4. Fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha, kull FIU għandha tkun tista' titlob, tikseb u tuża l-informazzjoni minn kwalunkwe entità marbuta b'obbligu biex taqdi l-funzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 19(3) ta' din id-Direttiva, anki jekk ma jiġi ppreżentat l-ebda rapport minn qabel skont l-Artikolu 69(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), jew l-Artikolu 70(1), tar-Regolament (UE) 2024/1624. L-entitajiet marbutin b'obbligu ma għandhomx ikunu obbligati jissodisfaw it-talbiet għall-informazzjoni magħmula skont dan il-paragrafu meta dawn jikkonċernaw informazzjoni miksuba fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 70(2) ta’ dak ir-Regolament.