn karatteristiċi li jibbenefikaw lill-klijent u mhux minn xi mudell ta’ negozju li jiddependi fuq riżultati ħżiena għall-klijenti biex ikun profittabbli.

Artikolu 9 12.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-investiment iqisu l-istruttura tal-imposti proposta għall-istrument finanzjarju, inkluż permezz tal-eżaminazzjoni ta' dan li ġej:

(a) 

il-kostijiet u l-imposti tal-istrument finanzjarju huma kompatibbli mal-ħtiġijiet, l-objettivi u l-karatteristiċi tas-suq fil-mira;

(b) 

l-imposti ma jostakolawx l-aspettativi ta' redditu tal-istrument finanzjarju, bħal fejn l-kostijiet jew l-imposti jkunu ugwali, jeċċedu jew ineħħu kważi l-vantaġġi tat-taxxa kollha mistennija marbuta mal-istrument finanzjarju; u

(c) 

l-istruttura tal-imposti tal-istrument finanzjarju hija trasparenti b'mod xieraq għas-suq fil-mira, b'mod li ma taħbix l-imposti jew tkun kumplessa wisq biex tinftiehem.

Artikolu 9 13.
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jiżguraw li l-provvista ta' informazzjoni dwar strument finanzjarju lid-distributuri tinkludi informazzjoni dwar il-kanali xierqa għad-distribuzzjoni tal-istrument finanzjarju, il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodott u l-valutazzjoni tas-suq fil-mira u tkun ta' standard xieraq li tippermetti d-distributuri jifhmu u jirrakkomandaw jew ibigħu l-istrument finanzarju kif xieraq.

Il-fatturi tas-sostenibbiltà tal-istrument finanzjarju għandhom ikunu ppreżentati b’mod trasparenti u jipprovdu lid-distributuri l-informazzjoni rilevanti biex jikkunsidraw kif xieraq kwalunkwe objettiv relatat mas-sostenibbiltà tal-klijent jew tal-klijent potenzjali.

Artikolu 9 14.
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li d-ditti ta’ investiment regolarment jirrieżaminaw l-istrumenti finanzjarji li jimmanifatturaw, filwaqt li jqisu kwalunkwe avveniment li jista’ materjalment jaffettwa r-riskju potenzjali għas-suq fil-mira identifikat. Id-ditti tal-investiment għandhom iqisu jekk l-istrument finanzjarju jibqax konsistenti mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi, inkluż ma’ kwalunkwe objettiv relatat mas-sostenibbiltà, tas-suq fil-mira u jekk huwiex distribwit lis-suq fil-mira, jew jekk jilħaqx klijenti li l-istrument finanzjarju ma jkunx kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tagħhom.
Artikolu 9 15.

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment jirrieżaminaw l-istrumenti finanzjarji qabel ma jemettuhom jew iniduhom mill-ġdid, jekk jafux bi kwalunkwe avveniment li jista' jaffettwa materjalment ir-riskju potenzjali għall-investituri u f'intervalli regolari biex jivvalutaw jekk l-istrumenti finanzjarji humiex qegħdin jiffunzjonaw kif maħsub. Id-ditti tal-investiment għandhom jiddeterminaw ir-regolarità tar-rieżami tal-istrumenti finanzjarji tagħhom fuq il-bażi ta' fatturi rilevanti, inklużi fatturi marbutin mal-kumplessità jew in-natura innovattiva tal-istrateġiji ta' investiment li qed jintużaw. Id-ditti għandhom jidentifikaw ukoll avvenimenti kruċjali li jistgħu jaffettwaw ir-riskju potenzjali jew l-aspettativi ta' redditu tal-istrument finanzjarju, bħal:

(a) 

il-qbiż ta' livell limitu li se jaffettwa l-profil tar-redditu tal-istrument finanzjarju; jew

(b) 

is-solvenza ta' ċerti emittenti li t-titoli jew il-garanziji tagħhom jista' jkollhom impatt fuq il-prestazzjoni tal-istrument finanzjarju.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jseħħu avvenimenti bħal dawn, id-ditti tal-investiment jieħdu azzjoni xierqa li tista' tikkonsisti f'dan li ġej:

(a) 

li tiġi pprovduta kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-avveniment u l-konsegwenzi tiegħu fuq l-istrument finanzjarju lill-klijenti jew lid-distributuri tal-istrument finanzjarju jekk id-ditta ta' investiment ma toffrix jew ma tbigħx l-istrument finanzjarju direttament lill-klijenti;

(b) 

li jiġi mibdul il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti;

(c) 

li l-istrument finanzjarju ma jibqax jiġi emess;

(d) 

li l-istrument finanzjarju jiġi mibdul sabiex jiġu evitati termini kuntrattwali mhux ġusti;

(e) 

li jitqies jekk il-kanali tal-bejgħ li permezz tagħhom jinbiegħu l-istrumenti finanzjarji humiex xierqa meta d-ditti jaraw li l-istrument finanzjarju mhux qed jinbiegħ kif previst;

(f) 

li jsir kuntatt mad-distributur biex tiġi diskussa modifika tal-proċess tad-distribuzzjoni;

(g) 

li tintemm ir-relazzjoni mad-distributur; jew

(h) 

li tiġi informata l-awtorità kompetenti rilevanti.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 06.06.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32017L0593
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.