1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja kif imsemmija fl-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2024/1624, id-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 63(4) ta' dak ir-Regolament u l-informazzjoni dwar l-arranġamenti tal-mandatarji kif imsemmija fl-Artikolu 66 ta' dak ir-Regolament jinżammu f'reġistru ċentrali fl-Istat Membru fejn l-entità ġuridika tkun inħalqet jew fejn ikun stabbilit jew residenti l-fiduċjarju ta' trust espress jew persuna f'pożizzjoni ekwivalenti f'arranġament ġuridiku simili, jew minn fejn jiġi amministrat l-arranġament ġuridiku. Dan ir-rekwiżit m'għandux japplika għall-entitajiet ġuridiċi jew l-arranġamenti ġuridiċi kif imsemmija fl-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2024/1624.
L-informazzjoni fir-reġistru ċentrali tas-sjieda benefiċjarja msemmi fl-ewwel subparagrafu (“ir-reġistru ċentrali”) għandha tkun disponibbli f'format li jinqara mill-magni u tinġabar f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 6.