9. Fuq talba ta’ CSD li jħaddem SS tad-DLT, l-awtorità kompetenti tista’ teżenta tali CSD mill-Artikolu 50, 51 jew 53 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, dment li tali CSD juri li l-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit huwa inkompatibbli mas-sistemi miruta ta’ CSDs oħra jew infrastrutturi oħra tas-suq jew li l-għoti ta’ aċċess lil CSD ieħor jew aċċess għal infrastruttura oħra tas-suq bl-użu ta’ sistemi miruta jkun jinvolvi kostijiet sproporzjonati, minħabba l-iskala tal-attivitajiet tal-SS tad-DLT.
Meta CSD li jħaddem SS tad-DLT ikun ġie eżentat f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, dan għandu jagħti lill-operaturi l-oħra tal-SS tad-DLT jew lill-operaturi l-oħra tat-TSSs tad-DLT aċċess lill-SS tad-DLT tiegħu. Is-CSD li jħaddem SS tad-DLT għandu jinforma lill-awtorità kompetenti bl-intenzjoni tiegħu li jagħti aċċess bħal dan. L-awtorità kompetenti tista’ tipprojbixxi tali aċċess sal-punt li tali aċċess ikun jagħmel ħsara lill-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, jew tas-sistema finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat.