+Artikolu 5a Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali
---+Artikolu 5a 1.
---+Artikolu 5a 2.
---+Artikolu 5a 3.
---+Artikolu 5a 4.
---+Artikolu 5a 5.
---+Artikolu 5a 6.
---+Artikolu 5a 7.
---+Artikolu 5a 8.
---+Artikolu 5a 9.
---+Artikolu 5a 10.
---+Artikolu 5a 11.
---+Artikolu 5a 12.
---+Artikolu 5a 13.
---+Artikolu 5a 14.
---+Artikolu 5a 15.
---+Artikolu 5a 16.
---+Artikolu 5a 17.
---+Artikolu 5a 18.
---+Artikolu 5a 19.
---+Artikolu 5a 20.
---+Artikolu 5a 21.
---+Artikolu 5a 22.
---+Artikolu 5a 23.
---+Artikolu 5a 24.

Artikolu 5a Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 5a 1.
Għall-fini li jiġi żgurat li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha fl-Unjoni jkollhom aċċess transfruntier sigur, affidabbli u mingħajr xkiel għas- servizzi pubbliċi u privati, filwaqt li jkollhom kontroll sħiħ fuq id-data tagħhom, kull Stat Membru għandu jipprovdi mill-inqas Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali waħda fi żmien 24 xahar mid-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 23 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 5c(6).
Artikolu 5a 2.

Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom jiġu pprovduti b’wieħed jew aktar mill-mod li ġejjin:

(a) 

direttament minn Stat Membru;

(b) 

skont mandat minn Stat Membru;

(c) 

b’mod indipendenti minn Stat Membru iżda rikonoxxut minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 5a 3.
Il-kodiċi tas-sors tal-komponenti tas-software ta’ applikazzjoni tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandu jkollu liċenzja ta’ sors miftuħ. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, għal raġunijiet debitament ġustifikati, il-kodiċi tas-sors ta’ komponenti speċifiċi għajr dawk installati fuq l-apparat tal-utenti ma għandux jiġi żvelat.
Artikolu 5a 4.

Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom, b’mod li jkun faċli għall-utent, trasparenti u traċċabbli mill-utent, jippermettu lill-utent:

(a) 

jitlob, jikseb, jagħżel, jikkombina, jaħżen, iħassar, jikkondividi u jippreżenta b’mod sigur taħt il-kontroll uniku tal-utent, data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna u, fejn applikabbli, flimkien ma’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi, jawtentika lil partijiet dipendenti online u, fejn xieraq f’modalità offline, sabiex jaċċessaw servizzi pubbliċi u privati, filwaqt li jagħmel possibbli l-iżvelar selettiv tad-data;

(b) 

jiġġenera psewdonimi u jaħżinhom kriptati u lokalment fil-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(c) 

jawtentika b’mod sigur il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali ta’ persuna oħra, u jirċievi u jikkondividi data tal-identifikazzjoni tal-persuna u attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi b’mod sigur bejn iż-żewġ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali;

(d) 

jaċċedi għal reġistru tat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa permezz tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali bis-saħħa ta’ dashboard komuni li jippermetti lill-utent:

(i) 

jara lista aġġornata tal-partijiet dipendenti li magħhom l-utent ikun stabbilixxa konnessjoni u, fejn applikabbli, id-data kollha skambjata;

(ii) 

jitlob faċilment it-tħassir minn parti dipendenti ta’ data personali skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/679);

(iii) 

jirrapporta faċilment parti dipendenti lill-awtorità nazzjonali kompetenti għall-protezzjoni tad-data, fejn tasal talba allegatament illegali jew suspettuża ta’ data;

(e) 

jiffirma permezz ta’ firem elettroniċi kwalifikati jew jissiġilla permezz ta’ siġilli elettroniċi kwalifikati;

(f) 

iniżżel, sa fejn ikun teknikament fattibbli, id-data tal-utent, l-attestazzjoni elettronika tal-attributi u l-konfigurazzjonijiet;

(g) 

jeżerċita d-drittijiet tal-utent għall-portabbiltà tad-data.

Artikolu 5a 5.

Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom, b’mod partikolari:

(a) 

jappoġġaw protokolli u interfaċċi komuni:

(i) 

għall-ħruġ ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati u mhux kwalifikati tal-attributi jew ċertifikati kwalifikati u mhux kwalifikati għall-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(ii) 

għal partijiet dipendenti biex jitolbu u jivvalidaw data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna u attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi;

(iii) 

għall-kondiviżjoni u l-preżentazzjoni lill-partijiet dipendenti ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi jew ta’ data relatata żvelata b’mod selettiv online u, fejn xieraq, f’modalità offline;

(iv) 

għall-utent biex jippermetti interazzjoni mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali u juri Marka Fiduċjarja tal-UE għall-Kartieri tal-Identità Diġitali;

(v) 

biex isir onboarding b’mod sigur tal-utent bl-użu ta’ mezz ta’ identifikazzjoni elettronika f’konformità mal-Artikolu 5a(24);

(vi) 

għall-interazzjoni bejn il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali ta’ żewġ persuni għall-fini li jirċievi, jivvalida u jikkondividi data tal-identifikazzjoni tal-persuna u attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi b’mod sigur;

(vii) 

għall-awtentikazzjoni u l-identifikazzjoni ‘partijiet dipendenti bl-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ awtentikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5b;

(viii) 

għall-partijiet dipendenti biex jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali;

(ix) 

biex parti dipendenti tintalab it-tħassir ta’ data personali skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/679;

(x) 

għar-rapportar ta’ parti dipendenti lill-awtorità nazzjonali kompetenti għall-protezzjoni tad-data meta tiġi riċevuta talba għal data allegatament illegali jew suspettuża;

(xi) 

għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi jew siġilli elettroniċi kwalifikati permezz ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi jew siġilli elettroniċi;

(b) 

ma jfornu l-ebda informazzjoni lill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi dwar l-użu ta’ dawk l-attestazzjonijiet elettroniċi;

(c) 

jiżguraw li l-l-partijiet dipendenti jistgħu jiġu awtentikati u identifikati permezz ta’ mekkaniżmi ta’ awtentikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5b;

(d) 

jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 fir-rigward tal-livell ta’ assigurazzjoni għoli, b’mod partikolari kif applikat għar-rekwiżiti għall-prova u l-verifika tal-identità, u għall-ġestjoni u l-awtentikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika;

(e) 

fil-każ tal-attestazzjoni elettronika tal-attributi b’politiki ta’ żvelar inkorporati, jimplimentaw il-mekkaniżmu xieraq biex jinformaw lill-utent li l-parti dipendenti jew l-utent tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġiħrutali li jitlob dik l-attestazzjoni elettronika ta’ attributi jkollu l-permess biex jaċċessa tali attestazzjoni;

(f) 

jiżguraw li d-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, li tkun disponibbli mill-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika li skontha tiġi fornuta l-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, tirrappreżenta unikament lill-persuna fiżika, lill-persuna ġuridika jew lill-persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta lill-persuna fiżika jew ġuridika, u tkun assoċjata ma’ dik il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali;

(g) 

joffru lill-persuni fiżiċi kollha l-kapaċità li jiffirmaw permezz ta’ firem elettroniċi kwalifikati b’mod awtomatiku u mingħajr ħlas.

Minkejja l-punt (g) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu miżuri proporzjonati biex jiżguraw li l-użu ta’ firem elettroniċi kwalifikati mingħajr ħlas minn persuni fiżiċi jkun limitat għal finijiet mhux professjonali.

Artikolu 5a 6.
L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-utenti, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe ksur tas-sigurtà li seta’ kkomprometta b’mod sħiħ jew parzjali l-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tagħhom jew il-kontenuti tagħha, b’mod partikolari jekk il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tagħhom tkun ġiet sospiża jew revokata skont l-Artikolu 5e.
Artikolu 5a 7.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5f, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, funzjonalitajiet addizzjonali tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, inkluż l-interoperabbiltà ma’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika nazzjonali eżistenti. Dawk il-funzjonalitajiet addizzjonali għandhom jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu.
Artikolu 5a 8.

L-Istati Membri għandhom ifornu mekkaniżmi ta’ validazzjoni mingħajr ħlas sabiex:

(a) 

jiġi żgurat li l-awtentiċità u l-validità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jkunu jistgħu jiġu vverifikati;

(b) 

l-utenti jkunu jistgħu jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità tal-identità tal-partijiet dipendenti reġistrati skont l-Artikolu 5b.

Artikolu 5a 9.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-validità tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tkun tista’ tiġi revokata fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) 

fuq it-talba espliċita tal-utent;

(b) 

fejn is-sigurtà tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tkun ġiet kompromessa;

(c) 

fil-każ tal-mewt tal-utent jew tal-waqfien tal-attività tal-persuna ġuridika.

Artikolu 5a 10.
Il-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom jiżguraw li l-utenti jkunu jistgħu faċilment jitolbu assistenza teknika u jirrapportaw problemi tekniċi jew kwalunkwe inċident ieħor li jkollu impatt negattiv fuq l-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.
Artikolu 5a 11.
Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom jiġu fornuti taħt skema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata b’livell ta’ assigurazzjoni għoli.
Artikolu 5a 12.
Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom jiżguraw is-sigurtà fid-disinn.
Artikolu 5a 13.
Il-ħruġ, l-użu u r-revoka tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom ikunu mingħajr ħlas għall-persuni fiżiċi kollha.
Artikolu 5a 14.
L-utenti għandu jkollhom kontroll sħiħ tal-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tagħhom u tad-data fiha. Il-fornitur tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali la għandu jiġbor informazzjoni dwar l-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali li ma tkunx meħtieġa għall-forniment tas-servizzi tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, u lanqas jikkombina data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna jew kwalunkwe data personali oħra maħżuna jew relatata mal-użu tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali ma’ data personali minn xi servizz ieħor offrut minn dak il-fornitur jew minn servizzi ta’ partijiet terzi li ma jkunux meħtieġa għall-forniment tas-servizzi tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, dment li l-utent ma jkunx talab mod ieħor b’mod espliċitu. Id-data personali relatata mal-forniment tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali għandha tinżamm loġikament separata minn kwalunkwe data oħra miżmuma mill-fornitur tal-Kartiera Ewropa tal-Identità Diġitali. Jekk il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tiġi fornuta minn partijiet privati f’konformità mal-paragrafu 2, il-punti (b) u (c), ta’ dan l-Artikolu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45h(3) għandhom japplikaw mutatis mutandis.
Artikolu 5a 15.
L-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandu jkun fuq bażi volontarja. L-aċċess għas-servizzi pubbliċi u privati, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-libertà ta’ intrapriża ma għandhom bl-ebda mod ikunu limitati jew ikunu żvantaġġużi għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jużawx il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali. Għandu jibqa’ possibbli l-aċċess għas-servizzi pubbliċi u privati b’mezzi ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni eżistenti oħra.
Artikolu 5a 16.

Il-qafas tekniku tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali:

(a) 

ma għandux jippermetti lill-fornituri ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jew lil kwalunkwe parti oħra, wara l-ħruġ tal-attestazzjoni tal-attributi, jiksbu data li tippermetti li t-tranżazzjonijiet jew l-imġieba tal-utent jiġu traċċati, konnessi jew korrelatati jew l-għarfien tat-tranżazzjonijiet jew l-imġieba tal-utent jiġu miksuba b’mod ieħor, sakemm ma jkunx awtorizzat b’mod espliċitu mill-utent;

(b) 

għandu jippermetti tekniki ta’ preservazzjoni tal-privatezza li jiżguraw in-nuqqas ta’ konnessjoni, fejn l-attestazzjoni tal-attributi ma teħtieġx l-identifikazzjoni tal-utent.

Artikolu 5a 17.
Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mwettaq mill-Istati Membri jew f’isimhom minn korpi jew partijiet responsabbli għall-forniment tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali bħala mezz ta’ identifikazzjoni elettronika għandu jitwettaq f’konformità ma’ miżuri xierqa u effettivi tal-protezzjoni tad-data. Il-konformità ta’ tali proċessar mar-Regolament (UE) 2016/679 għandha tintwera. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali biex jispeċifikaw aktar l-applikazzjoni ta’ tali miżuri.
Artikolu 5a 18.

L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar:

(a) 

il-korp responsabbli għall-istabbiliment u ż-żamma tal-lista ta’ partijiet dipendenti reġistrati li jiddependu mill-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali f’konformità mal-Artikolu 5b(5) u fejn tinsab dik il-lista;

(b) 

il-korpi responsabbli għall-forniment tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali f’konformità mal-Artikolu 5a(1);

(c) 

il-korpi responsabbli biex jiżguraw li d-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna tkun assoċjata mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali f’konformità mal-Artikolu 5a(5)(f);

(d) 

il-mekkaniżmu li jippermetti l-validazzjoni tad-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna msemmija fl-Artikolu 5a(5)(f), u tal-identità tal-partijiet dipendenti;

(e) 

il-mekkaniżmu li biħ tivvalida l-awtentiċità u l-validità tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni notifikata permezz tal-ewwel subparagrafu disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ kanal sigur, f’forma ffirmata jew issiġillata elettronikament adatta għall-ipproċessar awtomatizzat.

Artikolu 5a 19.
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 22 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 11 għandu japplika mutatis mutandis għall-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.
Artikolu 5a 20.
L-Artikolu 24(2)(b), u (d) sa (h), għandu japplika mutatis mutandis għall-fornituri tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.
Artikolu 5a 21.
Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom isiru aċċessibbli għall-użu, minn persuni b’diżabilità, fuq bażi ugwali ma’ utenti oħra, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ),.
Artikolu 5a 22.
Għall-finijiet tal-forniment ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali u l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika li skonthom jiġu fornuti ma għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 7, 9, 10, 12 u 12a.
Artikolu 5a 23.
Sal-21 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn neċessarju, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 4, 5, 8 u 18 ta’ dan l-Artikolu dwar l-implimentazzjoni tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).
Artikolu 5a 24.
Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza u, fejn meħtieġ, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet u proċeduri sabiex tiffaċilita l-onboarding tal-utenti fil-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali b’mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li jikkonformaw ma’ livell ta’ assigurazzjoni għoli jew b’mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li jikkonformaw ma’ livell ta’ assigurazzjoni sostanzjali flimkien ma’ proċeduri addizzjonali ta’ onboarding mill-bogħod li flimkien jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-livell ta’ assigurazzjoni għoli. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 18.10.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32014R0910
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.