L-awtoritajiet responsabbli mis-superviżjoni tal-impriżi individwali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fi ħdan grupp u s-superviżur ta’ grupp għandhom jikkooperaw mill-qrib, b’mod partikulari f’każijiet fejn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tintaqa’ ma’ diffikultajiet finanzjarji.
▼M5
Bil-għan li jiġi żgurat li l-awtoritajiet superviżorji, inkluż is-superviżur tal-grupp, ikollhom l-istess ammont ta' informazzjoni rilevanti disponibbli għalihom, bla ħsara għar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, u irrispettivament minn jekk humiex stabbiliti fl-istess Stat Membru, huma għandhom jipprovdu lil xulxin informazzjoni bħal din sabiex tkun tista' tippermetti u tiffaċilita t-twettiq tal-kompiti superviżorji tal-awtoritajiet l-oħra skont din id-Direttiva. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet superviżorji konċernati u s-superviżur tal-grupp għandhom jikkomunikaw ma' xulxin mingħajr dewmien l-informazzjoni rilevanti kollha malli din tkun disponibbli, jew jagħmlu skambju ta' informazzjoni meta jintalbu. L-informazzjoni msemmija f'dan is-subparagrafu tinkludi, iżda mhijiex limitata għal, informazzjoni dwar azzjonijiet tal-grupp u tal-awtoritajiet superviżuri, u informazzjoni pprovduta mill-grupp.
▼M1
Is-superviżur tal-grupp għandu jipprovdi lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati u l- AEAPX bl-informazzjoni dwar il-grupp, f’konformità mal-Artikolu 19, l-Artikolu 51(1) u l-Artikolu 254(2), b’mod partikulari fir-rigward tal-istruttura ġuridika u l-istruttura ta’ governanza u organizzattiva tal-grupp.