+Artikolu 9b Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport ta’ remunerazzjoni u d-dritt għall-vot dwar ir-rapport ta’ remunerazzjoni
---+Artikolu 9b 1.
---+Artikolu 9b 2.
---+Artikolu 9b 3.
---+Artikolu 9b 4.
---+Artikolu 9b 5.
---+Artikolu 9b 6.

Artikolu 9b Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport ta’ remunerazzjoni u d-dritt għall-vot dwar ir-rapport ta’ remunerazzjoni

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 9b 1.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija tfassal rapport ċar u li jiftiehem dwar ir-remunerazzjoni, li jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tar-remunerazzjoni, inklużi l-benefiċċji kollha f’kull forma, mogħtija jew dovuti matul is-sena finanzjarja l-aktar reċenti lid-diretturi individwali, inklużi lil diretturi rreklutati ġodda u lil diretturi preċedenti, f’konformità mal-politika ta’ remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 9a.

Meta applikabbli, ir-rapport ta’ remunerazzjoni għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja dwar ir-remunerazzjoni ta’ kull direttur individwali:

(a) 

ir-remunerazzjoni totali mogħtija jew imħallsa f’partijiet skont il-komponent, il-proporzjon relattiv tar-remunerazzjoni fissa u varjabbli, spjegazzjoni dwar kif ir-remunerazzjoni totali tikkonforma mal-politika ta’ remunerazzjoni adottata, inkluż kif tikkontribwixxi għall-prestazzjoni fit-tul tal-kumpanija, u informazzjoni dwar kif il-kriterji ta’ prestazzjoni ġew applikati;

(b) 

il-bidla annwali fir-remunerazzjoni, tal-prestazzjoni tal-kumpanija, u tar-remunerazzjoni medja fuq bażi ekwivalenti għall-full-time tal-impjegati tal-kumpanija minbarra d-diretturi matul mill-anqas il-ħames snin finanzjarji l-aktar reċenti, ippreżentati flimkien b’mod li jippermetti li jitqabblu;

(c) 

kull remunerazzjoni minn kull impriża li tappartjeni għall-istess grupp kif definit fil-punt (11) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 14 );

(d) 

l-għadd ta’ ishma u l-għażliet ta’ ishma mogħtija jew offruti, u l-kundizzjonijiet ewlenin għall-eżerċizzju tad-drittijiet inklużi l-prezz u d-data tal-eżerċizzju u kwalunkwe bidla li ssir fihom;

(e) 

informazzjoni dwar l-użu tal-possibbiltà li r-remunerazzjoni varjabbli tintalab lura;

(f) 

informazzjoni dwar kwalunkwe devjazzjoni mill-proċedura għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 9a(6) u dwar kwalunkwe deroga applikata f’konformità mal-Artikolu 9a(4), inkluża l-ispjegazzjoni tan-natura taċ-ċirkustanzi straordinarji u l-indikazzjoni tal-elementi speċifiċi li saret deroga minnhom.

Artikolu 9b 2.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji ma jinkludux fir-rapport ta’ remunerazzjoni kategoriji speċjali ta’ data personali ta’ diretturi individwali fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 15 ) jew data personali li tirreferi għas-sitwazzjoni familjari ta’ diretturi individwali.
Artikolu 9b 3.
Il-kumpaniji għandhom jipproċessaw id-data personali tad-diretturi inkluża fir-rapport ta’ remunerazzjoni skont dan l-Artikolu bl-iskop li tiżdied it-trasparenza korporattiva fir-rigward tar-remunerazzjoni tad-diretturi bl-għan li jissaħħu r-responsabbiltà tad-diretturi u s-sorveljanza tal-azzjonisti fuq ir-remunerazzjoni tad-diretturi.

Mingħajr preġudizzju għal xi perjodu itwal stabbilit b’xi atti leġiżlattivi tal-Unjoni speċifiċi għal ċertu settur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji ma jibqgħux jagħmlu disponibbli pubblikament, skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, id-data personali tad-diretturi inkluża fir-rapport ta’ remunerazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu wara 10 snin mill-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ remunerazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu bil-liġi l-ipproċessar tad-data personali tad-diretturi għal skopijiet oħra.

Artikolu 9b 4.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-laqgħa ġenerali annwali jkollha d-dritt torganizza votazzjoni konsultattiva dwar ir-rapport ta’ remunerazzjoni tas-sena finanzjarja l-aktar reċenti. Fir-rapport ta’ remunerazzjoni li jmiss, il-kumpanija għandha tispjega kif tqieset il-votazzjoni fil-laqgħa ġenerali.

Madankollu, għall-kumpaniji żgħar u medji kif definiti, rispettivament, fl-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 2013/34/UE, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu, bħala alternattiva għall-votazzjoni, li r-rapport ta’ remunerazzjoni tas-sena finanzjarja l-aktar reċenti jrid jiġi sottomess għal diskussjoni fil-laqgħa ġenerali annwali bħala punt separat tal-aġenda. Fir-rapport ta’ remunerazzjoni li jmiss, il-kumpanija għandha tispjega kif tqieset id-diskussjoni fil-laqgħa ġenerali.

Artikolu 9b 5.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(4), wara l-laqgħa ġenerali l-kumpaniji għandhom jagħmlu r-rapport ta’ remunerazzjoni disponibbli pubblikament fil-websajt tagħhom, bla ħlas, għal perjodu ta’ 10 snin, u jistgħu jagħżlu li jżommuh disponibbli għal perjodu itwal sakemm ma jkunx għadu fih id-data personali tad-diretturi. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandhom jiċċekkjaw li l-informazzjoni meħtieġa minn dan l-Artikolu tkun ġiet ipprovduta.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-diretturi tal-kumpanija, waqt li jaġixxu fil-limiti tal-qasam tal-kompetenza assenjat lilhom mil-liġi nazzjonali, ikollhom responsabbiltà kollettiva li jiżguraw li r-rapport ta’ remunerazzjoni jiġi mfassal u ppubblikat f’konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom dwar ir-responsabbiltà, tal-anqas lejn il-kumpanija, japplikaw għad-diretturi tal-kumpanija għal ksur tad-dmirijiet imsemmija f’dan il-paragrafu.

Artikolu 9b 6.
Il-Kummissjoni għandha, sabiex tiżgura l-armonizzazzjoni fir-rigward ta’ dan l-Artikolu, tadotta linji gwida biex tispeċifika l-preżentazzjoni standardizzata tal-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 09.01.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32007L0036
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.