Il-bażi tal-klejms għandha tkun ikkalkolata kif ġej:
L-ammonti tal-klejms imħallsin għan-negozju dirett (mingħajr ebda tnaqqis ta' klejms imħallsin mir-riassiguraturi u retroċessjonarji) fil-perjodi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom ikunu aggregati.
Ma' dik is-somma għandu jingħadd l-ammont ta' klejms imħallsin għar-riassigurazzjonijiet jew ir-retroċessjonijiet aċċettati matul l-istess perjodi u l-ammont ta' provvedimenti għall-klejms li għadhom pendenti stabbiliti f'għeluq is-sena finanzjarja preċedenti, kemm għan-negozju dirett kif ukoll għall-aċċettazzjonijiet riassigurattivi.
Minn din is-somma għandu jitnaqqas l-ammont ta' rkupri magħmulin matul il-perjodi speċifikati fil-paragrafu 1.
Mis-somma rimanenti, għandu jitnaqqas l-ammont ta' provvedimenti għall-klejms pendenti stabbiliti fil-bidu tat-tieni sena finanzjarja ta' qabel l-aħħar sena li għaliha hemm il-kontijiet, kemm għan-negozju dirett kif ukoll għall-aċċettazzjonijiet riassigurattivi.
Terz tal-ammont hekk miksub għandu jinqasam f'żewġ porzjonijiet, l-ewwel porzjon jestendi sa EUR 35 000 000 , it-tieni jikkonsisti fl-eċċess; 26 % tal-ewwel porzjon u 23 % tat-tieni porzjon għandhom jiġi kkalkolati u magħdudin flimkien.
Is-somma hekk miksuba għandha tiġi mmultiplikata bil-proporzjon eżistenti fir-rigward tas-somma tat-tliet snin finanzjarji preċedenti bejn l-ammont tal-klejms li jkun fadal x'jitħallsu mill-IORP wara t-tnaqqis tal-ammonti rekuperabbli bir-riassigurazzjoni u l-ammont gross tal-klejms. Dak il-proporzjon ma jista' fl-ebda każ ikun anqas minn 50 %.