7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f'każijiet eċċezzjonali, ġustifikati u urġenti u, b'deroga mill-paragrafu 6, meta skont il-paragrafu 1 FIU issirilha talba biex tipprovdi informazzjoni li jew tkun miżmuma f'bażi tad-data jew f'reġistru direttament aċċessibbli mill-FIU li ssirilha t-talba jew li diġà tkun fil-pussess tagħha, l-FIU li ssirilha t-talba għandha tipprovdi dik l-informazzjoni mhux aktar tard minn ġurnata waħda tax-xogħol minn meta tirċievi t-talba.
Jekk l-FIU li ssirilha t-talba ma tkunx tista' twieġeb fi żmien ġurnata waħda tax-xogħol jew ma tkunx tista' taċċessa l-informazzjoni direttament, hija għandha tipprovdi ġustifikazzjoni. Meta l-għoti tal-informazzjoni mitluba f’ġurnata waħda tax-xogħol ipoġġi piż sproporzjonat fuq l-FIU li ssirilha t-talba, hija tista' tipposponi l-għoti tal-informazzjoni. F'dak il-każ, l-FIU li ssirilha t-talba għandha tinforma minnufih lill-FIU rikjedenti b’tali posponiment. L-FIU li ssirilha t-talba tista' testendi sa massimu ta' 3 ijiem tax-xogħol l-iskadenza biex twieġeb għal talba għal informazzjoni.