2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta s-superviżuri finanzjarji jidentifikaw dgħufijiet fis-sistema ta' kontroll intern tal-AML/CFT u fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1624 ta' istituzzjoni ta' kreditu li jżidu materjalment ir-riskji li għalihom l-istituzzjoni hija esposta jew li tista' tkun esposta, is-superviżur finanzjarju jinnotifika minnufih lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u lill-awtorità jew lill-korp li jissorvelja lill-istituzzjoni ta' kreditu f'konformità mad-Direttiva 2013/36/UE, inkluż lill-BĊE li jaġixxi f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.
Fil-każ ta' żieda potenzjali fir-riskju, is-superviżuri finanzjarji għandhom ikunu jistgħu jikkooperaw u jikkondividu informazzjoni mal-awtoritajiet li jkunu qed jissorveljaw l-istituzzjoni f'konformità mad-Direttiva 2013/36/UE u jfasslu valutazzjoni komuni li għandha tiġi nnotifikata lill-EBA mis-superviżur li jkun bagħat in-notifika l-ewwel. L-AMLA għandha tinżamm infurmata b'tali notifiki.